Peress li x-xogħlijiet ta' manutenzjoni li kellhom isiru fit-toroq ta' l-Industrial Estate, Mrieħel la saru fl-ewwel ġimgħa ta' Jannar u lanqas fl-aħħar ġimgħa, jista' l-Ministru jara li jikkordina dan il-bżonn li qed joħloq inkonvenjent kbir lill-ħaddiema, diretturi u konsumaturi li jiffrekwentaw dawn l-inħawi industrijali?
Jekk fl-affermattiv, meta u liema sezzjoni hija responsabbli minn dan ix-xogħol?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li s-sejħa għall-offerti għall-manutenzjoni tat-toroq ġewwa l-Qasam Industrijali, msemmi ħarġet u x-xogħol meħtieġ mistenni jibda fi żmien mhux il-bogħod.
Jista' l-Ministru jara li jsir programm ta' l-għoti tat-tarmac fit-toroq u lokalitajiet tat-12-il distrett Mellieħa, Rabat, Baħrija, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, Mġarr, Manikata, Buġibba eċċ?
Liema huma dawk it-toroq li fil-fatt se jiġi mogħtija t-tarmac matul din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qiegħed jitfassal pjan għal asfalt ta` toroq fil-lokalitajiet madwar Malta kollha biex il-prijoritajiet tax-xogħol għal din is sena u għas-snin li ġejjin ikunu definiti u kkwantifikati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa fil-mument in-numru ta' pazjenti Maltin u Għawdxin li jinsabu jistennew appuntament sabiex jassistu għal kura fl-isptarijiet barranin?
Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet u x'qed isir sabiex jiġu rikoverati bl-inqas dewmin ta' żmien?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-31 ta' Jannar 1999 kien hemm 26 pazjent jistennew appuntament biex imorru għal kura fi sptarijiet l-Ingilterra.
Iż-żmien li pazjent idum jistenna jiddependi mill-urġenza tal-każ u mill-'waiting list' li hemm fl-isptar fejn il-pazjent jeħtieġ il-kura. L-iżjed li jdumu jistennew huma pazjenti ta' l-ortopedija fejn il-'waiting list' hi twila. Hemm 3 pazjenti li ilhom jistennew 'l fuq minn għaxar xhur.
Id-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed f'kuntatt kuljum ma' l-isptarijiet l-Ingilterra u mal-Kummissjoni Għolja ta' Malta f'Londra biex il-pazjenti jingħataw appuntament mill-aktar fis possibbli.
B'riferenza għall-impjiegi fil-fabbriki, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-kumpanniji/fabbriki li għandhom xi forma ta' agreement dwar in-numru ta'ħaddiema li jimpjegaw?
Kemm fil-fatt huwa n-numru li suppost iħaddmu dawn l-imsemmija u kemm fil-fatt qed jimpjegaw fil-mument?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minħabba l-provvediment ta' l-Att dwar l-Iżvilupp Industrijali (Kap 325) li jirrigwarda l-kunfidenzjalita, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-prezzijiet medji għall-prodotti tal-bdiewa mill-Pitkalija Ċentrali matul Novembru u Diċembru 1998 u Jannar 1999?
Jista' l-Ministru jinformani wkoll bl-istess statistika għall-perijodu ta' Novembru u Diċembru ta' l-1997 u Jannar ta' l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
KGS LM AVERAGE
November 1998 2,099,629 383,213 18.25
December 1998 1,851,573 360,942 19.49
January 1999 2,083,233 285,853 13.72
KGS LM AVERAGE
November 1997 1,793,559 338,688 18.88
December 1997 1,593,846 431,684 27.08
January 1998 31,360,744 4,817,622 15.36
Dawn il-figuri jikkonfermaw kemm huwa kbir il-bżonn li s-sistema kollha ta' kif iseħħ in-negozju fil-pitkalija għandha tiġi moderniżżata u komputeriżżata ħalli b'hekk l-operaturi kollha nvoluti, nkluż il-konsumatur, ikun jaf l-prezzijiet rejali tal-bejgħ/xiri ta' kull prodott agrikolu.
Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk il-kumpanniji/organizzazzjonijiet eċċ Ewropej rikonoxxuti mill-IFOAM għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħamrija u prodotti agrikoli organiċi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lil Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari numru 4077.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3420, Seduta Nru. 56, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fl-Ewropa hawnx kumpanniji volontarji u/jew organizzazzjonijiet mhux kummerċjali li jagħmlu testijiet xjentifiċi fuq ħamrija u prodotti agrikoli bla ħlas u ċioe' mhux fuq bażi kummerċjali?
Liema minn dawn il-kumpanniji huma rikonoxxuti mill-IFOAM International Federation Organic Agriculture Movement?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena infurmat li l-IFOAM hija għaqda internazzjonali mhux governattiva li tħaddan fiha 740 organiżazzjoni membru fosthom tal-produtturi, tal-manifatturi u tal-konsumaturi minn 105 pajjiż mid-dinja kollha.
M'għandiex informazzjoni jekk fl-Ewropa hawnx xi għaqda volontarja li lesta tagħmel xi testijiet jew analiżi fuq prodotti agrikoli jew ħamrija bla ħlas li hija rikonoxxuta minn din l-għaqda.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bix-xogħlijiet li saru mill-5 ta' Settembru 'l hawn, ngħidu aħna għall-kontinwazzjoni tal-garaxxijiet tal-Qawra? Peress li r-residenti jixtiequ li x-xogħlijiet jiġu ffinalizzati, jista' l-Ministru jara li din it-talba tiġi attwata? Jekk fl-affermattiva, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jinsab wieqaf għax ix-xogħol ma kienx qed jiġi esegwit eżattament skond il-permessi maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. It-Taqsima tax-Xogħlijiet qed tistenna l-konferma ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fuq pjanti ġodda sottomessi mill-istess taqsima.
B'riferenza għal Lm40,000 f'safar imsemmija fl-estimi ta' l-1997 taħt il-Ministeru tal-Biedja u Sajd, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu l-ispejjeż tas-safar li saru minn delegazzjonijiet attwalment immexxija mill-Ministru ta' dik is-sena? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-kumplament tal-vot ta' Lm40,000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fl-1997 kien hemm tlett delegazzjonijiet immexxija mill-Ministru ta' dak iż-żmien li l-ispejjeż tagħhom kienu jammontaw għal Lm842.17.
Tħallsu wkoll Lm15,708.43 li jkopru ħamsa u tletin (35) safra tul dik is-sena li saru minn uffiċjali impjegati ma' dan il-Ministeru u persuni oħra approvati mill-Ministru.
Lm29,335.99 tħallsu lid-Dipartiment tat-Teżor permezz ta' transfer voucher biex ingħalqu kontijiet arretrati li kienu ngabru tul is-snin ta' qabel.
Jista' l-Ministru jara li jsiru lampi ma' l-arbli li twaħħlu matul l-aħħar xhur fl-inħawi tal-Fiddien, l/o Rabat, cioe' fejn qed jissokta l-proġett ta' Wied il-Qlejgħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-arbli msemmija kienu nstallati mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għal servizz temporanju. L-arbli mhux kollha jistgħu jintużaw birx jitwaħħlu l-lampi. Għaldaqstant it-talba biex isiru lampi fl-inħawi msemmija, qiegħda tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li r-Rabat Ajax Football Club ingħataw uffiċjalment il-ground tal-football li fil-mument jipprattikaw fih?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi qed jagħmel ħiltu biex dan il-ground, li huwa propjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar, jingħata uffiċjalment lir-Rabat Ajax Football Club. Fil-fatt diġa' hemm korrispondenza bejnu u l-Awtorita' tad-Djar u bejn l-istess Awtorita' u l-Club tar-Rabat Ajax bil-għan li jintlaħaq ftehim.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'policy nazzjonali għandu l-gvern għall-isport tal-karozzi u muturi fil-gżejjer tagħna?
Xi żviluppi se jsiru fil-faċilitajiet eżistenti u kemm hija n-nefqa vvotata għal dawn ix-xogħlijiet?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-ASM tingħata uffiċjalment il-korsa ta' Ta'Qali li ilha torganizza l-attivitajiet nazzjonali tagħha sa mill-1986?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern għadu fil-proċess li jifformula policy dwar l-isport tal-karozzi u muturi fl-isfond ta'dak li kien imwiegħed fil-Programm Elettorali.
L-iżvilupp tal-faċilitajiet eżistenti jkun jista' jiġi kkunsidrat meta tiġi mfassla din il-policy.
Il-Kunsill Malti għall-Isport kien diġa' beda didkussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fir-rigward ta' Ta' Qali Action Plan u l-faċilitajiet sportivi eżistenti ġewwa Ta' Qali. Dawn id-diskussjonijiet jitkomplew wara li jiġi maħtur il-Kunsill Malti għall-Isport.
B'riferenza għall-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bix-xogħlijiet li saru mill-5 ta' Settembru, 'il hawn?
Meta huwa pproġettat li jitlesta l-proġett u kif se jkunu mqassma x-xogħlijiet matul din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 'il hawn saru 237 gabjun, 24 Terramesh units u 5 Materassi. Tneħħew ukoll 146 truck materjal minn ġol-wied.
Matul din is-sena ser jitlesta' it-tieni fażi tal-proġett u tinbeda it-tielet fażi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' rmiġġi li se żżid l-Awtorita' Marittima matul din is-sena? F'liema nħawi ta' Malta? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jiżdiedu l-irmiġġi fin-naħa ta' fuq ta' Malta, partikolarment f'San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa `llum, l-Awtorita` Marittima għad m`għandiex pjani li tagħmel irmiġġi f`xi nħawi.
L-Awtorita` Marittima minn żmien għal ieħor tirċievi applikazzjoni għal irmiġġi temporanji f`kull bajja ta` Malta, inklużi San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.
Sakemm ma jkunux f`xi żona riservata għall-għawwiema, dawn l-applikazzjonijiet dejjem ġew milqugħa.
B'riferenza għall-proposti/draft li ħejjiet l-Awtorita' Marittima sabiex jiġi mwaqqaf l-Institute of Marina Studies, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern huwiex se jkompli jiżviluppa dan il-ħsieb?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fl-1994 bdew diskussjonijiet bejn l-Awtorita` Marittima u l-Ministeru ta` l-Edukazzjoni biex ikun hemm kordinazzjoni kontinwa dwar `courses` u servizzi oħra li tipprovdi l-Iskola Nawtika.
B`riżultat ta` dawn it-taħdidiet, li damu sejrin sa l-1998, twaqqaf kumitat b`rappreżentanti miż-żewġ naħat li eventwalment wassal biex ħarġet l-idea li jitwaqqaf Istitut għall-Istudji Marittimi. Il-Kumitat fassal Statut proviżorju kif ukoll `Business Plan`, iżda ma ntlaħaqx ftehim dwar `frame work` legali biex jista` jitwaqqaf dan l-Istitut.
Il-Gvern qiegħed jeżamina s-sitwazzjoni biex ix-xogħol li sar ma jisfax fix-xejn.
B'riferenza għax-xogħlijiet maħsuba li jsiru mill-amministrazzjoni preċedenti, cioe' sabiex isir ir-refurbishment tal-breakwater tal-Veċċa u tal-moll ta' Buġibba, jista' l-Ministru jikkonferma mal-Kamra li x-xogħlijiet se jiġu attwati? Jekk fl-affermattiv, meta u kemm hija n-nefqa vvotata għal dawn ix-xogħlijiet ta' refurbishment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għas-sena finanzjarja 1998-99, l-Awtorita` Marittima vvutat is-somma ta` Lm60,000 għal xogħol fuq il-Breakwater ta` Bugibba u tal-Veċċa.
Diġa sar survey fuq il-moll ta` Buġibba u ser toħroġ Tender biex isir dan ix-xogħol ta` Hemm il-ħsieb li jsir survey fuq il-moll tal-Veċċa din is-sena biex ix-xogħolijiet ta` tiswija jitwettqu mill-aktar fis.
Dan juri li l-amministrazzjoni preżenti qed tieħu x-xogħol meħtieġ bis-serjeta.
Kummissjoni Nazzjonali għall-Biedja u Sajd — Rapport
Question
B'riferenza għar-rapport li tħejja bejn l-uffiċjali Maltin, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Biedja u Sajd u l-FAO dwar l-iżvilupp tal-biedja u sajd fil-gżejjer tagħna taħt l-amministrazzjoni preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jkompli jimxi u ċioe' jiżviluppa s-settur tal-biedja u sajd abbażi ta' dan ir-rapport?
Jekk iva, x'laqgħat saru mill-5 ta'Settembru 'l hawn bħala kontinwazzjoni ta' dan ir-rapport u minn kienu l-uffiċjali nvoluti?
Minn kienu r-rappreżentanti tal-FAO li ġew Malta matul 1998 għal dan l-impenn u minn huwa mistenni li jiġi mill-FAO matul din is-sena?
X'kordinament qed isir ma' l-Istitut ta' l-Agrikoltura ta' l-universita'?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li tħejjew żewġ rapporti wieħed minn uffiċjal għoli u l-ieħor mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Biedja u Sajd. Uffiċjali oħra qed jippreparaw numru ta' rapporti dwar policies partikolari sabiex jiġu analiżżati minn konsulenti maħtura mill-FAO skond il-proġett msejjaħ 'Advice of Selected Agricultural Policy Issues'.
Hemm bżonn li dawn ir-rapporti issa jiġu adattati u emendati fid-dawl tar-riattivazzjoni tal-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħieħa fl-Unjoni Ewropea.
Minn dawn ir-rapporti kollha wara analiżi retta jiġi ppreparat dokument wieħed li jagħti direzzjoni ċara għall-iżvilupp tal-agrikoltura f'Malta.
Saru diversi laqgħat bejn l-uffiċjali Maltin sabiex jiġu finaliżżati r-rapporti ndividwali.
F' 1998 ġew Malta 4 konsulenti tal-FAO w uffiċjal tal-FAO, dawn kienu:
1. Gerard Gagnon - Team Leader/International Senior Policy Advisor
2. Dick Quick - Marketing/Trade Specialist
3. Paul Munro-Faure - Land Market and Land Tenure Specialist
4. Richard A J Roberts - Rural Finance Specialist
5. Tomasz Lonc - Backstopping Officer.
Matul din is-sena l-istess konsulenti huma mistennija jerġaw jiġu Malta.
L-esperti tal-FAO jingħataw l-opportunita' li jiddiskutu mad-diriġenti tal-Istitut tal-Agrikoltura ta' l-Universita' ta' Malta.
B'riferenza għal petizzjoni mressqa mir-residenti ta' Blk A, Ta' Pirellu, Mellieħa, jista' l-Ministru jinformana bis-sitwazzjoni u cioe' l-iżviluppi tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Tlabt li ningħata l-informazzjoni kollha relevanti biex niddeċidi x'għandu jsir.
08.02.99
Jista' l-Ministru jgħid x'konsultazzjonijiet/laqgħat saru bejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, l-koperattivi u l-għaqdiet tal-bdiewa sabiex ittieħdet id-deċiżjoni li 18,000 tunnellata ħass jiġu importati b'eżenzjoni ta' 35c il-kilo? Meta saru dawn il-konsultazzjonijiet/laqgħat u min kien preżenti mill-koperattivi u għaqdiet tal-bdiewa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-guidelines ta' taxxi/dazji dovuti fuq importazzjoni ta' materja prima minn barra l-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea għall-Agro Industrija, cioe' jekk din il-materja prima hijiex se tiġi eżentata kif kienet taħt il-liġi tas-CET?
Response (DALLI, JOHN)
Il-materja prima għall-Agro Industrija tikkonsisti prinċipalment fi prodotti ta` l-ikel li għad iridu jiġu proċessati. M`hemm l-ebda VAT fuq dawn il-prodotti ġejjin min fejn ġejjin. Jekk ikun hemm materja prima oħra li fuqha tkun tħalset xi VAT din it-taxxa tiġi refunded.
Dwar dazji, ma kienx hemm l-ebda tibdil min kif kienu r-rati fl-1998.