Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6126?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie investigat l-ilment tiegħu mat-terzi persuni li taw l-informazzjoni lid-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju u dawn issa kkonfermaw li l-informazzjoni għall-1995 għanda taqra hekk:
Sena Valur Prezz Medju
1995 Lm6.9M 81c5
Peress li fl-inħawi ta' Buġibba, San Pawl il-Baħar u l-Qawra, ħafna ħwienet, lukandi, restaurants, bars, eċċ jilmentaw li meta jirrapportaw xi ħsarat fis-sistema ta' l-ilma, id-dawl, telephone, drenaġġ, eċċ jdumu jistenew ħafna u jiġri li kawża ta' dawn il-ħsarat it-terzi persuni jidħlu f'ħafna spejjeż żejda sabiex isibu soluzzjoni temporanja ħalli jkunu lanqas impatt possibbli fiċ-ċirkostanzi, jista' l-Ministru jikkonsidra li jikkordina unit ġdid sabiex dawn il-ħsarat jiġu kkordinati aktar pofessjonalment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi innutat.
Peress li kienu bdew isiru numru ta' ġonna kordinati bejn il-ħaddiema ta' l-Urban and Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u l-kunsilli lokali bħal fil-każ tar-Rabat Malta, fejn saru xogħlijiet fl-Imtarfa, il-Baħrija u r-Rabat u kienu fil-fatt bdew diskussjonijiet sabiex kif jitlestew dawn ix-xogħlijiet jibdew ix-xogħlijiet fuq il-ġnien rikreattiv f'Għajn Qajjed u l-Kunsill tar-Rabat kien alloka s-somma ta' flus sostanzjali għal dan il-proġett, jista'l-Ministru jinformani mill-5 ta' Settembru 'l hawn kemm saru laqgħat u preparamenti sabiex dan ix-xogħol jitkompla għall-benefiċċju tar-residenti tan-Nigret u Għajn Qajjed?
Response (ZAMMIT, NINU)
Risposta għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-programm ta' kontinwazzjoni tax-xogħol fuq il-proġett ta' rijabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa/Chadwick Lakes u serer moderni fiċ-Ċentru tal-micro propagazzjoni għal matul ix-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju u Awissu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Rigward il-programm ta' kontinwazzjoni tax-xogħol fuq il-proġett ta' rijabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa/Chadwick Lakes huwa ttamat illi t-tieni fażi tittlesta din is-sena kif ukoll jittlestew ix-xogħolijiet fl-ewwel fażi li ntalbu mill-Awtorita tal-Ippjanar, filwaqt għal matul ix-xhur imsemmijin, is-serer li hemm fiċ-Ċentru ta' Mikropropagazzjoni se jkomplu jintużaw sabiex fihom jitkabbru pjanti dekorattivi, pjanti indiġini kif ukoll pjanti tal-GF677 li fuqhom jitlaqqmu siġar tal-frott irqiq.
Peress li l-familja, li isimha qed jintbagħat separatament, ilha li ħallset is-somma ta' Lm100 għal aktar minn erba' snin sabiex tifdi ċ-ċens tar-residenza tagħha, jista' l-Ministru jinformani x'qed jikkawża dan id-dewmien fil-proċess ta' din l-applikazzjoni? Jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat dan il-każ u każijiet oħra simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ partikolari li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dwar proprjeta` li għaliha għad ma hemmx klassifikazzjoni fl-Anness 7 tal-Ftehim dwar il-proprjeta` li l-Awtoritajiet tal-Knisja Maltija għaddew lill-Gvern Malti. Għalhekk l-Uffiċċju Konġunt għalissa ma jistax jifdi ċ-ċens imsemmi u ċnus oħra simili.
Ninsab infurmat ukoll li d-diskussjonijiet biex issir il-klassifikazzjoni meħtieġa issa kważi ntemmu u fi żmien qrib mistennija deċiżjoni li permezz tagħha dawn l-applikazzjonijiet jkunu jistgħu jibdew jiġu proċessati.
12.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet fuq karozzi rapportati lill-pulizija matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April ta' din is-sena? Kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rapportati lill-pulizija għall-istess perjodu? Kemm kienu kawżati kolliżjonijiet fatali u/jew gravi għall-persuni nvoluti matul l-istess perjodu? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1995/98 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
12.05.99 (p.m.)
B'riferenza għall-wegħdiet li saru lill-ħaddiema fl-aħħar kampanja elettorali Nazzjonalista partikolarment lill-Impressed Drivers, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'sar mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn sabiex dawn il-ħaddiema din is-sena jsiru ħaddiema taċ-ċivil uffiċjalment u jkollhom l-istess drittijiet u kondizzjonijiet bħall-ħaddiema kollha taċ-ċivil?
X'timeframe għandu l-gvern sabiex isolvi din il-problema u kemm huwa n-numru ta' dawn il-ħaddiema fil-mument?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 1115.
In-numru ta' impressed drivers fis-settur pubbliku huwa 701. Il-Gvern qed jesplora attivament l-aħjar metodu sabiex ikun jista' jindirizza din il-problema.
12.5.99
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tar-regolamenti u kondizzjonijiet li kienu qed jiġu pprattikati lokalment bħala regoli uffiċjali għad-daqs tal-gaġeġ/batteriji applikabbli għall-industrija tat-tiġieġ matul dawn l-aħħar ħames snin fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif suppost jaf hu bħala persuna li kienet responsabli għall-Agrikoltura m'hemm l-ebda regolamenti speċifici għad-daqs ta' gaġeġ/batteriji applikabli għall-industrija tat-tiġieġ.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari numru 1940 li saret f'seduta 37 dwar fidi ta' ċens skond referenza ta' l-irċevuta Nru. (M136007)? Dettalji qegħdin jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6125 f'Seduta 89.
Nirreferih ukoll għat-tieni parti tat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6643 f'din l-istess Seduta.
12.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5923 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' peress li qed jiġi propost li jkun hemm tnaqqis ta' 30% tal-voti attwali ta' l-Unjoni Ewropea għas-settur tal-biedja tal-pajjiżi membri, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif dan it-tnaqqis se jaffettwa lill-pajjiżna u ċioe' s-settur tal-biedja lokali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minn informazzjoni ppublikata jidher ċar li l-'Berlin European Council' li sar fl-24 u 25 ta' Marzu 1999 żied l-allokazzjoni għall-Agrikoltura (Heading 1) minn 40,920 miljun Euro fl-2000 għal 43,900 milljun Euro għall-2002. Dawn il-figuri huma ikkalkolati bil-prezzijiet tal-1999 jiġifieri mistennija jiżdiedu skond l-inflazzjoni. Barra minn hekk huwa maħsub li bir-riforma fil-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea jintefqu anqas flus sabiex jiddisponu miż-żejjed u aktar flus f'għajnuna diretta lill-bdiewa u raħħala. Din ir-riforma tkun ta' benefiċju għall-bdiewa Maltin
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5921 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' peress li l-Avis II jgħid li l-levies kollha ta' protezzjoni jridu jitneħħew, jista' jgħid kif dan mhux se jkollu impatt negattiv fuq is-setturi lokali tal-biedja u sajd?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant japprezza li din il-materja hija suġġetta għal negozjati mal-Unjoni Ewropea. Bla dubju l-Gvern Malti determinat li jinnegozja pakket sħieħ li jkun sostenibili għall-Agrikoltura u Sajd f'Malta, li joffri opportunitajiet ta' żvilupp f'dawn l-oqsma sakemm dan ikun għas-sodisfazzjon tal-bdiewa, raħħala u sajjieda.
Dawk b'kuntrast ma' l-Free Trade Zone li ried jagħmel il-Gvern li kien jagħmel parti minnu l-Onor. Interpellant li kien ifisser it-tneħħija ta' kull forma ta' protezzjoni għas-setturi tal-biedja u sajd f'pajjiżna.
B'riferenza għall-intervent tal-Ministru dwar l-eżenzjoni ta' dazju fuq tiġieġ impurtati għas-suq lokali, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta kkonsulta mal-koperattivi u rappreżentanti tal-processors ta' din l-industrija lokali? Meta ġew informati bil-miżura li ħa l-Ministeru dwar l-eżenzjoni tal-levy fuq dan il-prodott u kemm kienet il-kwantita' li ġiet eżentata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Billi l-ammont ta' tiġieġ li fuqhom ġiet eżentata l-ħlas tal-levy kienet waħda limitata ħafna, minnħabba ċirkostanzi partikolari u speċjali, (ħames tunnellati paragunata ma konsum ta' 6,600 tunnellata), ma nħassitx il-ħtieġa li ssir konsultazzjoni.
Ta' minn ifakkar li l-Onor. Interpellant, meta kien Ministru, kien irrikmanda eżenzjoni mill-ħlas tal-levy fuq (10.75) tunnellata tiġieġ importati fit-2 ta' Frar 1998, bla ma saret ebda konsultazzjoni ma koperattivi u proċessuri oħra.
Din l-eżenzjoni kienet fil-fatt ħarġet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' talbiet għall-permessi tal-bini, change of use, eċċ li jinsabu fil-proċess ta' appelli quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara li ġew diġa' rifjutati mill-istess awtorita'? X'inhi fil-fatt l-ispiża globali li tħallset sabiex saru u setgħu jersqu dawn l-appelli quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq l-ewwel nippreċiża li appelli minn deċiżjonijiet ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma jinstemgħux mill-Awtorita` iżda minn Bord ta' Appell dwar l-Ippjanar li huwa awtonomu mill-Awtorita` innifisha.
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 1,089 applikazzjoni b'talba għall-appell minn deċiżjoni ta' l-Awtorita'. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont ta' Lm87,120 ġie mħallas biex jiġu sottomessi dawn it-talbiet għall-appell.
12.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mhux jintbgħat pulizija sabiex jidderiġi temporanjament it-traffiku waqt il-funerali li jsiru fil-lokal tar-Rabat, Malta? Jista' l-Ministru jara li jirrimedja għal dan in-nuqqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi waqt funzjonijiet reliġjużi fit-toroq, il-Pulizija tieħu dawk il-miżuri għall-kontroll tat-traffiku skond kif dik il-funzjoni partikulari tkun tinħtieġ.
12.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jinformani kemm huwa maħsub/ikkalkolat li matul ix-xhur ta' Mejju, Ġunju, Lulju u Awissu titqassam ħamrija lill-bdiewa? Minn fejn se tinġieb din il-ħamrija u x'policy se jaddotta id-dipartiment għat-tqassim ta' din il-ħamrija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-proċess tat-tqassim tal-ħamrija jiddependi mill-volum ta' ħamrija li jkollu f'idejħ id-Dipartiment u mhux in-numru ta' talbiet tal-bdiewa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt ilha bil-ħsara l-makna ta' l-X-Ray fil-poliklinika tar-Rabat, Malta? Meta se tiġi rimedjata din il-ħsara sabiex ir-residenti Rabtin ma jkomplux ibatu l-konsegwenzi? Fil-fatt x'ikkawża l-ħsara?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-magna ta' l-X-ray fil-Poliklinika tar-Rabat żviluppat ħsara tard f'Jannar ta' din is-sena. L-investigazzjonijiet eventwalment urew li żviluppat ħsara fit-tubu ta' l-X-ray li ġie ordnat minn barra minn Malta. Dan it-tubu mistenni li jasal Malta xi għaxar gimgħat oħra u jiġi nstallat minnufih.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5919, jista' l-Ministru jikkonsidra li jintroduċi skema ġdida sabiex fir-rigward ta' inċidenti fatali jkun hemm kumpens aktar xieraq lill-familjari tal-vittmi tal-pulizija u cioe' l-gvernijiet permezz tal-voti tal-Ministeru ta' l-Intern jkun responsabbli għall-pagamenti dovuti skond iż-żmenijiet tal-lum u għall-futur?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant diġa` qed jiġi kkunsidrat attivament.
11.05.99 (p.m.)
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5494, jista' l-Ministru jispjega għalfejn l-imsemmija vakanzi ma mtlewx mill-persuni li isimhom qed jintbagħtu separatament? Kull vakanza li nħolqot wara l-20 ta' Novembru 1998, kellha timtela mil-lista ta' l-ordni ta' mertu l-ġdida?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-8 t'April 1999, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ressqet sebat ismijiet lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku biex dawn jinħatru bħala Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Sekondarji.
Iż-żewġ persuni msemmija huma l-ewwel tnejn f'din il-lista li hu skond l-ordni tal-mertu.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw is-settur tal-Biedja u Sajd rispettivament?
Minn huma l-persuni fil-Ministeru u d-Dipartiment li qegħdin jikkordinaw l-evalwazzjoni ta' dan l-acquis mal-liġijiet Maltin?
X'laqgħat saru ma' l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sabiex dawn ikunu informati b'dawn il-volumi ta' regoli ġodda li japplikaw għalihom?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-acquis tal-Unjoni Ewropea jikkonsisti fit-trattati, ir-Regolamenti tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Direttivi tal-Kummissjoni, deċiżjonijiet, sentenzi tal-Qorti Ewropea u ftehim internazzjonali jew bilaterali u konvenzjonijiet li l-Unjoni Ewropea tirratifika. Dawn kollha għandhom xi mpatt dirett jew indirett fuq l-agrikoltura u sajd. Għaldaqstant mhux il-każ li dawn jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.
Il-kompatibilita' tal-acquis mal-liġijiet Maltin qed tiġi studjata waqt il-proċess ta' screening. F'dan il-proċess huwa maħsub li jieħdu parti fiħ l-uffiċjali għolja kollha tal-Ministeru u tad-Dipartiment. Il-ko-ordinament qed isir mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru flimkien mad-Diretturi li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi bil-koperazzjoni tal-EU Directorate tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
Qed tiġi ppjanata serje ta' konsultazzjonijiet mal-għaqdiet kostitwiti, ma' l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u sajjieda dwar il-proċess kollu. Dawn il-konsultazzjonijiet ser isiru fi żmien qasir u sejrin ikopru s-setturi kollha konnessi mal-biedja u sajd.
B'riferenza għar-rakkmandazzjoni li għamel l-aġent direttur ta' l-agrikoltura sabiex il-produtturi Maltin u Għawdxin tat-tiġieġ ikabbru razza magħrufa bla l-"Maltese Black" għal meta jiġu fis-seħħ ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea li jipprojbixxu is-sistema tat-tkabbir tat-tiġieġ kif tinsab fil-mument fil-gżejjer tagħna f'dak li jirrigwardja l-qisien tal-gaġġeġ/batterija, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-regolamenti u proposti li qed isiru sabiex jikkontrollaw it-tkabbir tat-tiġieġ fil-gaġġeġ?
Response (ZAMMIT, NINU)
F'Marzu tal-1998 il-Kummisarju għall-Agrikoltura tal-Komunitajiet Ewropej issottometta lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea proposta ta' Direttiva ġdida dwar l-ispazju għat-tiġieġ fil-gaġġeġ. Din id-direttiva ma ġietx adottata sal-lum, iżda il-presidenza Ġermaniża irrikmandat li tiġi adottata mis-sena 2012 waqt li l-parlament Ewropej irrikmanda is-sena 2009. Għaldaqstant mhux il-kas li din titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.