Jista' l-Ministru jinformani meta beda/nfetaħ u għalaq l-istaġun tal-proċess tal-grading għall-esportazzjoni tal-patata għas-snin 99, 98, 97, 96 u 95? Jista' wkoll jagħti breakdown ġurnata b'ġurnata kemm ġiet graded patata? Jista' wkoll jagħti informazzjoni dwar kemm kienet ir-rata tal-kambju fis-snin imsemmija dejjem eskluża din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li riċentement kien ġie propost li ssir akkademja għal securities li jaħdmu fil-Ħabs ta' Kordin "CCF" bil-għan li għall-futur ikun hemm aktar kontroll professjonali tat-tmexxija fiċ-ċentru ta' korrezzjoni, sabiex il-priġunieri jingħataw aktar sens ta' korrezzjoni, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi? Fil-fatt ġiet maħtura kummissjoni sabiex tistudja din il-possibilta'? Jekk iva, min huma l-membri tagħha? Jekk le, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
M'hemmx il-ħsieb li tinfetaħ akkademja għall-gwardjani tal-ħabs billi għal l-iskop ta' taħriġ dejjem ġew utilizzati mingħajr l-ebda diffikulta il-faċilitajiet provduti fl-Akkademja tal-Pulizija.
24.05.99 (a.m.)
Peress li kien hemm diversi talbiet sabiex issir letter box fil-Baħrija, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi u ċioe' jara li din fil-fatt issir fl-affermattiv?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-Baħrija diġa hemm kaxxa ta` l-ittri li tinsab fil-pjazza ħdejn li `stage` tal-karozza tal-linja.
Hu maħsub li din hija biżżejjed għar-residenti tal-lokal u għalhekk ma hemm l-ebda ħsieb li titwaħħal kaxxa ta` l-ittri oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6852?
Response (ZAMMIT, NINU)
B'referenza għall-mistoqsija dwar xogħolijiet ġodda li qed isiru mill-Urban & Rural Landscaping fl-inħawi tar-Rabat saru żewġ komunikazzjonijiet bejn l-Urban & Rural Landscaping u l-Kunsill ix-xahar ta' Marzu, biss s'issa għad ma ngħatat l-ebda konferma mill-Kunsill biex ikun jista' jsir dan ix-xogħol.
Peress li b'riżultat tal-Protocoll bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tal-biedja u sajd kienu nbdew diskussjonijiet bejn il-Malta Drydocks u kumpannija Libjana sabiex isiru manutenzjoni u bini ta' trawlers tas-sajd għall-poplu Libjan, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi u ċioe' x'sar mill-5 ta' Settembru 'l hawn bħala kontinwazzjoni sabiex jinkiseb dan ix-xogħol għat-Tarzna ta' Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minbarra l-Protokol li għalih saret riferenza fil-mistoqsija, kien sar ukoll ftehim ieħor f`Lulju ta` l-1998 dwar dan l-istess skop mal-kumpanija ġdida Libjana Al-Motawasat Investment and Marine Services Co. u l-Malta Drydocks.
Ma` din il-kumpanija saru ħafna kuntratti u laqgħat minn dakinhar `l hawn. Saħansitra ġew sottomessi lill-kumpanija disinji ta` trawlers li jistgħu jinbnew mit-Tarzna. Huwa ttamat li fix-xhur li ġejjin it-Tarzna tingħata l-ordni biex tibda x-xogħol.
B'riferenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 6638, fejn il-Ministru wieġeb li jiena meta kont ministru eżentajt 10.75 tunellati ta' tiġieġ importati, jista' l-Ministru jinformani jekk huwiex qed jirreferi għall-arranġamenti li ntlaħqu mal-KFC u proċessur lokali?
Jekk le, jista jinformani x'kienet in-natura ta' dan l-arranġament u ċioe' jekk ir-rakkomandazzjoni kenitx konformi mal-liġijiet u regolamenti/avviżi legali ta' pajjiżna li jirrigwardaw l-eżenzjoni ta' levy?
Peress li kienet bdiet inizjattiva sabiex fil-mużewijiet nazzjonali jintbagħtu pjanti dekorattivi miċ-ċentru tal-micropropagation, jista' l-Ministru jinformani jekk din il-prattika għadhiex fis-sehh? Jekk iva, kemm tqassmu pjanti fil-mużewijiet? X'tip u meta? Jekk le għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-inizjattiva kienet minn naħa tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li talbu numru ta' pjanti. Kienu ngħataw 105 begonias, 45 ferns u 50 philodendron fl-4 ta' Frar 1998. Minn dak in-nhar ma kienx hemm talbiet oħra biex jingħataw aktar pjanti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru bejn il-Ministeru u l-NTOM bħala tħejjija għall-ħidma li trid twettaq l-NTOM sabiex tkun konformi ma' l-għanijiet ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu li dalwaqt tgħaddi mill-istadju tat-tieni qari fil-Parlament?
Xi problemi tqajmu u x'deċiżjonijiet ittieħdu? X'hemm pendenti u meta se jitkomplew fil-ġejjieni dawn il-laqgħat sabiex jiġu rimedjati diffikultajiet li jistgħu jitfaċċaw?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li jien f'kuntatt kontinwu mad-diriġenti tal-'N.T.O.M.,' 'I.T.S.' u 'H.C.E.B.,' ma żammejtx kont tan-numru ta' laqgħat li kelli dwar kif dawn l-entitajiet, mhux biss l-'N.T.O.M.', iridu jaddattaw ruħhom għall-bidla li ser issir hekk kif tidħol fis-seħħ il-liġi u titwaqqaf l-'MTA'. Infakkar lill-Onor Membru li mhux biss ser ikun hemm bidla ta' isem iżda wkoll ta' programm u raġġ ta' ħidma.
Anke żmien qabel ma tressqet il-liġi fil-Parlament ħadt ħsieb li ninnomina 'Chairman designate' preċiżament sabiex jidħol minn kmieni fit-'team' li jrid jirregola u jħaddem it-transazzjoni minn entitajiet governattivi u kważi governattivi għal waħda ta' natura aktar awtonoma.
Il-laqgħat isiru meta u kemm ikun hemm bżonn u nista' ngħid li huma parti minn proċess wieħed. Is-suġġetti diskussi huma varji u jittrattaw 'budget', 'personal', missjoni, organi grammi, u 'business plans'. Mistenni li anke fix-xhur tas-sajf jitkomplew il-preparattivi biex meta niddeċiedi ndaħħal il-liġi fis-seħħ dan isir b'mod li ma jinħolqux problemi.
Peress li l-Air Malta kienet neħħiet l-RJ's 70/85, għaliex il-fuel cost u maintenance cost comparison kienu ogħla minn ajruplani oħra, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm fil-fatt iffrankat flus l-Air Malta bl-ajruplani li qed tuża għall-istess rotot flok l-RJ's? Meta fil-fatt kienet ittieħdet din id-deċiżjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija hija ta` natura purament kummerċjali u ma jidhirlix li jkun fl-interess tal-Kumpanija li nagħtiha. Id-deċiżjoni dwar il-bdil ta` RJ70s immaturat ruħha matul l-1997.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 6646, jista' l-Ministru jinformani fuq liema kriterji huwa qed ikompli fuq l-istess prattika li sab għar-rigward tad-daqs tal-gaġġeġ/batteriji qabel il-5 ta' Settembru 1999?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li skond informazzjoni li għandi il-gaġġeġ kollha tat-tiġieġ f' Malta u Għawdex ġew kollha mpurtati mill-Ingilterra jew l-Olanda jew mill-Ġermanja. Dawn huma kollha pajjiżi fl-Unjoni Ewropeja u jaddottaw kriterji u direttivi ta'l-istess Unjoni.
Malta la kellha u lanqas għandha kriteriji tagħha speċifiċi għar-rigward tad-daqs tal-gaġġeġ/batteriji tat-tiġieġ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6646, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bir-regolamenti attwali ta' l-UE għal din l-industrija u ċioe' jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba tingħata aktar tard wara li tinġabar mid-dokumenti ta'l-UE.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li rreġistraw għas-sussidju fuq is-sigurta' soċjali skond is-sejħa riċenti tad-dipartimenti konċernati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perjodu ta' reġistrazzjoni ġie estiż sal-14 ta' Mejju 1999, għaldaqstant mhux possibli nkunu nafu kemm kien in-numru totali ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li rreġistraw għas-sussidju qabel ma jinġabru l-applikazzjonijiet kollha.
B'referenza għar-rapport li qed jintbagħat separatament ma' din il-mistoqsija parlamentari, jista' l-Ministru jinformani jekk id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għamilx kuntatt sabiex jiġbor l-informazzjoni li forsi tista' tkun utli ħafna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prodott imsemmi 'Feiligao' huwa wieħed mill-ħafna fertilizers, pestiċidi etċ., ġodda li jidhru fis-suq internazzjonali minn żmien għal żmien li jagħtuk x'tifhem li jagħmlu l-'mirakli'. Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ser jipprova jakwista 'sample' sabiex jiġi pprovat flimkien ma prodotti oħra.
Peress li kienet tnadfet area f'Wied Inċita ħalli d-Dipartiment ikun jista' jaħżen il-ħamrija sabiex wara jqassamha lill-bdiewa, jista' l-Ministru jinformani jekk baqgħetx tiġi prattikata din is-sistema? Jekk iva, min huma l-uffiċjali responsabbli? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sistema ta' tqassim ta' ħamrija minn Wied Inċita baqgħet tiġi pprattikata mill-uffiċċjal il-ġdid inkarigat b'responsabbilta ta' Wied Inċita u kif ukoll tat-tqassim tal-ħamrija. Dan l-uffiċjal huwa s-Senior Agricultural Foreman, is-sur Emmanuel Micallef. Mindu ġie nkarrigat minn din ir-responsabbilta f'Diċembru li għadda tqassmu 3,423 metri kubi ta' ħamrija lill-bdiewa f'diversi lokalitajiet.
Jista' l-Ministru jinformani bil-policy attwali ta' l-istreet hawkers? Kemm hemm talbiet pendenti? Kemm huwa n-numru ta' street hawkers reġistrati f'pajjiżna? Kemm minnhom huma fixed hawkers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li wara li ssir talba għall-liċenzja ta' street hawker fl-uffiċċju tal-liċenzji fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, tintalab clearance mid-dipartiment konċernat skond il-ġeneru ta' l-oġġetti li jkun ser jinbiegħu.
Ninsab infurmat ukoll illi hemm 17-il applikazzjoni għall-street hawker pendenti, filwaqt li hawn reġistrati 1,670. Barra minn dawn hemm ukoll 132 liċenzjati bħala fixed hawkers. Inġibditli l-attenzjoni illi meta kienet qed tinġabar l-istatistika għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5277 mid-diversi uffiċini tal-Pulizija, bi svista, kien hemm min interpreta dik il-Mistoqsija bħala numru ta' liċenzji ġodda għal dik is-sena, għalhekk tirriżulta diskrepanza fin-numru globali ta' liċenzji ta' street hawkers bejn kif mogħtija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5277 u dik mogħtija llum.
19.05.99 (a.m.)
Peress li ħafna persuni ilhom xhur u anke kważi snin jistennew sabiex jingħataw appuntamenti meħtieġa sabiex jitkompla l-każ tagħhom fl-Isptar San Luqa, jista l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mmedjatament? Każ partikolari ta' din is-sitwazzjoni qed jintbagħat separatament.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor Interpellant jindikali x'tip ta' servizz qed tistenna l-persuna msemmija peress li mill-medical file tal-pazjenta l-allegazjoni tal-Onor. Interpellant ma tiriżultax.
B'riferenza għas-somma li kien ivvota l-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex is-sezzjoni Urban and Rural Landscaping tagħmel ix-xogħlijiet fuq il-ġnien rikreattiv fl-inħawi tan-Nigret, ir-Rabat, Malta, jista' l-Ministru jinformani jekk il-Kunsill tar-Rabat għadux jiggarrantixxi l-istess somma lid-dipartiment illum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma saru l-ebda talbiet mill-Kunsill Lokali tar-Rabat lill-Urban & Rural Landscaping biex isiru xogħolijiet inkonnessjoni ma ġonna rikreattivi fl-inħawi tan-Nigret. Għaldaqstant m'aħniex f'posizzjoni li nagħtu nformazzjoni dwar x'bi ħsiebu jagħmel bil-fondi il-Kunsill Lokali tar-Rabat.