Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #6120 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinformani bil-programm li ħejja l-gvern sabiex isiru xogħlijiet ta' manutenzjoni u estensjonijiet oħra fil-bini ta' l-iskejjel tat-12-il distrett fit-tlett snin li ġejjin? Kemm fil-fatt hija n-nefqa tal-gvern għal dawn ix-xogħlijiet maħsuba sabiex jipprovdu ambjent aħjar fl-iskejjel lill-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jiġi kompilat għall-konsiderazzjoni tiegħi biex nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #6121 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Ħaddiema li jiggassjaw l-uċuħ tar-raba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx sar health impact assessments rigward saħħet il-ħaddiema li jiggasjaw l-uċuħ tar-raba? Jekk iva, x'kienu r-riżultati? Jekk le, jista' jikkonsidra li jsiru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant lit-Taqsima tas-Saħħa u Sigurta' fuq il- post tax-xogħol taqa' taħt ir-responsabbilita tad-Dipartiment tax-xogħol. L-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #6122 Sitting 88 1999-05-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt sarux health impact assessments rigward l-effett li tħalli l-kimika f'bexx, eċċ fuq saħħet il-bdiewa li japplikaw sabiex ikabbru l-uċuħ tagħhom? Meta saru u x'kienu r-riżultati? Jekk ma sarux, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsiru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 6121.
Leg 9 PQ #5927 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Refurbishment

Question

Peress li l-Ministru għadu ma weġibx minn liema vot se jittieħdu l-ispejjeż tax-xogħlijiet ta' refurbishment li qiegħed isir fil-Ministeru, jista' l-Ministru fil-fatt iwieġeb din id-domanda?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ispejjeż imsemmija s'issa qed jitħallsu hekk: a) mill-voti rikurrenti 51 għas-sena 1998 mill-item numru 61 - Special Expenditure, u b) mill-voti rikurrenti 52 għas-sena 1999, mill-items numru 22 - Materials and Supplies u numru 23 - Repairs and Upkeep.

Buġibba/Tal-Vecca — Xogħlijiet

Question

Peress li fl-estimi ta' l-amministrazzjoni preċedenti Laburista kienu ivvotati flus sabiex isiru xogħlijiet fuq il-moll ta' Buġibba u tal-Vecca, liema proposti ġew konfermati fil-Parlament fl-estimi ta' l-Awtorita' Marittima għas-sena 1999, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet issa li saret is-sejħa għall-offerti? Jista' l-Ministru jara li jkun assigurat li x-xogħlijiet isiru skond il-pjan ħalli l-flus ivvotati ma jintużawx għal xi skopijiet oħra li jista' jkollha l-Awtorita' Marittima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima wara l-bidla fil-Gvern f`Settembru 1998, kienet ħarġet sejħa għall-offerti għal xogħolijiet fuq il-Moll ta` San Pawl il-Baħar fl-1 ta` Frar 1999. Din is-sejħa għalqet fil-25 ta` Frar 1999. Il-Bord il-ġdid ta` l-Awtorita` jkun jista` jibda l-proċess ta` evalwazzjoni ta` din is-sejħa.
Leg 9 PQ #5929 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Malta/Libja — Protokoll

Question

B'riferenza għall-protokoll ta' koperazzjoni bejn Malta u Libja għall-oqsma tas-setturi tal-biedja u sajd u r-risposta f'seduta riċenti tal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin dwar dan is-suġġet, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd qed issegwi b'interess l-iżviluppi kollha fuq l-inizzjattivi nklużi fil-protokol bejn Malta u l-Libya dwar il-Biedja u Sajd.
Leg 9 PQ #5930 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija

Question

Peress li fil-11 ta' Marzu, 1999 wara xi diżgwid li nqala bejn it-tabib li kien ta' l-għassa fuq il-linja tal-majjal u xi biċċiera, l-istess tabib ħalla l-biċċerija u ma rritornax lura, u peress li jirriżulta li ma kien hemm ħadd biex jiċċertifika li l-laħam kien ħieles mill-mard u tajjeb għall-konsum tal-bniedem, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif dan il-laħam ġie mibjugħ kontra r-regolamenti tas-servizz veterinarju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li għalkemm it-tabib tal-linja kellu jħalli l-post tiegħu, id-Direttur tas-Servizz Veterinarju bl-għajnuna tal-lay inspector ħa r-risponsabbilita ta' l-ispezzjoni u fl-ebda mument ma ġew miksura xi regolamenti jew il-konsumatur tpoġġa f'xi riskju għas-saħħa tiegħu.

Impjiegi — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5724, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bir-rakkmandazzjonijiet li saru lis-sidien ta' l-azjendi privati fil-144 spezzjoni li saru sabiex jinżammu l-istandards tas-sigurta' fuq il-post tax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-postijiet tax-xogħol li kienu spezzjonati minn Spetturi għas-Saħħa u s-Sigurta' kienu varji u fihom issir firxa wiesgħa ta' xogħolijiet differenti. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru allura kienu jirriflettu mhux biss dan il-fatt, iżda wkoll il-perikli li ġew identifikati u li kienu jvarjaw skond in-natura tax-xogħol. Fi kwalunkwe każ, ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażi fuq Att Numru VII tal-1994, u fuq ir-regolamenti maħruġa taħtu. L-iktar rakkomandazzjonijiet komuni kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta' passi biex "employers" ineħħu perikli jew inaqqsu riskji kaġunati mill-użu u ħażna ta' kimika fuq il-post tax-xogħol, nuqqasijiet relatati mal-ħruġ u mal-użu ta' "personal protective equipment", in-nuqqas ta' certifikar ta' "lifts" u "hoists", nuqqas ta' superviżjoni, kif ukoll in-nuqqas ta' organiżżar ta' eżamijiet mediċi għall-ħaddiema. 3.5.99
Leg 9 PQ #6116 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Esportazzjoni

Question

Peress li l-Ministru f'laqgħa riċenti għall-bdiewa qal li jaqbel li l-packing tal-patata esportata jsir fil-5 kilo bags flok fil-jambo bags u li huwa dovut għall-kuntratt il-ġdid li sab li dan il-packing ta' 5 kilos ma jistax isir, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li tħejja mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jew mill-bord li bih il-Ministru wasal għal din il-konklużjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fl-ebda laqgħa u fl-ebda ħin ma għidt li l-patata għanda tiġi mgħobbija f'5kg bags.

Avis 2 — Levies

Question

Peress li l-Avis 2 jgħid l-levies kollha ta' protezzjoni jridu jitneħħew, jista' l-Ministru jgħid kif dan mhux se jkollu impatt negattiv fuq is-setturi lokali tal-biedja u sajd?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li jressaq din il-mistoqsija parlamentari lil-Ministeru konċernat.
Leg 9 PQ #5922 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħxejjex — Levy

Question

Peress li l-Avis 2 jgħid li levies ta' protezzjoni jridu jitneħħew kollha, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif it-tneħħija ta' levy fuq ħxejjex, frott u ħut frisk importat mhux se taffettwa ħażin lill-bdiewa, raħħala u sajjieda?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-protezzjoni għall-prodotti tal-biedja hija suġġetta għal negozjati mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Jiena nserraħ ras l-Onor. Interpellant kif ukoll il-bdiewa kollha li l-interessi tal-biedja Maltija ser jiġu salvagwardjati matul dawn in-negozjati. Infakkar l-Onor. Interpellant li kien l-Onor. Alfred Sant li kien ġie rappurtat li qal li l-protezzjoni għall-agrikoltura kellha titneħħa fl-ambitu taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles għax l-agrikoltura ma' kienet xejn speċjali. B'kuntrast ma' dan il-Gvern tal-lum qed jiddikjara li bi ħsiebu jinnegozja kundizzjonijiet favorevoli għall-biedja Maltija fl-ambitu ta' sħubija sħiħa għax l-Unjoni Ewropea u l-Gvern preżenti, iqisu lill-biedja bħala settur speċjali.

UE — Voti

Question

Peress li qed jiġi propost li jkun hemm tnaqqis ta' 30% tal-voti attwali ta' l-Unjoni Ewropea għas-settur tal-biedja tal-pajjiżi membri, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif dan it-tnaqqis se jaffettwa lill-pajjiżna u ċioe' s-settur tal-biedja lokali?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li jressaq din il-mistoqsija parlamentari lil-Ministeru konċernat.

UE — Sħubija ta' Malta

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u l-fatt tas-sitwazzjoni fejn bdiewa tal-pajjiżi membri qed jirċievu prezzijiet baxxi għall-prodotti tagħhom u l-konsumaturi jħallsu prezzijiet għolja minkejja f'dan it-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, bħal fil-każ ta' Franza fejn matul l-aħħar snin il-prezz taċ-ċanga niżel għal 17% għar-raħħala, iżda għall-konsumaturi Franċiżi għola b'8%, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif din is-sitwazzjoni se tolqot lill-bdiewa u l-konsumaturi tal-gżejjer tagħna?

Response (BORG, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li jressaq din il-mistoqsija parlamentari lil-Ministeru konċernat.
Leg 9 PQ #5925 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni tal-patata — Jambo bags

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt saru l-ewwel provi sabiex tiġi introdotta s-sistema tal-jambo bags fil-packing station ta' Ta' Qali? Jikkonferma l-Ministru li din is-sistema kienet qed tiġi ntrodotta bil-ħsieb li jiġu evitati spejjeż fil-handling ta' l-esportazzjoni tal-patata fil-futur? Din is-sistema tal-jambo bags se tiffranka l-ispejjeż tal-handling tal-patata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-patata ġiet esportata għall-ewwel darba fil-Jumbo Bags fl-1998 fuq l-insistenza ta' l-importatur Olandiż sabiex huwa (l-importatur) jiffranka spejjeż tal-handling fl-Olanda. F'Malta din is-sistema żiedet l-ispejjeż lokali tal-handling. Il-Ministeru tiegħi ħa ħsieb li nvesta f'loading platform u faċilitajiet oħra sabiex l-ispejjeż jiġu llimitati kemm jista jkun. Barra minhekk, l-Onor. Interpellant għandu jiftakar li kien hu stess li rabat lill-bdiewa lokali b'kuntratt għas-snin 1999-2001 li permezz tieghu l-ispejjez tal-esportazzjoni ser jiżdiedu b' 17 Guilder/metric ton.
Leg 9 PQ #5926 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni tal-patata — Jambo bags

Question

Peress li mill-banek ta' l-oppożizzjoni l-Ministru tal-Biedja u Sajd kien jgħid li s-sistema tal-jambo bags kemm-il darba tiġi ntrodotta se tagħmel il-patata soppa, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu r-riżultati ta' din is-sistema u cioe' jekk ikkawżatx ħsara fil-patata li ġiet esportata matul l-istaġun tas-sena l-oħra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li jien kont saqsejt jekk il-patata fil-jumbo bags kienetx ser tiġi esportata f'refrigerated containers għax kemm -il darba dan ma kienx hekk, allura il-patata kienet issir soppa fl-istess jambo bags. Inżid ngħid li għalkemm il-patata fl-Olanda jidher li ma waslitx f'kundizzjoni ħażina, il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd qiegħed jimpenja ruħu sabiex jittejbu l-faċilitajiet kollha meħtieġa, inkluż il-metodu tat-tagħbija. Aħna rridu nassiguraw l-inqas ħsara possibli u li jiġu evitati spejjeż żejda bħal ma sar is-sena li għaddiet sabiex it-talba tal-importatur Olandiż setgħet tiġi milqugħa, u dan iżjed w iżjed wara li l-Onor. Interpellant għamel kuntratt li permezz tiegħu l-ispejjeż tal-esportazzjoni żdiedu b' 17 guilders/metric ton.
Leg 9 PQ #5888 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Motorsport/offroad sports

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-policy tal-motorsport u offroad sport li għandu l-gvern għal din il-leġislatura? Kemm hi n-nefqa vvotata? Jikkonsidra l-Ministru li jsir seminar nazzjonali sabiex il-marshalling ta' dawn l-avvenimenti jiġi ndirizzat b'aktar serjeta' u tingħata l-għajnuna tant meħtieġa lill-għaqdiet konċernati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Segretarju Parlamentari beda x-xogħol għal abbozz ta' Motor Policy għal Gvern. Peress illi hemm ħafna partijiet interessati, dan il-proċess irid jieħu ż-żmien tiegħu, u huwa l-ħsieb tagħna li meta jkun il-waqt isir anke Seminar mhux biss fuq il-marshalling imma anke fuq it-tfassil tal-Motor Policy kollha, li tinkludi l-isport kollu mekkanizzat fil-pajjiż.

Bdiewa/raħħala/sajjieda — Regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5257?

Response (BORG, JOE)

Dan l-istudju isir bejn id-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropeja fil-Ministeru tiegħi u l-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd. Kif tintemm din il-fażi, jibdew konsultazzjonijiet mas-settur privat biex jiġu mħejjija l-aħjar proposti għal Malta.
Leg 9 PQ #5890 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Proċessuri tal-Poultry

Question

Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tar-risposta u l-mistoqsija parlamentari numru 5393, Seduta Nru. 77?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat mill-uffiċjali inkarigati li qiegħed isir 'assessment' fuq ir-rapporti tal-veterinarji u għalhekk nkun nista ngħati risposta iktar 'il quddiem.
Leg 9 PQ #5891 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5275?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hi għas-sena 1999 skond kif mitlub fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4678. Ma nistax ngħati l-informazzjoni għall-1996, 1997 u 1998 kif mitlub permezz tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5275 għaliex f'dawn is-snin ma kienetx tinġabar bid-dettalji kif mitluba. In-numru t'operazzjonijiet pendenti hu skond il-lista li qed titpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninforma l-Onor. Membru li l-proċedura normali hi li jsiru operazzjonijiet mill-'waiting list'. Iżda f'każijiet ta' emerġenza p.eż. kanċer, dawn jingħataw preferenza fuq dawk li jkunu fil-'waiting list'.
Leg 9 PQ #5919 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kuntistabbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kuntistabbli li tilfu ħajjithom waqt il-ħin tax-xogħol mit-twaqqif tal-korp 'il hawn? X'kienu l-każijiet u f'liema sena? X'kumpens jieħdu l-familjari f'każijiet fatali bħal dawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub fl-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-familja ta' kull membru tal-Korp tal-Pulizija li jmut waqt li jkun għadu jservi fil-Korp tingħata somma ta' Lm1350 mill-General Fund u mill-Mutual Help Association Fund, li huma żewġ fondi li jinġabru minn kontribuzzjonijiet mensili mill-istess membri tal-Korp.