Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Għalqa ta' Kola

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet tiegħi preċedenti dwar is-sitwazzjoni ta' l-għalqa ta' Kola fir-Rabat, Malta sabiex jintervjeni ħalli l-Kunsill Lokali tar-Rabat jew il-Gvern Ċentrali jagħti kisja tarmak f'din il-parti tar-Rabat, Malta, peress li r-residenti u l-eluf kbar ta' turisti li jaslu f'din il-parti ħalli jibdew iż-żjara tagħhom fl-Imdina, lil Villa Rumana, eċċ kollha jilmentaw dwar l-istat degradanti ta' din l-area, jista' l-Ministru jawtorizza x-xogħlijiet għall-benefiċċju tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru mhux kompetenti li jaghti l-awtorizazzjoni msemmija minnu.
Leg 9 PQ #7910 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Għaqdiet sportivi — Biljetti tal-lotterija

Question

Peress li skond l-Avviż Legali li jittratta r-regoli tal-lotteriji li jorganizzaw l-għaqdiet sportivi volontarji, eċċ dawn iridu jħallsu 25% taxxi tal-premju tal-lotterija, jista' l-Ministru jirrimedja b'regoli ġodda u ċioe' jeżenta dan il-piż ta' taxxi fuq l-għaqdiet sportivi, soċjali, eċċ?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond paragrafu (2) ta` Sezzjoni 11 ta` l-Ordinanza tal-Lottu ġa hemm provdut li l-entitajiet imsemmija f`din l-interpellanza jistgħu jiġu eżentati mill-ħlas tat-taxxa dovuta.
Leg 9 PQ #7911 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Għaqdet sprotivi — Biljetti tal-lotterija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' għaqdiet sportivi, soċjali, eċċ li applikaw u ħallsu 25% taxxa fuq il-premju tal-lotterija li organizzaw matul Settembru, 1998 u Mejju, 1999?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bejn Settembru, 1998 u Mejju 1999 kienu 26 l-għaqdiet sportivi, soċjali, eċċ li applikaw u ħallsu 25% taxxa fuq il-premju tal-Lotterija li organizzaw.
Leg 9 PQ #7912 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Basal — Esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie esportat basal matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Xi provi ta' varjeta' qed isiru sabiex tissaħħaħ din l-esportazzjoni? X'kien il-prezz medju tal-basal lokali meta saret l-esportazzjoni ta' dan il-prodott?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li talab qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7914 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet storiċi

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet preċedenti tiegħi sabiex ikun ikkonsidrat li l-mużewijiet storiċi jibdew jinfetħu fil-għaxija, jista' l-Ministru jinformani bil-konsultazzjonijiet li saru s'issa dwar dan il-ħsieb?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ma laħaqx intbagħat mid-Dipartiment konċernat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #7915 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Talbiet għal head quarters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' federazzjonijiet, għaqdiet nazzjonali, soċjali, eċċ li fil-mument qed jitolbu lid-Dipartiment ta' l-Artijiet sabiex jiġu pprovduti b'faċilitajiet ta' head quarters, eċċ tagħhom? Meta hu mistenni li jiġu onorati dawn it-talbiet sabiex l-għaqdiet rispettivi jkomplu bil-ħidma volontarja tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba. Ninsab infurmat ukoll li talbiet mill-għaqdiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant jiġu mistħarrġa mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u, fejn hu possibli, jiġu milqugħa.
Leg 9 PQ #7916 Sitting 126 1999-06-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Irziezet tat-tjur — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet xahar b'xahar fl-irziezet tat-tjur u l-annimali, eċċ mill-5 ta' Settembru 'il hawn sabiex jinżammu l-livelli aċċettabbli? X'riżultati nkisbu u x'rakkomandazzjonijiet saru kemm mill-produtturi u viċi versa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li talab qiegħda tinġabar u risposta tingħata f' xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7621 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Hatcheries/processors tal-Poultry — Rappreżentanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ltaqax ma' rappreżentanti tal-Hatcheries/processors tal-Poultry mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? X'punti tressqu permezz ta' korrispondenza lill-Ministeru mir-rappreżentanti tal-Hatcheries u processors matul l-istess perijodu? X'konsiderazzjoni saret mill-Ministeru dwar din il-korrispondenza?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-artiklu li deher f' paġina 9 ta' The Times tat-3 ta' Gunju 1999, f' liema artiklu għandu jsib ir-risposta għal dak li qed jitlob.
Leg 9 PQ #7622 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-KIM u l-Ministeru dwar l-impatt ta' sħubija ta' Malta fl-UE fuq din l-industrija? Kif ġie stabbilit li bil-prezzijiet medji ta' l-UE ta' 60 ċenteżmu kull kilo, il-produtturi jmorru aħjar meta llum iġibu aktar minn 80 ċenteżmu kull kilo? X'kalkoli xjentifiċi saru u jista' l-Ministru jpoġġi dawn il-kalkoli fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kelli erbgħa laqgħat formali mal-Koperattiva ta' min Irabbi l-Majjali (KIM) mill-5 ta' Settembru 'l hawn, kif ukoll diversi okkazjonijiet fejn saru laqgħat informali skond in-neċesita tal-ġurnata. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, donnu li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għad-dikjarazzjoni magħmula mid-diriġenza tal-KIM li kienet tgħid li jemmnu li bi sħubija fl-Unjoni Ewropea l-industrija tal-majjal għanda tissaħħaħ u tmur għall-aħjar. L-Onor. Interpellant jiftakar li kien il-ħafna kliem fieraħ minn naħa tiegħu dwar esportazzjoni ta'majjal li riżulta f' 'over production' peress li r-raħħala ġew mogħtija x'jifhmu li kienet ser tinfetaħ l-istess esportazzjoni. Ir-raħħala kollha li jiffurmaw il-KIM jafu dan kollu w jafu wkoll li minn ħafna propaganda vojta u bla sugu ta' l-istess Interpellant ġew esportati biss madwar 40 majjal.
Leg 9 PQ #7623 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċanga friska

Question

Peress li numru ta' ħwienet tal-laħam li jixtru ċanga friska niżel minn 373 f'Dicembru 1998 għal 247 f'Mejju, 1999, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex ġara dan?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ammont ta' bejgħ ta' ċanga minn xahar għal xahar, kif ukoll in-numri ta' drabi li ħwienet jixtru ċ-ċanga huma determinati mill-forzi tas-suq kif ukoll minn fatturi oħra li jaffettwaw il-konsum bħal żmienijiet tal-Milied u żmien ir-Randan u l-Gimgħa Mqaddsa.

Djar — Mtarfa - Ħsarat fi djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' residenti fl-Imtarfa li ressqu talbiet quddiem l-Awtorita' tad-Djar dwar ħsarat li żviluppaw fi djar, appartamenti, maisonettes, eċċ tagħhom matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm minnhom ġew trattati? Kemm minnhom ġew irtirati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma' kull kuntratt ta' bejgħ li jsir, kull benefiċjarju għandu ċ-ċans, fil-preżenza ta' uffiċjali ta' l-Awtorita' tad-Djar biex jagħmel l-ilmenti tiegħu fuq il-post li jkun ingħata. Il-kuntrattur imbagħad jikkuntattja lill-benefiċjarju sabiex jagħmel ix-xogħol meħtieġ. L-aħħar ħlas lill-kuntrattur ma jsirx qabel ma l-Awtorita' tad-Djar ikollha l-konferma mill-benefiċjarji li huma sodisfatti bix-xogħol kollu. F'każ ta' difetti strutturali, il-kuntrattur kif ukoll il-perit li ħa ħsieb ix-xogħol, jibqgħu responsabbli għall-istruttura għal perjodu preskritt skond il-liġi u għandhom l-obbliju li jaraw li jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Kien hemm każi fejn il-benefiċjarji rrapportaw xi ħsarat anke wara li kien għadda żmien sostanzjali minn meta ħadu l-post. Madanakollu l-Awtorita' tad-Djar dejjem ħadet passi, diment li l-każ kien ġenwin, biex il-problemi li jinqalgħu jiġu solvuti għas-sodisfazzjon ta' kulħadd. Fil-każ li ma jsirx ftehim mal-kuntrattur u x-xogħol ma jirriżultax sodisfaċenti, l-Awtorita' tad-Djar tieħu passi legali biex tissolva l-problema. 15.6.99
Leg 9 PQ #7625 Sitting 122 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċanga friska

Question

Peress li l-bejgħ taċ-ċanga friska lill-ħwienet tal-laħam niżel minn 39212 kilos f'Diċembru, 1998 għal 24788 kilos f'Mejju, 1999, jista' l-Ministru jgħid kif oriġina dan it-tnaqqs fil-bejgħ ta' dan il-prodott?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda Parlamentari numru 7623.
Leg 9 PQ #7615 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Rabat — Nigret - Ilma tat-tisqija

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li bdiewa, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, fl-inħawi tan-Nigret, ir-Rabat qed jinqatgħalhom l-ilma tat-tisqija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Wara nvestigazzjoni li saret minn uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jirriżulta li l-bdiewa ndikati qegħdin jalleggaw li naqsilhom l-ilma fl-ispejjer tagħhom minħabba li qiegħed jinġarr ilma bil-bowżers mill-Pumping Station ta' Ħad-Dingli. Meta ġew ikkuntatjati uffiċjali tal-Korporazzjoni tas-Servizzi ta' l-Ilma ddikjaraw li l-ammont ta' ilma li qiegħed jinġarr kulljum huwa ta' 160 metru kubu kulljum skond ftehim li kien sar xi tlett snin ilu. Probabilment in-nuqqas ta' ilma fl-ispejjer tal-bdiewa huwa riżultat ta' nuqqas ta' xita u ta' staġun twil ta' tisqija minħabba li x-xita qatgħet kmieni.
Leg 9 PQ #7616 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijet għal żvilupp ta' serer

Question

Jista' l-Ministru jinformani x'follow up sar mill-awtorita' ta' l-ippjanar dwar rapport li kien tressaq mill-amministrazzjoni preċedenti ħalli jonqsu l-inkonvenjent u l-burokrazija f'applikazzjonijiet li jressqu l-bdiewa għal żvilupp ta' serer, agriculture stores, ġwiebi, eċċ?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1933, ninsab infurmat li uffiċjali tal-Awtorita` ta' l-Ippjanar regolarment ikollhom diversi laqgħat ma' uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar diversi aspetti li jolqtu din l-industrija importanti. Dawn il-laqgħat għadhom isiru sal-ġurnata tal-lum.
Leg 9 PQ #7617 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri li weġġgħu fuq ix-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li weġġgħu waqt il-ħin tax-xogħol? Kemm minnhom ġew rikoverati l-isptar u fi djar privati tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perijodu li dwaru qed jitlob din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #7618 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri fuq sick leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li rrapportaw sick minn Jannar 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u t-8 ta' Ġunju, 1999, in-numru ta' pulizija li rrapurtaw sick kien ta' 1,746.

Persuni b'diżabilita' — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' talbiet li tressqu minn persuni b'diżabilita' sabiex jiġu eżentati minn dazju/levy, eċċ fuq karozzi li dawn il-persuni jirrikjedu sabiex jintegraw aktar fil-ħajja ta' kuljum minn Jannar 'il hawn? Kemm minnhom ġew milqugħa u kemm-il każ qed jiġi konsidrat fil-mument u kemm-il każ ġie rifjutat s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuni b'diżabilita' jew il-familji tagħhom huma intitolati għall-eżenzjoni mit-taxxa tar-reġistrazzjoni, totali jew parzjali, biex jixtru karozza ġdida taħt ċertu kundizzjonijiet, il-proċedura użata hi li l-persuna a) tapplika għand il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', b) tiġi riferuta lill-Occupational Health Unit tat-Taqsima tas-Saħħa u c) jekk jikkwalifikaw issir rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Ministeru tal-Finanzi. Minn Jannar 1999 sat-8 ta' Gunju 1999 kien hemm: Nru. ta' talbiet li tressqu: 74 Nru. ta' rakkomandazzjonijiet (talbiet milqugħa): 36 Nru. ta' applikazzjonijiet li qed jiġu kkunsidrati: 30 (jiġifieri jew qegħdin jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni, jew mill-Occupational Health Unit jew mill-Ministeru tal- Finanzi) Nru. ta' każijiet li ġew rifjutati: 6 Nru. ta' applikazzjonijiet irtirati: 2 15.6.99
Leg 9 PQ #7620 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Urban Rural Landscaping

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-proġetti li qed jissokta bihom l-Urban & Rural Landscaping Unit tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-'Urban & Rural Lanscaping Unit' tad-Dipartiment tal-Agrikoltura qed jissokta bir-riabilitazzjoni tal-Ġnien tal-Mistrieħ - Msida Bastion il-Furjana bi sħab ma Din l-Art Ħelwa u l-Kummissjoni Għolja Indjana f'Malta u bil-proġett tat-tħawwil ta' siġar f' Għar Lapsi bi sħab ma l-'International Tree Foundation (Malta)'.
Leg 9 PQ #7432 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Kaptana/Pilot officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' kaptana/pilot officers ta' l-Air Malta fil-mument? Kemm minn dawn joperaw fuq xogħlijiet ta' kuntratti li għandha l-linja ta' l-ajru nazzjonali ma' pajjiżi oħra barranin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżenti l-Air Malta tħaddem 90 Kaptan u 82 First Officer. Minn dawn 11-il Kaptan u 5 First Officers huma sekondati ma' l-Air Holland u ma' l-Azzurra Air.
Leg 9 PQ #7482 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Persuni neqsin mid-dawl — Faċilita' ta' ATM's

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7248 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' peress li fil-gżejjer tagħna l-ATM's mhumiex aċċessibbli għall-persuni għomja, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-gvern jagħmel talba sabiex għall-futur dawn ikunu mgħammra b'apparat ta' speech synthesis sabiex il-persuni għomja jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-banek dejjem lesti li jikkunsidraw dawn il-faċilitajiet ġodda kif u meta jidħlu fis-suq. L-utilizzar ta' dawn l-istess faċilitajiet jiddependi mill-ispiża u l-validita' teknika tal-prodott.