Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-qatla taċ-ċanga u majjal fil-Biċċerija għax-xhur ta' Jannar u Frar 1998 u 1999?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-irjus ta' Majjal kif ukoll Ċanga maqtula f' Jannar, Frar 1998 u 1999 kienet kif indikat hawn taħt:
Majjal (Irjus)
(Qatla ta' Malta u Għawdex)
1998 Totali 1999 Totali
Jannar 10,345 Jannar 10,034
Frar 9,586 Frar 9,823
Bovini (Irjus)
(Qatla ta' Malta u Għawdex)
1998 Totali 1999 Totali
Jannar 553 Jannar 483
Frar 508 Frar 509
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien id-dħul ta' taxxa mill-VAT matul ix-xahar ta' Jannar u Frar, 1999? Kemm minn dawn l-ammonti jappartjenu għas-settur tal-Biedja u Sajd u meta se jsiru r-refunds lura lill-bdiewa, sajjieda u raħħala?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul net mill-VAT fl-ewwel xahrejn ta` din is-sena kien ta` Lm7,989,059. Minn dan, Lm7,516,341 nġabar mid-Dwana peress li l-ewwel returns tal-VAT kellhom jaslu fid-Dipartiment tal-VAT sal-15 ta` Marzu 1999.
L-ewwel returns bis-sistema l-ġdida tal-VAT ta` dawk il-bdiewa, sajjieda u raħħala li qiegħdin fuq perjodu ta` taxxa ta` tlett xhur għandhom jaslu fid-Dipartiment tal-VAT sal-15 ta` Mejju 1999. Għaldaqstant dawn il-kategoriji ta` taxpayers għadhom ma ħallsu ebda taxxa tal-VAT lid-Dipartiment taħt is-sistema l-ġdida.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-pajjiżi barranin li magħhom Malta għandha ftehim dwar ħlas ta' taxxa bejn iż-żewġ pajjiżi?
Response (MARCO, GUIDO DE)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jespandi aktar l-attivita' tal-Kalendarju Agrituristiku sabiex il-kunsilli lokali tal-gżejjer tagħna jipparteċipaw aktar f'dan l-avveniment?
Response (ZAMMIT, NINU)
F'tarf is-sena l-oħra l-kunsilli kollha ta' pajjiżna ġew mistiedna mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex jieħdu sehem fil-Kalendarju Agrituristiku għas-sena 1999.
Peress li l-bozza quddiem l-anzjan residenti fi Blk 3, Flat 1, Għeriexem HE, Rabat ilha tiġi rrapportata xhur sabiex tinxtegħel mill-ġdid, jista' l-Ministru jara li din it-talba tiġi rispettata ħalli dan l-anzjan ma jkomplix iħabbat wiċċu ma' dan l-inkonvenjent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ser jittieħdu l-passi biex il-bozza in kwistjoni tinbidel.
Jista' l-Ministru jgħid fejn intużat il-ħamrija li tħammlet riċentement mill-inħawi tal-ground tal-football ta' Kordin?
Kemm kien il-volum (f'jardi) tal-ħamrija li tħammlet?
Kemm intalbu permessi u ġew approvati talbiet mill-5 ta' Settembru 'l hawn għaċ-ċaqlieq tal-ħamrija?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Agrikultura.
23.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ttieħdu fuq il-ħamrija li kienet qed tinġarr fuq il-barkuni u tintrema' l-baħar?
Kemm huwa kkalkolat li nqerdet ħamrija? X'passi ħadet l-awtorita' sabiex issir ġustizzja ma' min kiser il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Agrikultura.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvat għat-tħaffir ta' ilma matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
F'liema nħawi ta' Malta ngħataw dawn il-permessi u kemm huwa kkalkolat il-volum ta' ilma li qed jintuża għal skop agrikolu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tistax tinġabar minħabba li sal-lum is-sistema komputerizzata mhix attrezzata għal dan it-tip ta' queries. Bħalissa għaddej xogħol biex tiġi nstallata sistema li eventwalment tagħti l-possibilita' li din it-tip ta' informazzjoni tkun tista' tinġabar.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għal tħaffir għall-ilma li ma approvatx l-Awtorita' ta' l-Ippjanar matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
X'kienu r-raġunijiet ta' dan?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5492 f'din l-istess Seduta.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-vakanzi li nħolqu bejn l-20 ta' Novembru, 1998 u l-15 ta' Marzu, 1999 għall-assistenti kapijiet ta' skejjel sekondarji?
Kemm minnhom diġa' mtlew u f'liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Vakanzi li nħolqu bejn l-20 ta' Novembru 1998 u l-15 ta' Marzu 1999 għall-assistenti Kapijiet ta' skejjel sekondarji kienu tlieta, tnejn f'Malta u waħda f'Għawdex. Iż-żewġ vakanzi f'Malta nħolqu għax il-persuni kkonċernati ħarġu bil-"pre-retirement leave", u ntlew it-tnejn.
F'Għawdex irtirat persuna iżda l-post vakant għadu ma nteliex.
F'Malta ntlew il-post-vakant fl-iskola Sekondarja "Marija Assunta tal-Ħamrun u l-post - vakant fl-iskola Sekondarja tas-subien "Antonio Bosio" tal-Gżira.
Peress li fl-inħawi tal-Wardija ntlemħu nġenji ta' Kalaxlokk, liema nġenji jintużaw sabiex isir it-tħaffir ta' l-ilma, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jsir xi tħaffir għall-ilma f'dawk l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, jirriżulta li fl-inħawi msemmija sejra ssir 'trial hole' ġewwa post privat u li dan ix-xogħol mhux konness ma tħaffir għall-ilma.
Tajjeb wieħed iżid li l-Kumpanija Kalaxlokk m'għandhiex inġenji li jistgħu jintużaw sabiex isir tħaffir għall-ilma.
Peress li fl-inħawi tal-Wardija ntlemħu nġenji ta' Kalaxlokk, liema nġenji jintużaw sabiex isir it-tħaffir ta' l-ilma fl-inħawi, jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment għall-Ambjent ġiex ikkonsultat? Jekk iva, meta u għaliex qed issir din it-talba għat-tħaffir ta' l-ilma?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li qiegħed jagħti l-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi numru 5395 ta' din is-seduta.
Peress li r-residenti tal-Baħrija qed jilmentaw li Ġnien Barnuża l-Ħamra li hemm fil-pjazza tħalla abbandunat u li l-unika latrina pubblika li hemm qed tinżamm imsakkra minn ġimgħa għall-oħra, jista' Dipartiment tal-Kunsilli Lokali ġentilment jintervjeni sabiex l-ilment tar-residenti tal-Baħrija jiġi rimedjat?
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jitnaddaf il-ġnien u min se jkun responsabbli miż-żamma tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant il-Kunsilli huma korpi
statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet
jaġixxu skond il-prioritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Peress li r-residenti fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed Housing Estate fir-Rabat qed jilmentaw li kiber ħafna ħaxix ħażin fil-madwar tal-Blocks tal-bini, jista' d-dipartiment jikkordina mal-Kunsill Lokali tar-Rabat u d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura sabiex isir it-tindif neċessarju?
Jista' l-Ministru jinformani fiex waslu d-diskussjonijiet sabiex fil-ġejjieni jsiru l-lifts fil-block tal-flats ta' Għajn Qajjed peress li l-eta' tar-residenti f'dawn l-appartamenti qiegħda dejjem tikber?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif stqarr l-Onor. Interpellant stess, ir-responsabbilta' għat-tindif fiż-żona tal-Housing Estate hija tal-Kunsill Lokali. Madankollu jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jikkordina mal-Kunsill Lokali u mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura biex dan ix-xogħol jista' jsir mill-Kunsill Lokali.
Rigward l-istallar ta' lifts, kif ġa ħabbart ftit tal-ġimgħat ilu, għalissa l-iskema ser tkun limitata għal bini tal-Gvern fil-Kottonera. Skond ir-rispons u s-suċċess ta' l-iskema, tiġi estiża għal lokalitajiet oħra f'Malta.
22.3.99
Peress li hawn diversi ilmenti li ġew importati burgers magħmula mill-laħam tal-majjal u ċioe' diġa' kienu qed jinbiegħu f'super markets partikolari, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kwantitajiet ta' dawn il-burgers tal-majjal u kemm tħallset levy fuqhom?
Peress li hawn diversi ilmenti li ġew importati burgers magħmula mill-laħam tal-majjal u fil-fatt diġa' qed jinbiegħu fis-super markets lokali, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet ta' din l-importazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kif suppost jaf l-Onor. Interpellant, m'hemm l-ebda projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' burgers tal-majjal sakemm dawn ikunu ċċertifikati li huma sani għall-konsumatur u titħallas il-levy fuqhom.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4678? Jista' l-Ministru jinkludi l-istess informazzjoni għall-istess perjodu fl-1996, fl-1997 u fl-1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Minħabba l-volum kbir t'informazzjoni li trid tinġabar, ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'se tkun il-pożizzjoni ta' l-istreet hawkers ta' l-ikel fil-gżejjer tagħna bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-posizzjoni ta li street hawkers, hija waħda regolata mill-bżonn in partikolari fil-qasam tal-liġijiet tal-ikel ta l-osservanza tal-igene tal-ikel, u tal-mezzi tat-trasport li jintuża għal dan il-għan, regolamenti li naħseb kullħadd jaqbel magħhom u li huma fl-interess tas-saħħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' street hawkers fil-gżejjer tagħna reġistrati mal-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li kellhom permess ta' hawker fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 kien ta' 990, 985, 966, 1,026, u 1,029 rispettivament.
17.03.99