Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3712, ma kienx spjegat x'inhi s-sitwazzjoni tad-dazju fuq materja prima importata mill-pajjiżi li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jkompli jwieġeb id-domanda u ċioe' jgħid jekk id-dazju huwiex se jkun eżentat?
Response (DALLI, JOHN)
Is-sitwazjoni, fir-rigward ta` eżenzjonijiet għandha tkun dik li daħlet fis-seħħ fl-1 ta` Jannar 1995.
Fir-rigward tar-rati, billi l-Gvern soċjalista kien ċaqlaqhom mal-introduzjoni tas-sisa, dawn għadhom l-istess kif daħlu fis-seħħ fl-1 ta` Lulju 1997.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi preċedenti sabiex jiġi estiż is-servizz tad-drenaġġ fil-bliet u l-irħula tat-12-il distrett bħal Baħrija, Buskett, Rabat, eċċ, jista' l-Ministru jinformani bil-programm ta' xogħlijiet li se jsiru matul Marzu, April u Mejju ta' din is-sena f'dawn il-lokalitajiet?
Jista' d-Dipartiment ta' l-Ambjent jara li l-fosos tal-Baħrija jitħammlu aktar ta' spiss peress li reġa' qed ikun hemm il-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi ta' ġnien il-margia?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
F'Mejju ta' l-1999 mistennija ssir sejħa għall-offerti għat-tqegħid ta' 3.2 kilometri ta' mejnijiet fi Triq l-Imdina bejn ir-Rabat u Ħ'Attard, l-inħawi tal-Ħemsija u t-telgħa tas-Saqqajja.
L-ebda xogħol ma huwa ppjanat li jsir fix-xhur indikati, fl-inħawi tal-Baħrija u l-Buskett.
Il-kuntrattur il-ġdid li ħa l-kuntratt biex jitbattlu l-fosos ingħata struzzjonijiet ċari tad-doveri tiegħu illi l-fosos tal-Baħrija jiġu mbattlin kuljum inkluż fil-weekend.
Peress li l-amministrazzjoni preċedenti kienet ipproġettat li l-Pitkalija Ċentrali tingħata tarmac ħalli mal-bini tat-tined u tal-maħżen tal-kaxxi jkompli jsir aktar titjieb għall-ġid tal-bdiewa, xerrejja u pitkala, jista' l-Ministru jinformani jekk dan ix-xogħol huwiex se jiġi onorat? Jekk iva, meta se jsiru x-xogħlijiet u jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant huwa konxju tal-fatt li kull Amministrazzjoni tista' toħlom u tiftaħar b' numru bla limitu ta' 'proġetti' fl-ajru. Li jinteressa l-poplu huwa kemm mill-istess 'proġetti' l-istess Amministrazzjoni eventwalment twettaq.
Minkejja l-istqarrija tal-Onor. Interpellant dwar proġettar ta' xogħolijiet ta' tarmac, ma jirriżultax li l-amministrazzjoni preċedenti kient fil fatt għamlet xi pjanijiet konkreti sabiex jingħata dan it-tarmac fil-Pitkalija.
Tajjeb li jkun infurmat pero' li bħalissa qed isiru tħejjijiet sabiex wara li jtlestew it-tined, isiru l-kanali meħtieġa fuq il-platforms biex jinġabar l-ilma ta' fuq l-istess tined. Wara hemm il-ħsieb li jitħaffru trinek sabiex minnhom jgħaddu kemm il-'fibre optic cable', li jgħaqdu l-Pitkaliji mal-Blokk Amministrattiv, u kif ukoll 'cable' tad-dawl sabiex il-Pitkalija tkun imdawla kif xieraq.
Wara li jitlesta dan ix-xogħol toħroġ it-tender għal-kisi tat-tarmac.
B'riferenza għall-ħut (fingerlinks) li nħarġu mill-MAC qabel Ottubru ta' l-1996, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet il-kwantita' ta' ħut? Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi pagamenti? Kemm kienu il-pagamenti dovuti skond il-prezz ta' dak iż-żmien? X'miżuri ħa u qed jieħu l-MAC sabiex jiġbor dawn il-flus? Fejn waslu dawn il-passi u x'mistenni li jsir fil-ġimgħat u xhur li ġejjien?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema arranġamenti/kriterji/regoli ngħataw bonuses lill-ħaddiema tal-Gvern tal-NAC matul l-1994,1995 u 1996? Fil-fatt dawn kienu approvati mill-Ministeru ta' dakinhar u jekk iva minn kien responsabbli? Jista' l-Ministru jgħid lill-Kamra jekk dawn l-affarijiet kienux skond in-normi tas-sistema taċ-ċivil? Jekk le għaliex u jekk iva għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-esportazzjoni tal-patata lokali lejn il-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea u l-fatt li hemm fis-seħħ regolamenti fuq l-MRL's, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan tad-Dipartiment u tal-Gvern sabiex jassigura li dan il-prodott tal-bdiewa Maltin esportat matul is-sena 2000 jkun konformi ma' l-imsemmija regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Ministru jassigura lill-Kamra li dawn il-livelli jintlaħqu sas- sena 2000 sabiex ikun evitat kull inkwiet li jistgħu jiffaċċjaw il-bdiewa Maltin u Għawdxin meta jesportaw il-prodotti agrikoli tagħhom lejn dawn il-pajjiżi?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Unjoni Ewropea ma ħarġet l-ebda regolamenti (Regulations) dwar l-MRL's fuq il-patata. Forsi l-Onor. Membru qed jaċċenna għad-Direttiva tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea Nru. 98/82/EC ta' Ottubru 1998.
Id-Dipartiment tal-Agrikoltura hu konxju tal-kontenut ta' din id-Direttiva, għaldaqstant qed jieħu passi sabiex isiru testijiet fuq kampjuni tal-patata li tiġi esportata biex niżguraw li ma jkunx hemm eċċess tal-pestiċidi ndikati fuq l-istess Direttiva. Saru taħdidiet għal dan il-għan ma' rappresentat ta' l-Universita' ta' Malta. Hu l-ħsieb ta' dan id-Dipartiment li għall-ġejjieni jitwaqqaf laboratorju biex ikun jista' jestendi dawn it-testijiet fuq pjanti u pestiċidi oħra.
Barra minn dan id-Dipartiment żied il-kampanja tiegħu sabiex jgħallem lill-bdiewa jużaw il-pestiċidi kif u meta suppost, ħafna qabel ma jinħasad il-prodott.
B'riferenza għall-esportazzjoni ta' ħxejjex lejn is-suq Ingliż u l-fatt li l-kumpannija fil-mument qed timporta l-prodotti tagħha mill-Eġittu u Ċipru, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ħidma saret mill-5 ta' Settembru 'l hawn sabiex din l-esportazzjoni tkompli mingħajr id-diffikultajiet li ġew ikkawżati? Kemm saru laqgħat mal-bdiewa li kienu bdew jisperjenzaw l-esportazzjoni ta' dawn il-ħxejjex? Meta saru u x'ġie diskuss?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, kienet l-Għaqda Progressivi responsabbli mill-esportazzjoni tal-ħaxix frisk lejn l-Ingilterra. Infatti l-Ministeru tal-Agrikoltura ndaħal biss sabiex setgħu jitħallsu l-bdiewa wara li din l-iskema falliet u ttieħdu flus tal-bdiewa stess mill-fond tagħhom tal-patata, eżattament Lm13,500, biex għamel tajjeb għal dan il-falliment. Dan minbarra it-Lm8,000 li ttieħdu mil-fond li suppost kien għal-ħsarat ikkaġunati mill-maltemp.
Naturalment dan serva ta' skuraġġiment, tant li minn wara l-falliment assolut ta' dan in-negozju, ebda għaqda tal-bdiewa jew individwi ma wrew ix-xewqa għall inizjattivi oħra dwar l-esportazzjoni ta' ħaxix frisk. Nixtieq inserraħ ras il-kommunita' agrikola li qabel ma nkunu ċerti li negozju simili ieħor jitwettaq b'serjeta' u fl-aħjar interess tal-bdiewa u tal-pajjiż in ġenerali, dan il-Ministeru mhuwiex sejjer jinkuraġġixi li jsir sogru ieħor bl-addoċċ. Dan skond l-istess parir li l-Agricultural Export Marketing Board ta lill-Onor. Interpellant meta kien Ministru hu, u li kien jinkludi l-użu ta' kaxxi addatti u mhux kaxxi bil-Logo ta' l-Air Malta kif fil fatt intużaw.
B'riferenza għax-xogħlijiet li kellhom isiru fuq iċ-chillers ġodda li se jiġu stallati fil-MAC, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fiex waslu x-xogħlijiet? Meta nħarġet it-tender u meta ġiet atwata?
Meta se jitkomplew u jiġu finalizzati x-xogħlijiet u x'impatt pożittiv/negattiv se jkollu dan l-iżvilupp fuq il-ħajja tal-ħut u l-ħidma fiċ-ċentru?
X'kien isir qabel kien hemm dan iċ-chiller u x'effett se jkollu għall-futur meta jiffunzjona dan iċ-chiller?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3685 u ċ-ċifra kkwotata ta' siġar fl-1997 u fl-1998 li tindika nuqqas sostanzjali meta pparagunata mas-snin ta' qabel, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċifra ta' siġar imsemmija tinkludiex is-siġar li ngħataw lill-bdiewa, li nbiegħu lill-bdiewa u lill-komun?
Jekk le, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra biċ-ċifri totali ta' siġar li nbiegħu, ingħataw lill-pubbliku u lill-bdiewa u li tħawwlu mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Urban and Rural Landscaping matul l-1997 u l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-figuri tas-siġar fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3685 jinkludu s-siġar li ngħataw lill-bdiewa, individwi w organiżazzjonijiet iżda mhux dawk li nbiegħu.
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, fil-1997 Wied Inċita bdiet tiġi mmexxija minn nies magħżula minnu stess meta kien Ministru. Dawn in-nies ddeċidew li jirrevedu l-proċess, u dan ir-'review' fisser produzzjoni baxxa iktar minn ta' snin oħrajn.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3961 dwar 18,000 kilo ħass importati f'Malta, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-raġunijiet li dan il-ħass ġie importat bla levy? Meta fil-fatt l-aħħar li ġie importat ħass bla levy fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Saret talba minn stabiliment tal-ikel għall-importazzjoni ta' 18,000kgs. 'Iceberg lettuce', bla levy. Dan l-istabiliment kellu kuntratt ma' bidwi mill-Mellieħa sabiex ikabbarlu dan it-tip ta' ħass, pero bil-maltempata li laqtet il-gżejjer Maltin fid-19 ta' Novembru 1998, dan il-bidwi kellu ħsarat konsiderevoli, u għalhekk ma kienx possibli li jforni lill-dan l-istabiliment b'dan it-tip ta' ħass. Għalhekk id-Dipartiment ħass id-dmir li jibgħat uffiċjal tekniku mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, biex jispezzjona l-għelieqi ta' dan il-bidwi w jagħmel rapport. Mir-rapport deher ċar li dan il-bidwi sofra ħsara konsiderevoli fil-prodotti li kien qiegħed ikabbar. Għalhekk id-Dipartiment ħass il-ħtieġa li għall din id-darba biss jirrikmanda li dan l-istabiliment jingħata permess li jimporta 18,000kgs 'Iceberg lettuce', mingħajr il-ħlas ta' levy.
Din kienet l-unika darba li ġie rrikmandat li jiġi mpurtat il-ħass bla levy.
Peress li mhux se jsir restawr tal-bini storiku fl-Imdina u r-Rabat, Malta, jista' l-Ministru jara li jsir almenu l-istudju xjentifiku neċessarju dwar ix-xogħlijiet meħtieġa? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiena mgħarraf illi sar studju preliminari mil-Kunsill Lokali ta' l-Imdina u l-Works Division dwar il-materja indikata fil-mistoqsija.
B'riferenza għas-sitwazzjoni ta' sistema tad-dawl perikoluża fl-NAC, jista' l-Ministru jgħid meta nbdew ix-xogħlijiet sabiex jiġi rranġat il-periklu li tista tikkawża din is-sistema? X'sar s'issa u meta huwa programmat li x-xogħlijiet jiġu finalizzati?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-iżvilupp tal-Food Room fl-NAC, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-raġunijiet u l-bżonn li tiġi żviluppata din il-food room? Meta ġiet żviluppata din il-Food Room, kemm ila tiffunzjona u x'impatt pożittiv jew negattiv kellha fis-sistema ta' tmexxija tal-NAC?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra
B'riferenza għall-grading tal-ħut (fingerlinks) jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta bdiet titħaddem din is-sistema fil-NAC? Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kien isir qabel bdiet din is-sistema? Fil-fatt liema sistema hija preferuta mill-industrija lokali u għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li hija x-xewqa ta' numru ta' familji Rabtin li għandhom talba pendenti sabiex jixtru qabar, li jżommu l-fdalijiet wara l-proċess ta' sentejn mill-mewt f'qabar apposta li jkun aċċessibbli fiċ-Ċimiterju tar-Rabat stess, jista' d-dipartiment konċernat jagħmel l-arranġamenti meħtieġa ħalli t-talba ta' dawn il-familji Rabtin tiġi milqugħa?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Presentement ma jidhirx li hu possibbli li t-talba ta' l-Onor. Interpellant tista tiġi milqugħa. Madankollu tlabt lid-Dipartiment biex jistudja aktar fid-dettal dan is-suġġeriment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma t-talbiet ta' arretrati ta' flus li għandhom jitħallsu l-kuntratturi għal xogħlijiet pendenti fuq toroq pubbliċi li saru matul is-snin?
Meta saru dawn it-toroq u kemm jiswew triq, triq? Meta d-dipartment jew ministeru tat-trasport għadda l-ministeru/dipartiment tal-finanzi d-dokumenti għal pagamenti ta' dawn ix-xogħlijiet li wettqu l-kuntratturi u l-ħaddiema tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-talbiet pendenti li għamlu l-kuntratturi jammontaw għal madwar Lm2,227,000.
Dawn il-`claims` ikopru xogħolijiet u provista ta` materjal li jmorru lura diversi snin qabel il-bidu ta` din is sena u qegħdin jiġu `assessed` mid-Dipartiment tat-Toroq, id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Ministeru tal-Finanzi sabiex ikunu jistgħu jsiru l-ħlasijiet. Peress li dan ix-xogħol għadu għaddej mhux possibbli li għalissa ikun definit il-valur tal-`claims` triq, triq.
Jista' l-Ministru jistħarreġ mar-residenti ta' l-Imtarfa li joqogħdu wara l-isptar jekk ikunx aħjar għas-sigurta' tat-traffiku tagħhom li jsiru tabelli tal-"one way" eċċ ħalli jkun hemm formalita' aħjar tas-sistema?
Jekk fil-pożittiv, jista' l-Ministru jara li tittieħed l-azzjoni neċessarja sabiex l-imsemmija tabelli jsiru immedjatament?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall- konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku.
B'riferenza għax-xogħlijiet ta' bini ta' ħitan tas-sejjieħ li qed jissoktaw fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u peress li kienu saru arranġamenti sabiex id-dipartiment jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba' ħalli jgħin lill-bdiewa u fl-istess ħin ikunu aktar kompatibbli ma' l-ambjent ta' l-inħawi, jista' l-Ministru ġentilment jirrimedja sabiex dawn ix-xogħlijiet ċioe' l-gates (xatba) jsiru u jitwaħħlu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ma jirriżultax li qatt saru arranġamenti mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex dan jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba' fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u fil-fatt l-istess Dipartiment qatt ma għamel gates għal dana l-iskop.
Peress li n-numru kbir ta' ġenituri li jkunu qed jassistu matul il-jum u matul il-lejl lit-tfal tagħhom fl-Isptar Karen Grech partikolarment f'Ward Disney jilmentaw li m'hemmx pultruni diċenti, jista' l-Ministru jinvestiga u jara li jingħataw pultruni diċenti ħalli l-istess ġenituri li wara lejl jassistu lit-tfal tagħhom, ikunu jridu jirritornaw lura għal jum ta'ħidma ma jkomplux ikunu fi żvantaġġ?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellent li fis-sala Disneyland hemm 33 sodda.
Għall-akkomodazzjoni tal-ġenituri hemm 38 pultruna. Nifhem li dan in-numru hu biżżejjed.
Wieħed irid jgħid, li bil-lejl, l-omm biss hi permessa li toqgħod mat-tfal.
F'każi tat-tul, (per eżempju - oncology cases, breastfeeding mothers u pregnant mothers) is-sala tipprovdi sodda għall-omm, dejjem jekk ikun possibbli.