Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni barranin li bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena kellhom u għad għandhom il-permess li jaħdmu fil-gżejjer tagħna? Kemm kien l-istess numru matul l-istess perijodu għas-sena 1998, 1997, 1996 u 1995 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu u s-snin speċifikata mill-Onor. Interpellant, in-numru ta' barranin li kellhom liċenzja ta' impjieg u li isimhom deher fil-lista li tiġi ppubblikata kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni kien kif jidher hawn taħt :
Xahar / 1995 1996 1997 1998 1999
Sena
Jannar 1,857 1,928 2,245 2,053 1,935
Frar 1,906 1,912 2,285 1,981 1,901
Marzu 1,878 1,949 2,282 1,991 1,944
April 1,920 1,966 2,399 1,980 1,979
Mejju 1,867 2,135 2,515 1,994 2,131
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' priġunieri li kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Kemm minn dawn il-każijiet kienu konnessi ma' overdose jew xi natura ta' konsegwenza ta' drogi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri li kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura mill-5 ta' Settembru, 1998, sad-19 ta' Ġunju, 1999, kien kif jidher hawn taħt : -
908 - bħala out-patients li jinkludu dawk il-priġunieri li jkunu għadhom kemm iddaħħlu l-ħabs u bħala rutina jittieħdu l-isptar għal chest X-Ray;
6 - inżammu għal xi jiem fis-St. Michael Ward għall-kura;
60 - inżammu għal xi jiem fl-isptar San Luqa għall-kura;
76 - ittieħdu l-iSptar Monte Carmeli - dan in-numru jinkludi dawk il-priġunieri li kienu għadhom kemm iddaħħlu l-ħabs u kellhom problemi in konnessjoni mal-vizzju tad-droga.
Ninsab infurmat ukoll li ma kien hemm l-ebda każ minn dawn li kien konness ma' overdose.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat interministerjali bejn il-Ministeru tal-Biedja u Sajd u l-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin rigward il-protokoll bejn Malta u l-Libja għall-oqsma tal-Biedja u Sajd?
Kemm saru laqgħat ma' l-Ambaxxatur Libjan għall-Malta dwar il-kontinwazzjoni ta' dan il-protokoll u xi żviluppi kien hemm? Kemm-il darba iltaqgħu iż-żewġ Ministri Malti u Libjan sabiex jitkomplew jiġu żviluppati l-għanijiet ta' dan il-protokoll?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-progress fl-implimentazzjoni tal-protokoll bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tal-Biedja u Sajd jiġi diskuss fil-laqgħat tal-Mixed Commission bejn iż-żewġ pajjiżi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat sabiex jiġi kostitwit l-Export fund mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Ma' minn saru dawn il-laqgħat, ma' liema għaqdiet tal-bdiewa u raħħala ltaqgħu l-membri ta' dan il-bord?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-pjan sabiex jitwaqqaf Export Fund għall-prodotti tal-biedja qed jiġi fformulat. Wara jsiru d-diskussjonijiet meħtieġa.
Peress li jirriżulta li residenti fi Flat fl-Imtarfa li d-dettalji qed jintbagħtu separatament ġew mitluba jħallsu Lm469 fis-sena kera flok Lm181 u dan għaliex iddikjara dħul ta' Lm222 aktar fl-income fuq is-snin preċedenti, jista' l-Ministru jinvestiga u ċioe' jgħid kif filwaqt li tiddikjara Lm222 tiżdiedlek il-kera b'aktar minn Lm320 fis-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-fond li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu amministrat mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali u għalhekk nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm previst għax-xhur li ġejjin tal-kalendarju agroturistiku?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li tingħata aktar attenzjoni għal dawn l-affarijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-lista ta' l-attivitajiet previsti fil-Kalendarju Agroturistiku mill-1 ta' Lulju sa tmiem is-sena qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Tant qed tingħata attenzjoni, li ħarġu applikazzjonijiet għall-post ta' uffiċjal għoli tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li jieħu ħsieb dan ix-xogħol, meta l-uffiċjal inkarigat jirtira.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' delegazzjonijiet ministerjali, dipartimentali inklużi awtoritajiet, korporazzjonijiet eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru li siefru barra minn Malta mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Kemm kienet in-nefqa globali nvoluta? Kemm kienet in-nefqa għal kull delegazzjoni separatament? X'kien l-impenn ta' kull delegazzjoni u x'riżultati nkisbu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nagħmel riferenza għat-tweġibiet li tajt għal-mistoqsijiet parlamentari nru. 103, 5767 u 5876.
Informazzjoni dwar delegazzjonijiet għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-valur fi flus tal-ħut esportat bejn Jannar u Mejju 1999 għas-sajjieda u l-fish farms rispettivament? X'kienu dawn il-figuri fis-snin 1997, 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazioni li talab qiegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħ laħam tal-Beef Intervention Scheme bejn Jannar u Mejju ta' l-1999? Xi prezzijiet ġab il-gvern għal dan il-laħam? Jista' l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija għall-istess perijodu fis-snin 1996, 1997 u 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bejgħ taċ-ċanga taħt l-Intervention Scheme fis-snin 1996 - 1999 sa Mejju kien skond it-tabella hawn taħt:
Year Month Weight (Kgs) Value (Lm)
1996 January-May 112045 77041.36
1997 January-May 93736 61003.25
1998 January-May 94340 72180.12
1999 January-May 55729 45377.15
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rrapportati lill-pulizija fejn ittajru pedestrians bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali u f'liema toroq saru? Jista' l-Ministru jestendi l-informazzjoni għall-perijodu ta' dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Mejju ta' din is-sena, in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rappurtati lill-Pulizija fejn ittajru pedestrians kien ta' 114. Minn dawn, 2 kienu fatali u seħħew f'Tower Road, tas-Sliema, u f'National Road, il-Furjana.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-talbiet tiegħi f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti sabiex isiru l-lifts fil-Housing Estate tat-12-il distrett ċioe' f'Għeriexem Housing Estate u Għajn Qajjed Housing Esate, fir-Rabat, Ta' Pennellu fil-Mellieħa u dawk fl-Imġarr u San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-parti mill-fondi allokati jintużaw sabiex isiru l-lifts f'dawn il-Housing Estates?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hija l-intenzjoni ta' l-Awtorita' tad-Djar li l-Iskema ta' l-Installar tal-Lifts, fejn dan jippermetti, eventwalment tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra minn dawk imħabbra sa issa.
23.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji li qed jitolbu akkomodazzjoni alternattiva lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fil-mument?
Kemm huwa in-numru ta' djar li jista' jalloka fil-mument id-dipartiment konċernat?
Meta huwa maħsub li jiġu rrimedjati dawn it-talbiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu 3158 familja li qed jitolbu akkomodazzjoni alternattiva. Numru ta' djar tal-Gvern jew rekwiżizzjonati jitbattlu regolarment u dawn jiġu allokati lill-dawn il-familji. In-numru ta' djar li jitbattlu hu ta' madwar 260 fis-sena. Fil-mument id-Dipartiment għandu 10 djar li qegħdin fil-proċess biex jiġu allokati.
23.6.99
Jista' l-Ministru jara li ssir investigazzjoni dwar kif inhuwa possibbli li titjieb is-sistema tat-traffiku fi Vjal il-Ħaddiema, ir-Rabat Malta?
Peress li ftit tal-jiem ilu ttajjara wkoll tifel minn fuq iz-zebra crossing, jista' l-Ministru jikkonsidra wkoll mal-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiddawwal aktar din it-triq?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministri konċernati.
Peress li ili snin nitlob li tiddawwal Vjal il-Ħaddiema fir-Rabat, Malta ħalli jiġu evitati ħafna mill-inkonvenjent għall-pedestrians u sewqan, jista' l-Ministru jinformani x'ġara minn dawn it-talbiet? Peress li ftit tal-jiem ilu ttajjar tifel ta' 12-il sena f'din it-triq min fuq iż-zebra crossing, jista' l-Ministru urġentement jipproċedi u ċioe' japprova l-iżviluppi meħtieġa?
B'riferenza għall-requisition order 53497 u ċioe' l-fatt li l-familja in kwestjoni ddikjarat dħul ta' Lm222 aktar fuq snin preċedenti b'riżultat li l-kera għal din il-familja żdiedet minn Lm181 fis-sena għal Lm469, jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga kif din il-familja għaliex iddikjarat dħul ta' Lm222 aktar ġiet mitluba tħallas b'aktar minn Lm250 żieda fil-kera fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filfatt din ir-reviżjoni suppost li saret f'Ġunju 1998, iżda l-amministrazzjoni preċedenti naqset milli tagħmel dan l-eżerċizzju ta' reviżjoni skond regoli approvati mill-istess Amministrazzjoni Laburista (i.e. emendi tas-sistema li biha jingħata sussidju fuq il-kera ta' djar lill-Gvern.)
23.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kumpanniji li ġew notifikati mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sabiex jirregolaw il-pagamenti tas-sigurta' soċjali tal-ħaddiema tagħhom? Kemm fil-fatt hija ċ-ċifra finanzjarja li jridu jħallsu dawn il-kumpanniji ta' dawn l-arretrati li jkunu diġa' ħallsuhom il-ħaddiema tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' kumpaniji li ġew notifiati dwar arretrati ta' kontribuzzjonijiet ġa miżmuma mill-impjegati u mhux mgħoddija lil Gvern huwa ta' madwar 770. Nixtieq nenfasiżża li huwa diffiċli fil-preżent li tindika ċ-ċifra finanzjara eżatta li jridu jħallsu dawn il-kumpaniji għaliex l-ammont attwalment dovut irid jiġi verifikat mal-kotba tal-kumpaniji u mar-rekords li għandu d-Dipartiment.
Fir-rigward mis-sena 1998 'l quddiem, kif jaf l-Onor. Interpellant, r-responsabilita' ta' ġbir u l-infurzar għal ħlas ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għadda fuq id-Dipartiment tat-Taxxi Nterni. Għaldaqstant informazzjoni minn Jannar 1998 irid jintalab mill-Onor. Ministru kkonċernat.
22.6.99
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew notifikati mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sabiex iħallsu l-arretrati tas-Sigurta' Nazzjonali, il-Bolla? Kemm hu l-ammont f'ċifra finanzjarja li jridu jħallsu lid-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għan-notifiki li għadu kemm ħareġ d-Dipartiment lil persuni li xi darba għamlu talba biex iħallsu xi arretrati f'kontribuzzjonijiet, għandi ninfurmah li dan kien eżerċizzju biex kull min inħariġlu xi kont u li jidher li kien għadu ma ġiex ssetiljat, jingħata perjodu definit sa meta għandu jitħallas.
Issa dawn il-persuni ġew uffiċċjalment informati li għandhom sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena biex jissetiljaw l-ammonti dovuti minnhom.
Minn dawk li talbu biex iħallsu arretrati ta' kontribuzzjonijiet, hemm numru ta' persuni li kienu talbu biex iħallsu l-bolol voluntarji. Dawn jistgħu jiddeċiedu li ma jħallsuhomx. Oħrajn li talbu biex iħallsu kontribuzzjonijiet għal perjodi meta kienu jaħdmu għal rashom, irid jiġi stabbilit l-ammont ta' kontribuzzjonijiet dovuti skond id-dħul tagħhom meta jipprovdu d-dokument meħtieġa. Għal dawn ir-raġunijiet iċ-ċifra finanzjarja dovuta ma tistax tingħata fil-preżent.
22.6.99
Jista' l-Ministru jinformani għaliex sal-lum għadu ma ltaqax mal-bdiewa li kienu bdew jesportaw l-ħxejjex lejn is-suq Ingliż filwaqt li dejjem ġew ikkritikati għall-fatt li ġew sussidjati għaliex kawża tal-maltemp il-prodott ittardja u ntilfu l-kuntratti li kienu laħqu l-istess bdiewa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-ewwel ħaġa ma kien hemm ebda kuntratt bil-miktub mal-importatur fl-Ingilterra. It-tieni ħaġa ġie kkritikat il-fatt li biex jiġi moħbi l-fjask ta' dan l-attentat ittieħdu l-flus mill-fond ta'l-esportazzjoni tal-patata. It-tielet ħaġa ma kien hemm ebda talba minn naħa tal-bdiewa sabiex niltaqa' magħhom.
Jidher ċar li l-bdiewa ma huma bl-ebda mod interessati li jerġa' jkollhom dik id-disfatta li kellhom, meta ġew imbuttati f'dik l-avventura li kellhom jagħmlu tajjeb għalija minn buthom.
Ma nistax nifhem kif l-Onor. Interpellant jibqa jipprova jiġbor ġieħu tad-disfatta kbira li kien għamel billi joqgħod jagħmel ħafna domandi u
stqarrijiet fejn jinsa jsemmi illi-
-Kellu jieħu Lm13,500 minn flus il-bdiewa li kabbru l-patata biex taffa naqra minn dan il-fjask
-Kellu jieħu Lm8,000 minn flus li suppost tħallsu bħala kumpens għal ħsara li saret bil-maltemp
Dan minbarra n-nuqqas ta' organizzazzjoni li wasslet għal din id-disfatta, fosthom illi l-ħaxix twassal fl-Ingilterra fi stat ħażin u bi presentazzjoni agħar. Biż-żejjed infakkru li kienu ntużaw kaxex bil-logo ta' l-Air Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kellhom jassistu għal kura medika barra minn Malta? F'liema pajjiżi marru? Kemm minnhom kienu nisa, irġel u tfal?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jista` l-Onorevoli Interpellant jindika għal liema perjodu jrid l-informazzjoni.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Laqgħat mal-kunsilli lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kunsilli lokali li talbu li jiltaqgħu mal-Ministru u/jew ma' l-uffiċjali tad-Dipartiment mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Kemm saru diġa' minn dawn il-laqgħat u x'talbu l-kunsilli lokali mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
Talbu formalment li jiltaqgħu miegħi, ħdax 'il Kunsill Lokali mill-5 ta' Settembru l' hawn. Minn dawn iltqajt ma għaxra u għandi niltaqa mall-ħdax 'il wieħed fil-ġranet li ġejjin. Il-laqgħat kienu jittrattaw materiji ta' interess għall-lokalitajiet tagħhom li jikonċernaw il-Ministeru tiegħi.
Pero ninforma lill-Onor. Interpellant illi jkun hemm diversi kuntatti u talbiet minn ġurnata għal oħra li jsiru direttament ma uffiċjali konċernati fil-Ministeru tiegħi.