Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7416 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn hi d-differenza ta' 16% jew 45% żieda għall-bdiewa meta fuq il-kwantita' ta' 471 tunnellata bikrija kull prezz finali ta' 30.65 Guilder u għat-3,000 tunnellata bikrija Alpha kellu l-prezz minimu garantit u mhux finali ta' 30.60 Guilder fuq il-kwantita' kollha?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma natiħx tort lill-Onor. Interpellant li jinħasad u donnu għadu ma jridx jemmen li d-differenza hi dik li hi. Infatti bi ftit eżerċizzju ħafif wieħed malajr jikkonferma li: 1.il-prezz medju miftiehem mal-importatur kien ta' NLG30.75 filwaqt dak tal-Alpha huwa NLG26.50 - id-differenza tirriżulta ta' iktar minn 16%; u 2. ħlas mogħti din is-sena lill-bdiewa għas-Sante' jisboq b' Lm4.39 dak medju li ngħata lill-bdiewa sentejn ilu għall-istess varjeta - dan ifisser differenza ta' mhux inqas minn 45%.
Leg 9 PQ #7417 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata Sante

Question

Jista' l-Ministru jinformani għaliex innegozja prezz finali (outright purchase) għall-patata tal-varjeta' Sante fuq il-kwantita' kollha ta' 600 tunnellata u ċioe' li minnhom ġiet esportata 471 tunnellata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jidhirli li sa kemm il-prezz fiss (outright purchase) ikun wieħed tajjeb, ma nħossx li wieħed għandu jissogra jaċċetta prezz minimu garantit iktar baxx bl-isperanza li forsi jinkiseb overprice. Dan kollu jagħmel iktar sens meta wieħed jifli bir-reqqa l-aħħar kuntratt għall-esportazzjoni tal-patata ta' Malta li jkopri mill-1999 sa l-2001 fejn wieħed ma jistax ma jinnotax b'dispjaċir kemm dan il-ftehim huwa ta' skoraġġiment għal dawk li jkabbru dan il-prodott għas-safar. Fost il-fatti li l-iktar jispikkaw insibu: 1. Il-ħlas miseru ta' NLG16 kull xkora ta' 25 Kgs, li jfisser madwar Lm9.50 Kull qantar imwassla fl-imħażen tan-negozjant; 2. il-kontroll impost mill-istess negozjanti Olandiżi fuq il-produzzjoni billi mponew importazzjoni massima ta' 800 tunellata patata taż-żriegħ Alpha, li tfisser 200 tunellata fis-sena inqas mis-soltu u; 3. Iż-żieda bla rażan fir-rati għoljien li n-negozjant inaqqas mill-ħlas tal-patata, għall-ispejjes li jagħmel. Għaldaqstant bir-raġun kollu wieħed jifhem li huma ftit dawk li jemmnu li kif inhu dan il-ftehim jista jħalli spazju għal xi 'overprice'.
Leg 9 PQ #7404 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata sante

Question

Peress li l-Ministru semma li qed jinnegozja prezz ma' munita' aktar stabbli mill-Guilder Olandiż, jista' l-Ministru jinformani x'arranġamenti għamel jew laħaq sabiex is-600 tunnellata sante jkollhom rata stabbli aktar mill-kwantita' ta' 6000 tunnellata tal-kuntratt il-ġdid? Fil-fatt, dawn kienu l-istess arranġamenti jew le? Jekk kienu l-istess arranġamenti, jista' jagħti r-raġunijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

It-taħdidiet dwar il-possibilita ta' reviżjoni tal-kuntratt eżistenti dwar l-esportazzjoni tal-patata ta' Malta bdew xi żmien ilu iżda sabiex dan issir jinħtieġ il-kunses taż-żewġ partijiet u għaldaqstant mhux mistennija żviluppi mill-lum għall-għada. Nixtieq nikkonferma li fost il-punti li qegħdin jiġu eżaminati hemm il-problema tal-munita barranija fejn qiegħed jiġi kkonsidrat xi forma ta' 'hedging' jew l-użu ta' munita iktar stabbli mill-'Guilder Olandiż'. Fiċ-ċirkustanzi preżenti, nħoss li jkun fl-aħjar interss tal-bdiewa Maltin li tinżamm il-prudenza kif jitlob inegozju. Fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultati miksuba din is-sena jitkellmu waħedhom għaliex dawn ma jinkisbux bil-paroli li ma jagħmlux sens.
Leg 9 PQ #7405 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Rivista "Outlook"

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew flus l-artikli fil-ħarġiet tar-Rivista Outlook li għamel il-Ministeru u/jew id-dipartimenti/awtoritajiet u kumpanniji bħal Malta Drydocks u Freeport li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Kemm saru diġa' artikli u kemm hu mistenni li jsiru aktar sa Diċembru ta' din is-sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Rigward artikli futuri fir-rivista, tajjeb jingħad li l-ebda dipartiment jew ażjenda li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħi ma hija obbligata li tippubblika xi artiklu jew artikli.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Rivista "Outlook"

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew flus l-artikli fil-ħarġiet tar-rivista "Outlook" li għamel il-Ministeru jew l-Awtorita' Marittima? Kemm saru artikli diġa' u kemm hu mistenni li jsiru fl-affermattiv?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` Marittima nefqet total ta` Lm2,400 f`sitt artikli fil-ħarġa tar-rivista `Outlook Europe`. S`issa ġew ippubblikati erba` (4) artikli u għad iridu jiġu ppubblikati tnejn (2) oħra.
Leg 9 PQ #7407 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Rivista "Outlook"

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm swew flus l-artikli fil-ħarġiet diversi tar-rivista "Outlook" li għamel il-Ministeru u/jew dipartimenti, awtoritajiet u kumpanniji parastatali li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru tiegħu? Kemm saru artikli fil-fatt u kemm hu mistenni li jsiru aktar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fi ħdan il-Ministeru għall-Ħarsien ta' l-Ambjent se jipproduċi disa' artikli fir-rivista "Outlook". Sitta minn dawn se jiswew Lm400. kull waħda, filwaqt li tlieta se jkunu bla ħlas. Żewġ artikli ġew diġa' ppublikati.
Leg 9 PQ #7408 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru tal-Biedja u Sajd — Rivista "Outlook"

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm swew flus l-artiklu jew artikli fil-ħarġa/ħarġiet tar-rivista "Outlook"? Kemm saru artikli u kemm mistennija li jsiru aktar matul din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-artiklu li deher fil-ħarġa ta' Mejju tar-rivista, 'Outlook Europe', li jismu 'Turning a new Leaf'. Dan kien artiklu li sar bi prova u li kien jittratta dwar ir-riformi u t-titjib li qed jitfasslu fis-sistema ta' l-operat tal-Pitkalija. Sa issa, għadhom ma tħallsux flus lil kampanja 'Outlook' u l-ispejjeż li saru kienu jinvolvu biss il-kitba ta' l-artiklu u l-provvista tar-ritratti. Huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika dawn l-ispejjeż, peress li x-xogħol kollu sar minn uffiċjal tal-Gvern waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom. Ma jidhirx li hemm il-ħsieb li jsiru artikli oħrajn, barra minn dak il-wieħed li diġa semmejt.
Leg 9 PQ #7409 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata Alpha

Question

Jista' l-Ministru jinformani jekk huwiex veru li l-gvern preċedenti Laburista nnegozja l-ewwel 3000 tunnellata patata Alpha bikrija għall-prezz minimu garantit ta' 30.60 Guilder, jiġifieri medja ta' Lm17.70 ċenteżmu u l-Ministru nnegozja prezz finali ta' 30.65 Guilder jiġifieri medja ta' Lm17.75 ċenteżmu-il qantar? Jista' l-Ministru jinformani jekk huwiex minħabba fi prezz finali ta' Lm17.73-il qantar il-bdiewa ġew imċaħda milli jġibu prezz għola fil-470 tunnellata bikrija?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Alpha u s-Sante' igawdu minn suq separat u għaldaqstant jirrikjedu strateġija tal-marketing separata. Il-bidwi għandu jgawdi minn din l-istrateġija bla ma jitnaqqasslu l-prezzsa biex jinħeba xi fjask bhal dak tal-esportazzjoni tal-ħaxix fil każ magħruf, u ammess bis-silenzju tiegħu stess, tat-Lm13,500 misruqa minghand il-bdiewa, li ġara meta l-Onor. Interpellant kien Ministru.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-pjan tal-gvern sabiex isib impjiegi għall-ħaddiema li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom aktar minn 48 sena? Kemm fil-fatt ġew impjegati ħaddiema ta' din l-eta' mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hi konxja mid-diffikultajiet li nies ta' ċerta eta' ikollhom biex isibu mpieg. Għaldaqstant, għal dawn, kif ukoll għal kategoriji oħra ta' nies bi bżonnijiet partikolari, hija tipprova tgħinhom b'mod aktar personaliżżat. Biex tkompli ssaħħaħ dan il-għan l-ETC qed toffri wkoll l-iskema "Employment Training Placement Scheme (ETPS)" fejn tissussidja l-perjodu ta' taħriġ tal-bidu li dawn ir-reġistranti jkollhom bżonn. Matul il-perjodu li jkunu qed jirreġistraw, nies ta' ċerta eta', bħal oħrajn, jkunu wkoll jistgħu jiparteċipaw fl-iskema ta' xogħol fil-komunita'. Ta min isemmi wkoll li teżisti skema oħra fejn employers li jingaġġaw ħaddiema ta' l-fuq minn erbgħin sena (40), wara li jkunu ilhom jirreġistraw għal perjodu stabbilit, dawn jingħataw "rebate" fuq il-kontribuzzjoni tas-Sigurta Soċjali. Sadanittant il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabet mpieg għal tnejn u għoxrin (22) persuna li għandhom eta' ta' l-fuq minn 48 sena bejn il-5 ta' Settembru u l-aħħar t'April 1999. 2.6.99
Leg 9 PQ #7269 Sitting 113 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Baħrija — Drenaġġ

Question

B'riferenza għal xogħlijiet li kellhom isiru sabiex jiġi estiż id-drenaġġ tal-Baħrija limiti tar-Rabat, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi? Meta fil-fatt se jibdew ix-xogħlijiet, kemm se jieħdu żmien dawn ix-xogħlijiet u kemm hija kkalkolata n-nefqa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ fil-preżent qiegħed jikkonsidra tlett (3) possibiltajiet għall-iskema tad-drenaġġ fil-Baħrija. L-ewwel proposta hi li jinbena impjant tad-drenaġġ żgħir għall-Baħrija biss. It-tieni proposta hi li s-sistema tad-drenaġġ tal-Baħrija tiġi mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ ta' l-Imġarr. It-tielet proposta hi li s-sistema tad-drenaġġ tal-Baħrija tiġi mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ tar-Rabat. It-tieni u t-tielet proposti jinkludu l-bini ta' 'pumping stations' kif ukoll 'pressure' u 'gravity' mains.
Leg 9 PQ #7271 Sitting 113 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Banek — Persuni għomja

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li fejn ikun il-każ meta persuna nieqsa mid-dawl jew għamja tingħata l-informazzjoni kunfidenzjali tagħha mill-banek lokali, din l-informazzjoni tkun jew bil-braille jew fuq PC u/jew b'tip mkabbra skond il-bżonn partikolari ta' l-individwi u d-diżabilita' tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li diġa jeżistu servizz fid-Direct Banking tal-Mid-Med Bank fejn il-klijent jista` jisma informazzjoni rigward bilanċ u entrati fil-kont tiegħu. Barra minn hekk permezz ta` leħnu, persuna nieqsa mid-dawl tista` iċċaqlaq fondi, tħallas kontijiet u Credit Cards, jordna flus barranin u stationery. F`ċertu ħinijiet matul il-jum dawn il-persuni jistgħu ukoll jingħataw informazzjoni u assistenza bil-leħen minn skrivani li qegħdin hemm apposta għal dan il-għan.
Leg 9 PQ #7290 Sitting 113 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

KIM — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru u l-KIM mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'kienu l-pariri u s-suġġerimenti li saru u xi żviluppi kien hemm?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn saru tlett laqgħat bejn il-Ministeru u L-KIM. Id-dati ta' dawn il-laqgħat li nżammu kollha fil-Ministeru, saru fil-25 ta' Frar, Fit-18 ta' Marzu u fl-1 ta' April, 1999. Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi suġġetti u materiji ta' interess għall-istess Koperattiva. Kif ikun hemm riżultati konkreti, ovjament mingħajr supposizzjonijiet, dawn jiġu ppublikati.
Leg 9 PQ #7255 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

KPH — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-KPH u l-Ministeru mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti li saru laqgħa, laqgħa u xi żviluppi ġew reġistrati? X'hemm pendenti u meta se jitkomplew l-laqgħat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Bejn il-5 ta' Settembru l-hawn saru 4 laqgħat formali bejn il-KPH u l-Ministeru tal-Agrikoltura u Sajd. Dawn saru fis-27 ta' Ottubru 1998, 13 ta' Novembru, 1998, 19 ta' Novembru 1998 u fis-16 ta' Mejju 1999. Barra minn dawn saru ħafna aktar laqghat mhux formali. Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi suġġetti u materji ta' interess għall-istess Koperattiva. Kif ikun hemm riżultati konkreti, ovjament mingħajr supposizzjonijiet, dawn jiġu ppublikati.
Leg 9 PQ #7256 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Hatcheries/Processors — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn mal-hatcheries u l-processors tat-tiġieġ? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti li saru laqgħa, laqgħa u xi żviluppi kien hemm? Meta jmiss li jerġgħu jsiru xi laqgħat oħra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Sa issa għada ma saret l-ebda laqgħa formali ma assoċjazzjoni li tirrapreżenta b'mod uffiċċjali lill-hatcheries u l-proċessuri tat-tiġieġ.
Leg 9 PQ #7257 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

FOI — Laqgħat mal-Ministeru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru u l-FOI sabiex tiġi diskussa l-azzjoni tal-FOI fuq il-laħam taċ-ċanga tal-BIS minn Jannar 'l hawn? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti tal-Ministeru f'dawn il-laqgħat? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti tal-FOI f'dawn il-laqgħat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kien hemm żewġ laqghat mal-FOI, dawn kienu fit-18 ta' Frar 1999 u 25 ta' Marzu 1999. Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi diversi suġġetti u materji ta' interess għall-istess korp kostitwit. Kif ikun hemm riżultati konkreti, ovjament mingħajr supposizzjonijiet, dawn jiġu ppublikati.
Leg 9 PQ #7258 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

FOI — Ċanga friska

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru u l-FOI sabiex tiġi rimedjata l-azzjoni tal-FOI fuq il-laħam taċ-ċanga friska pproċessat lokalment? X'kienu l-punti u s-suġġerimenti tal-Ministeru għal soluzzjoni f'dawn il-laqgħat?

Response (BONNICI, JOSEF)

Inżammet diversi laqgħat bejn il-Ministeru u l-Federazzjoni ta` l-Industriji dwar il-materja li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. Matul dawn il-laqgħat sar bdil ta` opinjonijiet dwar il-materja u fil-preżent qed jiġi evalwat x`effett jista` jkollhom il-proposti magħmula.
Leg 9 PQ #7259 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

FAO — Ftehim

Question

B'riferenza għall-għajnuna li qed tibgħat l-FAO għall-Malta sabiex jitkompla l-ftehim li kien sar bejn il-FAO u l-Gvern Laburista preċedenti għall-ġid tal-biedja, jista' l-Ministru jinformani min kienu l-esperti dinjija tal-biedja li ġew Malta mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'kienet il-missjoni tagħhom u x'follow-up qed issir?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-esperti tal-FAO li ġew Malta kienu Dr. Thomas Lonc, Dr. R Roberts u Dr. P Munro Faure. L-esperti tal-FAO kellhom diskussjonijiet dwar rapporti li tlestew minn diversi konsulenti Maltin fid-dawl tar-riattivazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' Malta għall-Unjoni Ewropeja.
Leg 9 PQ #7260 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agri Ecological Survey — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tax-xogħol li sar bħala kontinwazzjoni tal-Agri Ecological Survey? X'apparat inxtara sabiex jitħaffef ix-xogħol? Kemm inġiebu tekniċi sabiex il-proċess jimxi aħjar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Is-sezzjoni tal-Kimika Agrarja qiegħda taħdem mal-MITTS sabiex jiġi finaliżżat il-programm tad-'data base' sabiex dan jgħin f'dan l-istħarriġ Agro Ekoloġiku. L-apparat tal-laboratorju meħtieġ bħal 'fume cabinet' qiegħed jinxtara u oħrajn bħal tal-Analisi Kimika tal-ħamrija sa jinxtara' iktar tard. Matul it-tlett xhur tas-sajf is-Sezzjoni tal-Kimika Agrarja se jkollha magħħa żewġ studenti, wieħed mill-Universita' ta' Brighton, u l-ieħor mill-Universita' ta' Malta, biex jigħinu f'dak li hu 'field survey' u 'data analysis' tal-proġett. Barra minn hekk, iż-żewġ studenti li s'issa kienu qed isegwu l-kors ta' diploma ġewwa l-Istitut ta' l-Agrikoltura fl-Universita' ta' Malta, issa se jagħtu sehmhom ukoll f'dan l-istħarriġ.

Persuni b'diżabilita'

Question

Bil-għan li jissaħħaħ u jitwettaq il-prinċipju li persuni b'diżabilita' jintegraw fid-dinja tax-xogħol fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jintroduċi skema ġdida maħsuba sabiex itaffi ftit mill-ispejjeż li jirrikjedu l-azjendi privati sabiex jinvestu u jipprovdu l-aċċessibilita' neċessarja sabiex jikkreaw ftit xogħol lill-persuni b'diżabilita'? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Il-Ministeru għall-Politika Soċjali, l-aktar permezz tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u l-Korporazzjoni tal-Impjiegi u t-Taħriġ hu konxju mill-bżonn kbir li l-persuni b'diżabilita' jipparteċipaw aktar fid-dinja tax-xogħol. Għal dan il-għan, saru dawn it-tlett inizjattivi: (a) fl-1969, il-Gvern ta' dak iż-żmien għadda l-Liġi tal-Impieg (Persuni b'Diżabilita') li fost l-oħrajn tesiġi li 2 fil-mija ta' dawk li jaħdmu jridu jkunu reġistrati bħala persuni b'diżabilita'. Sfortunatament, din il-liġi ftit li xejn ġiet infurzata mill-amministrazzjonijiet kollha; (b) fl-1995, il Kummissjoni ħarġet il-politika nazzjonali dwar dan il-qasam. Dan id-dokument iservi ta' gwida ta' x'għandu jsir f'dan il-qasam; (c) fl-1995 ukoll, il-Korporazzjoni tal-ETC ħadet ir-responsabilita' ta' dan il-qasam u waqqfet unit żgħira biex tieħu ħsieb l-impjieg ta' persuni b'diżabilita'. Din il-unit għandha żewġ skemi biex tgħin persuni b'diżabilita' jidħlu fid-dinja tax-xogħol li kellhom riżultat raġonevolment tajjeb. Dawn l-iskemi ġieli inkludew għajnuna biex l-min iħaddem jingħata assistenza anke finanzjarja biex jirrendi l-post tax-xogħol aċċessibbli. 2. M'hemmx dubju li l-Liġi "Opportunitajiet Indaqs", ser tgħin ukoll biex jintlaħaq dan il-għan. 3. Madankollu hi l-opinjoni tal-Ministeru tiegħi li l-akbar ostakolu biex aktar persuni b'diżabilita' jidħlu fid-dinja tax-xogħol hi l-attitudni in ġenerali tal-pajjiż li għadha tħares lejn il-persuni b'diżabilita' bħala persuni mhux kapaċi u għalhekk hi aktar lesta li toffrielhom penzjoni jew xi forma ta' karita' milli lesta li toffri forom aktar immaġinattivi ta' sapport biex dawn ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-Ministeru tiegħu ta' l-inkarigu lill-Korporazzjoni tal-Impiegi u t-Taħriġ biex b'konsultazzjoni mal-KNPD u Organiżżazzjonijiet oħra tal-persuni b'diżabilita' jħejju pjan għal dan il-għan. Jiena infurmat li diġa bdew diskussjonijiet f'dan is-sens. 31.5.99
Leg 9 PQ #7250 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Ġarr ta' patata

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu t-tenders għall-ġarr bil-container tal-patata mill-packing station f'Ta' Qali għall-port? Xi prezz qed jinżamm, min hija l-kumpannija responsabbli mill-ġarr u kemm kien in-numru ta' kumpanniji li kkwotaw għall dawn it-tenders?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant kien imissu jaf li d-Dipartiment tal-Agrikoltura dejjem inkariga kumpaniji tal-vapuri biex iġorr il-patata ta' Malta lejn l-Olanda fuq bażi 'C & F delivered door to door' li jfisser servizz li jinkludi t-trasport, kemm lokali kif ukoll fl-Olanda.