Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b'diżabilita' — Aċċess fil-banek

Question

Peress li f'numru ta' fergħat tal-banek lokali f'Malta u Għawdex l-entratura tal-banek m'hijiex daqstant aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita', jista' l-Ministru jibda kordinament uffiċjali mal-banek sabiex dawn in-nuqqasijiet jiġu rimedjati għall-ġid tal-kawża ġusta tal-persuni b'diżabilita' f'pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ministeru ta' l-Ambjent b'kordinazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' waqqfu "Accessibility Unit" propju bil-għan speċifiku li jaħdmu biex bini miftuħ għall-pubbliku jkun aċċessibli għal kullħadd, inkluż persuni b'diżabilita', anke dawk li jużaw siġġu tar-roti. Fil-preżent reġgħu bdew taħditiet bejn iż-żewġ naħat biex din il-unit jiżviluppa b'pass aktar mgħaġġel. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' tinsab ukoll f'kuntatt ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex bini miftuħ għall-pubbliku jew rinovazzjoni qawwi ta' bini miftuħ għal pubbliku josserva dan il-prinċipju. Il-Kummissjoni għamlet u għadha tagħmel diversi rappreżentazzjonijiet ma' fergħat ta' banek individwalment biex dan il-prinċipju jkun osservat. Il-Kunsilli Lokali ukoll ġieli ħadu l-inizjattiva biex, fejn ikun hemm rinovazzjoni ta' bini miftuħ għall-pubbliku, dan isir skond il-prinċipju ta' 'Aċċessibilita għal Kulħadd'. Il-Kummissjoni tqassam, u ser tkompli tqassam, letteratura speċjaliżżata biex il-banek u bini miftuħ għall-pubbliku jiġi mibni jew rinovat skond dan il-prinċipju. 10.3.99
Leg 9 PQ #4836 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NAC — Food room

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4517 dwar l-iżvilupp li sar fil-Food Romm fl-NAC?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ewwel live food room ġiet żviluppata fl-1992 bħala parti ntegrali mill-iżvilupp oriġinali tal-hatchery. Fl-1995 ġie deċiż li l-hatchery tiġi mkabbra biex jiġu mkabbra l-opportunitajiet għar-riċerka (per eżempju ma kien għad hemm vaski kbar biżżejed biex isiru esperimenti ta' tfaqqis ta' speċi ta' ħut kbir bħall-aċċjol) u wkoll biex tiżdied il-produzzjoni tal-frieħ tal-awrat. Bħala parti minn dan il-programm ta' espansjoni inbniet it-tieni broodstock room (kamra b'vaski għall-ħut ġenitur) u t-tieni live food room. Sa Gunju tal-1998 it-tieni broodstock room tlestiet u ġiet mgħammra bil-ġenituri tal-awrat u l-aċċjol. Sa l-aħħar tal-1996 it-tieni live food room kienet prattikament lesta ħlief għal xi xogħolijiet żgħar li kien jonqos fl-elettriku u l-cold room kien għad trid tiġi attrezzata bit-tagħmir meħtieġ li jżomm it-temperatura mixtieqa. Dawn ix-xogħolijiet ħadu sal-aħħar tal-1997 biex tlestew. Ix-xogħol li sar fuq l-elettriku fl-1997 kellu jiġi rivedut għax ma sarx kif kellu jsir.
Leg 9 PQ #4837 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Urban & Rural Landscaping

Question

Peress li matul l-amministrazzjoni preċedenti kien qed isir kordinament bejn diversi kunsilli lokali u l-Urban & Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u fost dawn kien hemm ukoll il-lokal tar-Rabat, jista' l-Ministru jikkonsidra li jkomplu x-xogħlijiet ta' landscaping fir-Rabat partikolarment fi Triq Santa Rita, Rabat, Howard Gardens u l-proġett ta' ġnien rikreattiv f'Għajn Qajjed Housing Estate?

Response (ZAMMIT, NINU)

Koordinament bejn diversi kunsilli lokali u d-Dipartiment tal-Agrikoltura jsir regolarment kemm dwar proġetti kif ukoll dwar manteniment ta' żoni partikolari. Ix-xogħolijiet isiru skond il-fondi u l-ħaddiema disponibbli.

Malta/Libja — Protocoll

Question

B'riferenza għall-Protocoll ta' koperazzjoni bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tal-biedja u s-sajd, iffirmat mill-amministrazzjoni preċedenti, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'sar mill-5 ta' Settembru u ċioe' kemm saru laqgħat ta' kontinwazzjoni u x'riżultati nkisbu? Jista' l-Minsitru ġentilment jinforma lill-Kamra meta hija mistennija l-ewwel delegazzjoni żżur Malta u viċi versa dwar l-iżviluppi ta' l-imsemmija koperazzjoni?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Nitlob lill-Onorevoli nterperlant jindirizza din il-mistoqsija lill-awtoritajiet konċernati, jiġifieri lill-Onor. Ministru tal-Biedja u Sajd.
Leg 9 PQ #4857 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Rabat — Ċimiterju

Question

B'riferenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt tul iktar minn leġislatura waħda f'dan il-Parlament sabiex tiġi rimedjata l-problema ta' ħafna familji Rabtin li jixtiequ jkollhom ċimiterju fil-lokal, jista' l-Ministru jara li jikkordina laqgħa bejn l-uffiċjali u l-Membri Parlamentari tal-lokal sabiex din is-sitwazzjoni li ilha pendenti tant żmien tiġi rimedjata?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kif kont wegħedt fir-Risposta Parlamentari Numru 4161 magħmula mill-istess Onor. Membru, jien tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika biex issir laqgħa mad-Deputati Parlamentari kollha tat-12 il-Distrett sabiex tinstab soluzzjoni dwar is-sitwazzjoni msemmija. Din il-laqgħa ġiet iffissata 3 ġimgħat qabel ma l-Onor Interpellant għamel id-domanda. Fil-fatt din il-laqgħa inżammet id-Dipartiment nhar l-Erbgħa 24 ta' Frar fil-11.30 ta' filgħodu u d-deċiżjonijiet ġew ikkomunikati lill-pubbliku permess ta' 'Press Release' Nru. 261 datata 25 ta' Frar 1999.
Leg 9 PQ #4993 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Xiri ta' art

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jappunta laqgħa tal-Control Commitee bejn il-Gvern u l-Kurja sabiex issir kontinwazzjoni tal-kas 290/96 u oħrajn bħalu sabiex ikun hemm deċiżjoni finali dwar fejn se jitħallas il-pagament tax-xiri ta' l-art? Peress li dawn l-anzjani in kwestjoni ilhom aktar minn 20 sena mdendla, jista' l-Ministru jirrimedja fil-proċeduri neċessarji?

Response (BORG, TONIO)

Il-proposti għal qbil dwar kif għandu jsir ħlas ta' kumpens f'każ ta' art tal-Knisja okkupata illegalment għandhom jifformaw parti minn pakkett sħiħ ta' punti li jiġu miftehma bejn il-Gvern u l-Awtorita' Ekklesjastika'. Għalhekk l-ebda laqgħa waħda tal-Control Committee ma tista' ssolvi din il-problema. Nixtieq inżid li sar progress mhux żgħir dwar qbil fuq dan il-pakkett ta' proposti. 09.03.99
Leg 9 PQ #4994 Sitting 73 1999-03-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NAC — Ħut

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4519?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-produzzjoni tal-ħut (fingerlings) fil-NAC qabel Ottubru ta' 1996 kienet kif ġej: Sena Produzzjoni 1992 33,000 1993 251,000 1994 493,250 1995 1,263,814 1996 (qabel Ottubru) 709,687 Wara li l-Public Accounts Committee stħarreg il-każ sa fejn setgħa, dan l-istess kumitat irrifera l-materja kollha ta' ħlasijiet u nfiq minn dan iċ-ċentru lill-Awditur Generali li jirrapporta r-riżultat tal-istħarriġ tiegħu lill-Parlament.

Djar — File 2766/97HD

Question

B'riferenza għaċ-ċirkostanzi diffiċli li qed jiffaċċjaw il-familjari tal-każ fil-File Nru.2766/97HD u l-informazzjoni li konfidenzjalment għarraft biha lill-Ministru, jista' d-Direttur ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali jalloka l-fond in kwestjoni? Peress li l-persuna b'diżabilita' in kwestjoni tenħtieġ għajnuna mmedjata għaliex is-sitwazzjoni li ilha pendenti s-snin m'hijiex kontrollabli, jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni sabiex issir ġustizzja u l-każ jiġi rimedjat immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u li ċ-ċirkostanzi speċjali ġew nnutati, u qed jingħataw l-attenzjoni meħtieġa. 8.3.99
Leg 9 PQ #4819 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Makna tal-ħasil

Question

B'riferenza għall-makna ġdida tal-ħasil tal-kaxxi tal-bdiewa, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta ħarġet it-tender għal din il-makna, kemm-il darba ħarġet din il-makna u meta ġiet stallata din il-makna? Kemm fil-fatt swiet din il-makna fi flus lill-kumpannija konċernata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 305 magħmula mill-istess Interpellant fuq l-istess suġġett.
Leg 9 PQ #4820 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Fish farming — Ikel tal-ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kwantitajiet u x'valur ta' ikel ta' ħut inxtara sena b'sena mill-1992 sa l-1997 fil-NAC għall-fattening tal-ħut? Kemm skond in-normi ta' dan l-ikel kellu jkun il-piż tal-ħut sena b'sena u kemm fil-fatt inbigħ f'piż sena b'sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Kwantitajiet u l-valur ta'ikel ta' ħut li ġie mixtri sena b'sena mill-1992 sal-1997 fil-NAC għall-fattening tal-ħut qed jiġu mgħotija f'tabella 1. Tabella 1 Kwantitajiet u valur ta' ikel ta' ħut li nxtara mill-NAC għat-tkabbir tal-ħut: Sena Kwantita' Valur (Kg) (Lm) 1992 35,000 14,365 1993 15,500 6,296 1994 19,500 7,951 1995 - - 1996 - - 1997 - - TOTAL 70,000 Lm28,612 Skond l-ammont ta' ikel li nxtara mis-sena 1992 sal-1994, il-produzzjoni ta' ħut mistennija kella tkun madwar 28,000 kgs. Dan l-estimi huwa bbażat fuq informazzjoni xjentifika. It-tip ta' ikel li nxtara, jidher illi l-ħut mkabbar f'dan il-perjodu kienu Tilapia, Spnott, Awrat u Sallur. Ma nistgħux ngħatu l-produzzjoni tal-ħut sena b'sena għax il-ħut idum aktar min sena biex jitkabbar (market size) u m'għandniex records ta' kemm ġie użat ikel sena b'sena. Kemm fil-fatt mbiegħ piż sena b'sena qed tingħata f'tabella 2. Tabella 2 Records ta' bejgħ ta' ħut: Sena Piż (kg) 1992 2,288.90 1993 949.50 1994 477.60 1995 34.50 1996 - 1997 - TOTAL 3,750.50
Leg 9 PQ #4833 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NAC — Grading tal-Ħut

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4518 dwar is-sistema tal-grading tal-fingerlings li jinħarġu mill-NAC?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-grading tal-ħut hija proċedura li hija rrakomandata li ssir tul il-ħajja tal-ħut imrobbi fil-fish farms. Kif u meta dan isir jiddependi skond iċ-ċirkostanzi attwali ta' kull farm. Dan il-grading jew għażla jsir biex ħut ta daqs uniformi dejjem jiġi mrobbi flimkien biex b'hekk jiġi evitat il-kannibaliżmu (cioe' il ħut kbir jiekol ħut żgħir) u biex il-ħut jikber aktar uniformi. Fil-grading jiġi wkoll magħżul ħut li jkollu xi forma ta' difett. Fiċ-Centru Nazzjonali tal-Akwakultura l-prattika tal-grading ġiet imdaħħla sa mill-bidu anke fl-ewwel snin meta kienet titrabba t-Tilapia; difatti sa llum wieħed jista jsib tilari tal-injam li kienu ġew maħduma apposta biex tiġi graded it-Tilapia. Meta beda jitfaqqas l-awrat (1992) kienu ġew impurtati graders apposta li jintużaw barra minn Malta (huma speċi ta' tilari apposta ta' daqsijiet differenti skond l-eta' tal-ħut) u dawn għadhom jintużaw sa llum. Il-grading huwa proċess li suppost għandu jibqa jsir anke wara li l-ħut jiġi trasferit fil-gaġġeġ dejjem skond iċ-ċirkostanzi ta kull farm.
Leg 9 PQ #4834 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bini Storiku — Restawr

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4508 dwar il-bini storiku ta' l-Imdina u r-Rabat, jista' l-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-Works Division li rrefera għalih il-Ministru?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jidhirlix li f'dan l-istadju għandi impoġġi d-dokumenti msemmija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #4835 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NAC — Sistema perikoluża tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4516 dwar sistema tad-dawl perikoluża fl-NAC?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant jaf iżjed minn kullħadd li minkejja li fi żmienu nxtraw 'chillers' u minkejja l-fatt li kient saret ħafna propaganda dwar l-istess 'chillers' l-amministrazzjoni preċedenti l'anqas biss ħadet il-passi neċessarji biex dan l-apparat ikollu 'supply' ta' ellettriku adekwata. Barra minn hekk, minkejja l-ħafna stqarrijiet fl-ajru, dan iċ-'chiller' għadu ma jistgħax jintuża peress li fis-sentejn li għaddew ma ġewx installati 'switchboards', 'transformers' etc. apparat bażiku u neċessarju għat-tħaddim taċ-'chillers'. Niffeferi wkoll għar-risposta li diġa tajtu għad-domanda 2794.
Leg 9 PQ #4684 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li qed isiru xogħlijiet fil-bini tal-Ministeru? Meta kienu saru l-aħħar xogħlijiet fil-bini tal-Ministeru? Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, matul dawn l-aħħar tmien snin kemm intnefqu spejjeż sabiex jiġi rranġat il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u minn liema voti ttieħdu dawn il-flus minfuqa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 4683.
Leg 9 PQ #4685 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Rabat — Xogħlijiet ta' ħitan tas-sejjiegħ

Question

Peress li x-xogħlijiet ta' ħitan tas-sejjiegħ li qed jissoktaw mill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Ambjent fit-triq prinċipali tar-Rabat dalwaqt ikunu lesti, jista' l-Ministru ġentilment jara li dawn il-ħaddiema jintbagħtu jirranġaw il-ħitan tas-sejjiegħ ta' Triq Prinċipali ta' Binġemma u fl-istess ħin ikomplu jneħħu tankijiet li hemm ikerħu l-ambjent ta' l-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi għalkemm il-ħaddiema tal-Countryside Section fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent dalwaqt ikunu lesti mix-xogħol ta' ħitan tas-sejjieħ fi triq tar-Rabat, dawn għandhom xogħol ieħor diġa' ppjanat. Dan minħabba li n-numru ta' ħaddiema li jibnu l-ħitan tas-sejjieħ fil-preżent huwa limitat ħafna. Pero' ta' min isemmi li dalwaqt jibdew l-eżamijiet u l-interviews biex jiżdiedu l-ħaddiema li kapaċi jibnu l-ħitan tas-sejjieħ. Irrid ninfurmak ukoll li s-Sezzjoni tal-Countryside ġiet infurmata bix-xogħol fit-Triq Prinċipali ta' Binġemma biex dan jidħol fil-lista tax-xogħol ukoll.
Leg 9 PQ #4686 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Triq Żebbiegħ/Mġarr Rd

Question

Peress li Triq Żebbiegħ/Mġarr Rd tinsab żdingata waħda sewwa kemm għar-rigward ta' ħitan tal-ġenb tat-triq kif ukoll il-wiċċ tat-triq inkluż il-water culverts, jista' l-Ministru jara li jiġi kkordinat programm ta' xogħlijiet sabiex jispiċċa l-periklu tas-sewqan u l-inkonvenjent lir-residenti ta' l-Imġarr u ż-Żebbiegħ li jużaw din it-triq? Peress li hemm ħitan tal-ġebel tal-franka li kienu saru fuq ħitan tas-sejjiegħ li xorta reġgħu ġġarfu minħabba l-ilma li jiskula mill-uċuħ tar-raba tal-madwar, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-ħitan tal-ġnub ta' din it-triq li hija frekwentata mill-Maltin u turisti jsiru b'sistema ta' l-aġġjoni li qed jintużaw fil-proġett ta' rijabilitazzjoni taċ-Chadwick Lakes?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-culverts eżistenti f'din it-triq m'humiex adekwati sabiex jieħdu l-ilma la waqt u lanqas wara li tieqaf ix-xita. L-istat li tinsab fiha din it-triq ma tippermettix li l-ilma jinġabar mal-ġnub kif inhi l-prattika normali, u għalhekk ma jagħmilx sens li jinbnew culverts jekk dan ix-xogħol ma jkunx ikkomplimentat bl-irranġar tat-triq. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Countryside Section fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent m'għandux ir-responsabbilta' tal-manutenzjoni la ta' l-uċuh tat-toroq u lanqas tal-ħitan mibnija mill-ġebel tal-franka. Għar-rigward ta' bini ta' ħitan b'sistema tal-gabjuni li qed jintużaw fil-proġett ta' Chadwick Lakes, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jinsab kontra din is-sistema speċjalment fit-toroq biex inwarrbu l-ħitan tas-sejjieħ.
Leg 9 PQ #4687 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Rabat — Ġnien Snow White & the 7 Dwarfs

Question

Peress li wara li kien sar Ġnien Barnuża Ħamra fil-Baħrija limiti tar-Rabat kellu jsiru Ġnien Snow White & the 7 Dwarfs, fil-limiti tas-Salib, limiti tar-Rabat, sabiex f'dawn l-inħawi tal-kampanja fir-Rabat jsiru ġonna b'karatteristika rurali li tattira t-tfal, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza u jikkordina dawn ix-xogħlijiet li huma mistennija ħafna mit-tfal u l-familja ta' dawn l-inħawi fir-Rabat Malta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien infurmat li l-ġonna msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu proġettati mill-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi ndirizzata lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #4789 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Rabat — Ħitan tas-sejjieħ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4164 ċioe' sabiex isiru gates/xatba ġodda fit-triq prinċipali tar-Rabat u l-fatt li gates simili kienu saru fit-triq tad-daħla tal-Buskett fejn il-Palazz Presidenzjali mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, Sezzjoni Rural & Urban Landscaping u suppost li kien hemm qbil li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jagħmel il-gates tat-triq tar-Rabat, jista' l-Ministru ġentilment jikkonsidra li jawtorizza li jsiru dawn il-gates li sebħu l-ambjent fl-inħawi flok it-tankijiet u biċċiet ta' tustieri tas-sodod antiki li qed jintużaw bħala gates fil-mument?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Kif diġa' rrispondejt fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4164, ma jirriżultax li qatt saru arranġamenti mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex dan jagħmel gates ġodda fl-entraturi tar-raba fi Triq Prinċipali li tagħti għar-Rabat u fil-fatt l-istess Dipartiment qatt ma għamel gates ġodda għal dan l-iskop. Lanqas ma jirriżulta li kien hemm xi qbil li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jagħmel il-gates tat-triq tar-Rabat jew xi mkien ieħor.
Leg 9 PQ #4817 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Ġonna pubbliċi

Question

B'riferenza għall-ispezzjonijiet li jsiru sabiex ikun stabilit il-livell taż-żamma tal-ġonna pubbliċi li huma fir-responsabbilta' tal-kunsilli lokali, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni preżenti fil-lokal tar-Rabat, Malta u ċioe'jagħti breakdown ta' kif kienu r-riżultati miksuba matul is-snin 1996, 1997 u 1998?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-sitwazzjoni preżenti fil-lokalita` tar-Rabat Malta, dwar l-ispezzjonijiet li jsiru sabiex jiġi stabbilit il-livell taż-żamma tal-ġonna pubbliċi, toħroġ mill-istess rapport dwar il-Funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li tpoġġa fuq il- mejda tal-Kamra nhar il-21 ta` Diċembru 1998. Minn dan ir- rapport joħroġ ukoll paragun maz-żewġ rapporti ta` qabel. Ir-riżultati miksuba matul is-snin 1996, 1997 u 1998 jinsabu fir-rapporti ta` kull tliet xhur ta` dawn l- ispezzjonijiet li wkoll tpoġġew regolarment fuq il-mejda ta` din il-Kamra.
Leg 9 PQ #4678 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' operazzjonijiet li saru fl-Isptar San Luqa matul ix-xahar ta' Jannar u x'kienu l-każijiet? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' pazjenti li qed jistennew għall-operazzjoni kas b'kas? Kemm huwa mistenni li jsiru operazzjonijiet minn fuq il-waiting list?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.