Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet l-ispiża għall-platform li sar fil-packing station ta' Ta' Qali? Meta ħarġu s-sejħiet għall-offerti? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kien twil il-perijodu għall-applikazzjonijiet/offerti u f'liema ġurnali tal-gazzetta tal-Gvern dehru?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Ispiża totali, inkluzi il-ħaddiema tad-Dipartiment, għall-platform li sar fil-packing station ta' Ta' Qali kienet ta' madwar Lm45,000.
Is-sejħa għall-offerti għax-xogħol tal-parking area ħarġet fid-29 ta' Jannar 1999 (tarmac u sodda/packing).
Kien hemm ħames applikazzjonijiet.
Il-perjodu għall-applikazzjonijiet kien mid-29 ta' Jannar u għalqu fil-5 ta' Frar. Is-sejħa għall-offerti ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern Avviż numru 5/99 tad-29 ta' Jannar 1999, paġna numru 519.
Xogħol ieħor sar mill-impjegati tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u minn xi kuntratturi żgħar wara li nġabru kwotazzjonijiet skond kif jitolbu r-regolamenti.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se toħroġ is-sejħa għall-gwardjani tal-ħabs (CCF)?
Kemm se jkun in-numru ta' gwardjani li se jiġu mpjegati u x'kondizzjonijiet se jkollhom?
Response (BORG, TONIO)
Is-sejħa għal gwardjani fil-ħabs għadha qed tiġi pproċessata. In-numru ta' vakanzi biex jimtlew hu ta' 24. Għadni mhinix f'pożizzjoni li ngħid x'ser ikunu l-kundizzjonijiet li ser ikunu rikjesti billi s-sejħa għall-applikazzjonijiet għad mhix iffinalizzata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
27.04.99
Peress li ħafna ċittadini Maltin u Għawdxin qed jilmentaw li qed jiżdiedu l-ġrieden f'diversi inħawi tal-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-programm tar-Rodent Section għal perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Xi programm se jkompli jitwettaq? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema f'din is-sezzjoni sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjoni tal-Pest Control fi ħdan dan id-dipartiment qiegħda kontinwament tagħmel xogħol regolari fuq strateġija li tilħaq il-pajjiz kollu. Dan ix-xogħol jinkludi tqegħid ta' valenu fis-sistema ta' drenaġġ pubbliku, fil-ħitan tas-sejjieħ, postijiet fil-beraħ, f'postijiet fejn illegalment jintefa' zibel kif ukoll fil-miżbliet. Minn Awissu 1998 s'issa t-tqegħid ta' valenu fis-sistema tad-drenagg ġie intensifikat b'tali mod li s-sistema kollha ta' Malta ġiet ittratta.
Filwaqt li din is-sezzjoni se tkompli bl-istess strateġija ta' kontroll, fi ftit żmien ser jiġi introdott tip ta' valenu ġdid li hu aktar effikaċi minn dak li qed jintuza bħalissa (warfarin).
Rigward it-tielet parti tad-domanda qed nissottometti lista tan-numru ta' nies li ħadmu fis-sezzjoni tal-Pest Control f'Malta u Għawdex:
Malta Ghawdex
1989 26 8
1990 27 8
1991 27 8
1992 40 10
1993 37 10
1994 39 9
1995 36 7
1996 39 7
1997 40 7
1998 44 8
1999 (April) 43 8
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni nisa u rġiel li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom aktar minn 45 sena?
X'inhija l-policy tal-gvern sabiex dawn il-persuni jsibu x-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-aħħar ta' Jannar 1999 in-numru ta' persuni, nisa u rġiel il-fuq minn 45 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol hu ta' 1,814.
Bħal kull persuna oħra, dawk ir-reġistranti li għandhom il-fuq minn 45 sena, jiġu sottomessi għall-intervisti meta jkun hemm vakanzi ta' xogħol li huma jkunu qed jireġistraw għalih. Aktar minn hekk iżda, dawn il-persuni jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skema ta' xogħol u taħriġ 'l-Employment Training Placement Scheme'. Din l-iskema taħseb biex fejn jinstabilhom xogħol u jkun meħtieġ xi taħriġ, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tkun tista toħroġ sussidju fuq il-paga għal matul dak it-taħriġ.
27.4.99
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pilloli li kienu out of stock matul ix-xahar ta' Diċembru, 1998, ix-xahar ta' Jannar, 1999 u x-xahar ta' Frar, 1999 fl-isptarijiet ta' l-Istat ta' Malta u Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li s-Servizzi Farmaċewtici tal-Gvern joħorġu 'Out of stock list' darba fil-ġimgħa. Għaldaqstant l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ttieħdet mill-listi li ħerġin fit-tieni ġimgħa ta' kull xahar li għalih l-Onorevoli staqsa fuqhom.
Dawn il-listi jinkludu:
1. mediċini li qegħdin jiġu diskussi mis-'Drugs and Therapeutics Committee (DTC)' biex jiġu maqtugħa minn fuq il-formularju.
2. mediċini li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu problema biex jixtihom minħabba li ħadd ma qiegħed jikkwota għalihom.
3. mediċini li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi Farmaċewtici tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom fl-ispiżeriji tal-Gvern.
B'riferenza għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta' Kalaxlokk, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-taħdidiet bejn il-partijiet kollha konċernati għadhom għaddejjin u għalhekk ma naħsibx li jkun għaqli li jingħataw dettalji dwar il-materja f'dan l-istadju.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Hospitality vote
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa globali mill-hospitality vote mis-safar tal-ministeru u tas-segretarjat parlamentari nkluż tad-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa Frar, 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 5762 li titratta l-istess suġġett.
27.4.99
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Hospitality vote
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa mill-hospitality vote tal-ministeru u d-dipartimenti konċernati mill-5 ta' Settembru, 1998 sa Frar 1999?
X'kienet in-nefqa għas-safar għall-istess perijodu tal-ministeru u dipartimenti tad-dekasteru tal-ministeru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti parlamentari Nru. 1279, 3299 u 5767 inżid li jien infurmat li n-nefqa mill-`hospitality vote` għall-Ministeru u d-Dipartimenti kienet hekk:
Dipartiment Hospitality
LM
Avjazzjoni Ċivili 427
Dipartiment tal-Liċenzji 315
Dipartiment tat-Toroq 360
Ministeru ( li jinkludi 1023
s-Segretarju Permanenti u
d-Dipartiment tas-Servizzi
Korporattivi)
Minbarra hekk infurmat ukoll li l-ispiża totali ta` safar tad-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili kienet ta` Lm9829 għall-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa tal-hospitality vote tal-ministeru u d-dipartimenti konċernati mill-5 ta' Settembru, 1998? X'kienet in-nefqa għas-safar tal-ministeru u d-dipartiment għall-istess perijodu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru s'issa, n-nefqa fuq il-'Hospitality vote' u għas-safar, kemm mill-Ministeru u kemm mid-Dipartiment kienu kif ġej:-
Hospitality Vote Safar
------------------------------
Ministeru LM1934.23 LM4166
Dipartiment LM1065.38 LM15349
Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd — Hospitality vote
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa mill-hospitality vote tal-ministeru u d-dipartiment mill-5 ta' Settembru 1998 sa Frar 1999?
X'kienet in-nefqa għas-safar tal-ministeru u dipartmenti għall-istess perijodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-5 ta' Settembru 1998 sa Frar 1999 tħallset is-somma ta' Lm5,069.52 mill-vot tal-hospitality tal-Ministeru. Din tinkludi s-somma ta' Lm1,999.18 li huma pagamenti ta' riċevimenti u attivitajiet oħra li saru fiż-żmien ta' qabel l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru meta l-Onorevoli Interpellant kien għadu Ministru.
In-nefqa għas-safar tal-Ministeru u Dipartimenti li jaqgħu taħtu fil-perjodu msemmi tammonta għal Lm3,897.66.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa mill-hospitality vote tal-ministeru u d-dipartimenti relatati mal-ministeru mill-5 ta' Settembru, 1998 sa Frar 1999?
X'kienet in-nefqa għas-safar għall-istess perijodu?
X'kienet l-istess nefqa globali għaż-żewġ mistoqsijiet għar-rigward ta' l-ambaxxati ta' pajjiżna barra minn xtutna?
Response (BORG, JOE)
Parti mill-informazzjoni mitluba diġa' ngħatat fi tweġibiet li ngħataw għal Mistoqsijiet Parlamentari oħra li kienu saruli. Il-kumplament tat-tagħrif qed jinġabar u jingħata f'xi seduta ohra.
tm/27th April 1999 (pm)
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' PE teachers u instructors mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?
X'inhuma l-attivitajiet sportivi fl-iskejjel li se jiġu organizzati matul din is-sena fil-livell primarju u sekondarju?
Kemm kien in-numru ta' tfal li ħadu sehem f'attivitajiet simili matul l-aħħar snin sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-attivitajiet Sportivi li qegħdin ikunu organizzati matul is-sena Skolastika 1998-1999 huma:
Għall-istudenti mill-iskejjel Sekondarji
Basketball (Girls & Boys)
Netball (Girls: Juniors & Seniors)
Volleyball (Girls & Boys)
Football (Boys: Secondary Schools, Trade Schools,
Junior Lyceum)
Wrestling (Boys)
Cross Country (Boys & Girls: Juniors & Seniors)
Handball (Boys)
Gymnastics (Girls: Juniors & Seniors)
Hockey (Boys: Juniors & Seniors)
Judo (Boys & Girls)
Fencings (Boys & Girls)
Swimming (Boys & Girls)
Table Tennis (Girls & Boys)
Bowling (Girls & Boys)
Athletics (Girls & Boys: Juniors & Seniors)
Weightlifting (Boys)
Tennis (Girls & Boys)
Badminton (Girls & Boys)
Għall-istudenti mill-iskejjel primarji
Football Festivals (Boys: bil-parteċipazzjoni ta' tfal
minn 44 skola)
Netball Festivals (Girls: bil-parteċipazzjoni ta' tfal
minn 36 skola)
Sports Festivals Reġjonali
(Għall-istudenti mill-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex, imqassmin f'erba' reġjuni)
Għadd ta' Skejjel Primarji jorganizzaw
Sports Day fl-iskola tagħhom.
F'dawn l-aħħar tliet snin f'attivitajiet mill-P.E. Section fuq skala reġjonali jew nazzjonali pparteċipaw attivament kull sena madwar elfejn u tmin mitt (2,800) student/a mill-iskejjel Primarji u iktar minn tlitt elef u seba' mitt (3,700) tifel u tifla mill-iskejjel primarji.
F'dawn in-numri qiegħed jitqies bħalli kieku kull student/a ħadet sehem f'okkażjoni waħda, iżda fir-rejalta' dan mhux il-każ għax għall-istess attivita' jista' jkun hemm diversi "fixtures". Dawn in-numri lanqas jinkludu attivitajiet sportivi li jsiru fi skejjel individwali - attivitajiet li huma apparti mil-lezzjoni ta' l-Edukazzjoni Fiżika.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni ta' ilma lokali mir-R/O għax-xahar ta' Jannar u Frar, 1999?
Kemm sewa biex jiġi provdut dan il-volum ta' ilma u x'policy għandu l-gvern sabiex inaqqas l-ispejjeż involuti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-produzzjoni ta' ilma mill-impjanti tar-Reverse Osmosis matul l-ewwel xahrejn ta' din is-sena kien kif ġej:
Jannar 1999 1,568,359 metri kubi
Frar 1999 1.325,632 metri kubi
L-ispiża tal-produzzjoni għadha qed tinħadem u għalhekk tweġiba għal din il-parti tal-Mistoqsija tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hu n-numru ta' makkinarju agrikolu liċenzjat f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-makkinarju reġistrat fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd ma hemmx sistema ta' liċenzjar jew reġistrazzjoni ta' makkinarju agrikolu. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-liċenzja tat-triq, huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' korrimenti fuq il-post tax-xogħol matul ix-xhur ta' Jannar u Frar? Kemm kien in-numru ta' inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol? Kemm saru spezzjonijiet fuq azjendi f'fabbriki sabiex ikun assigurat li dawn ikunu konformi ma' l-istands neċesarji tas-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' korrimenti f'Jannar, 1999 kien ta' 313, waqt li fi Frar, 1999 kien ta' 375.
Matul il-perjodu msemmi, d-Dipartiment tax-Xogħol kien infurmat b'żewġ inċidenti fuq il-post tax-xogħol li rriżultaw f' żewġ fatalitajiet.
Saru mija u erbgħa u erbgħin (144) spezzjoni f'postijiet tax-xogħol minn Spetturi tas-Saħħa u Sigurta'.
29.3.99
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jibda jirċievi l-pensjoni li suppost hi dovuta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata verbalment dwar il-każ tagħha u deheret sodisfatta bl-ispjegazzjoni mogħtija mid-Dipartiment. Minkejja dan kollu ser tingħata wkoll tweġiba uffiċjali bil-miktub dwar il-każ tagħha.
29.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati bħala self-employed matul il-perijodu ta' Jannar u Frar għas-snin 1999,1998,1997,1996 u 1995?
Kemm minn dawn kienu nisa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni reġistrati bħala "self employed" fil-perijodi msemmija huma kif ġejjin:
SENA JANNAR FRAR
---- ------ ----
1995 15,850 15,992
Nisa 1,916 1,910
Rġiel 13,934 14,012
1996 15,870 15,865
Nisa 1,935 1,929
Rġiel 13,935 13,936
1997 15,574 15,596
Nisa 1,919 1,923
Rġiel 13,655 13,673
1998 15,392 15,426
Nisa 1,939 1,941
Rġiel 13,453 13,485
1999 15,267 Għada qed tinġabar
Nisa 1,926 --
Rġiel 13,341 --
29.3.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' barrieri fil-gżejjer tagħna li qed jintużaw?
Kemm huma dawk li m'humiex jintużaw u x'policy ħejja l-gvern għal din il-leġislatura għal dawn il-barrieri mhux użati?
Liema huma l-lokalitajiet residenzjali f'Malta u f'Għawdex li jilmentaw mad-dipartimenti konċernati dwar il-problemi ta' splużjonijiet li jsiru f'dawn il-barrieri sabiex jitfarrak il-blat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-barrieri li qegħdin jintużaw huma maqsuma kif ġej : -
Barrieri Malta Għawdex
-------- ----- -------
Tal-Qawwi 23 6
Tal-Franka 64 9
Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent ma teżistix statistika dwar in-numru ta' barrieri li mhumiex jintużaw. Iżda huwa ppjanat li dawn jiġu mistħarrġa bħala parti mill-preparazzjoni tal-Minerals Subject Plan li mistenni jibda fi żmien qasir. L-istess pjan mistenni li jeżamina kif dawn is-siti għandhom jiġu riabilitati.
Sadanittant għaddejjin ukoll diskussjonijiet bejn il-P.A., l-WSC u l-EPD sabiex b'koordinazzjoni flimkien jiġu jdentifikati xi barrieri fejn ikun jista' jsir rimi ta' skart.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-biċċa l-kbira ta' l-ilmenti jiġu mid-distretti li jinkludu l-kunsilli tan-Naxxar, Mosta, Rabat, San Ġwann u Dingli, f'Malta u dawk tal-Qala u Nadur, f'Għawdex.
29.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa globali tal-ministeru u tas-segretarjat parlamentari nkluż tad-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru mill-vot ta' hospitality u safar mill-5 ta' Settembru, 1998 sa Frar 1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
Matul il-perijodu msemmi, l-Ministeru, inklużi ż-żewġ Segretarjati Parlamentari u d-dipartimenti nkorporati fih, intefqet is-somma globali ta` Lm5,388 mill-vot tal-hospitality, waqt li minn dak tas-safar b`kollox intefqet is-somma ta` Lm13,854. Minn dan l-aħħar ammont għad irid jitnaqqas l-ammont li ma ntefaqx minn xi delegazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jsiru l-ewwel appointments mil-lista ta' l-1 ta' Frar, 1999 għall-postijiet vakanti ta' assistenti kapijiet ta' l-iskejjel sekondarji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ewwel riżultati ta' l-assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji kellhom jiġu irtirati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku minħabba xi nuqqasijiet li twettqu waqt il-proċess ta' l-għażla. Minħabba din id-diffikulta' mhux possibli li jsir il-ħatra ta' l-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel sekondarji għalissa.