Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq hospitality mill-5 ta' Settembru ' l hawn fil-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Kemm intnefqu flus fis-safar matul l-istess perjodu u kemm minnhom kienu fuq safar fejn kien preżenti l-Ministru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-perjodu msemmi ta' 10 xhur tħallset is-somma ta' Lm9,819.70 fuq hospitality. Din kienet tinkludi kontijiet ta' attivitajiet li saru fil ftit ġimgħat ta' qabel l-elezzjoni għall-ammont ta' Lm2,560.55 jiġifieri 26% ta' l-ispiża totali.
Rigward safar, matul l-istess perjodu, is-somma kienet ta' Lm17,146 u li Lm4,823 minnhom intnefqu fuq delegazzjonijiet immexxija mill-Ministru.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8068, jista' l-Ministru jagħti risposta għall-perijodu bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. In-numru ta` pazjenti li ntbagħtu għall-kura barra minn Malta fl-ewwel
sitt xhur ta` din is-sena kien 164 imqassam hekk:
Irgiel - 48
Nisa - 46
Tfal - 70
2. Il-pazjenti kollha ntbagħtu l-Ingilterra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla tal-majjal fl-irjus f'Mejju u Ġunju ta' din is-sena?
Kemm kien il-piż fl-istess perjodu tal-majjal fil-Biċċerija?
X'kienet l-istess informazzjoni għall-istess perjodu fis-snin 1998, 1997 u 1996?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8092 jista' l-Ministru jinformani kemm kienet il-qatla fl-istess perjodu ta' din is-sena u kemm kienet ukoll il-qatla għall-istess perjodu tas-sena 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-qatla taċ-ċanga bejn Jannar u Mejju tas-snin 1998 - 1999 hija skond it-tabella hawn taħt:
No. of Heads Weight Kgs
1998 Jan-May 2,330 615,610
1998 Jan-May 2,499 670,467
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8092, jikkonferma l-Ministru li kien hemm tnaqqis ta' 59% fil-piż u tnaqqis ta' 62% fil-valur ta' flus, skond il-figuri tat-tweġiba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun ċar bejn liema perjodu qed jipprova jagħmel paragun. Iċ-ċifri huma fir-risposta u kull ma jrid jagħmel jaqbad calculator u jużaħ sewwa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru proposti u laqgħat bejn iċ-CHEAM u l-Ministeru u/jew id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura? Meta saru u x'qasam kienu jittrattaw? X'riżultati nkisbu u x'kontinwazzjoni qed issir?
Response (ZAMMIT, NINU)
Saru diversi proposti u laqgħat bejn il-Ministeru, d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ċ-CIHEAM b'mod partikolari mad-diriġenti tal-Istitut Agronomiku tal-Mediterran ta' Bari. L-oqsma li ġew trattati jinkludu: għajnuna teknika fil-qasam tal-Ħarsien mill-mard tal-pjanti, għajnuna għall-iżvilupp tal-laboratorji ta' l-Agrikoltura; għajnuna fil-qasam tal-ilma u l-irrigazzjoni u għajnuna fil-qasam tal-ortikoltura. Iċ-CIHEAM offriet għajnuna lid-Dipartiment sabiex jiġu ppreparati proġetti għal finanzjament mill-Italja jew mill-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru proposti u laqgħat bejn Bari u l-Ministeru u/jew id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar iż-żewġ proġetti preċedenti, cioe' dak ta' Wied il-Qlejja u s-serer speċjalizzati f'Tal-Kmand mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Meta saru? Fejn saru u min kien preżenti f'dawn il-laqgħat min-naħa Maltija u Taljana rispettivament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Saru numru konsiderevoli ta' laqgħat u proposti bejn l-Istitut Agronomiku tal-Mediterran taċ-CIHEAM ta' Bari w uffiċjali tal-Ministeru u tad-Dipartiment tal-Agrikoltura dwar il-proġetti msemmija mill-5 ta' Settembru 'l hawn. Dawn saru kemm f' Malta kif ukoll f' Bari u f' Ruma. Mhux il-kas li noqgħod ngħid id-dati. Preżenti kien hemm diversi uffiċjali tal-Ministeru u tad- Dipartiment tal-Agrikoltura li huma nvoluti fit-twettieq ta' dawn il-proġetti u diversi uffiċjali tal-istess Istitut. Mhux il-kas li noqgħod nsemmi ismijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru bejn Jannar sa Ġunju fuq il-proġett ta' Wied il-Qlejja? Kemm kienet in-nefqa nvoluta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bejn Jannar u Ġunju 1999, tpoġġew 84 gabbjun sabiex ikomplu jissewwew is-slieħi kbar li hemm fil-ħitan tas-sejjieħ. In-nefqa totali kienet ta' Lm3,192.
Jista' l-Ministru jgħid x'testijiet saru fuq il-kwalita' tat-tonn li ddaħħal fil-Pixkerija għall-bejgħ tal-konsumatur lokali?
Meta saru u x'kienu r-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm studji differenti għaddejjin fuq it-Tonn u l-qbid tiegħu.
Għaddej proġett mal-COPEMED/FAO ta' sentejn fuq iż-żona fejn jinqabad it-Tonn, il-piż, is-sess u l-eta' tiegħu sabiex naslu biex il-komunita' Mediterranea tkun tista timmaniġja aħjar is-sajd tat-Tonn. Proġett ieħor mis-Servizz Veterinarju jinvolvi monitoring tar-residwi fil-laħam tat-Tonn u meta jkun hemm ir-riżultati dawn jigu ppublikati.
Numru ta' kampjuni ttieħdu minn Tonn li ma kienx tajjeb għas-suq u ser isiru testijiet fuqhom. Ir-riżultati jkunu jistgħu jingħataw meta jkunu lesti. Dan it-Tonn ma kienx kapaċi għas-suq meta saritlu l-ispezjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħħal tonn fil-Pixkerija matul Mejju u Ġunju ta' din is-sena?
Xi grad kellu u b'liema prezz inbiegħ?
Min kienu l-uffiċjali responsabbli mill-grading tat-tonn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi din is-sena l-figuri tat-Tonn kienu:
Average Price
Mejju 108281 Kgs Lm172,622 159.4
Gunju 128311 Kgs Lm162,416 127
Fil-pixkerija ma jsirx grading u l-prezzijiet ma kienux marbutin ma grade iżda max-xahar li nqabad fiħ it-Tonn u jekk huwiex għall-esportazzjoni jew le. Grading sar fuq il-vapur li ġabu l-kuntratturi iżda dan ma kellux riflessjoni fuq il-prezzijiet għaliex il-prezzijiet kienu fissi.
Jista' l-Ministru jgħid meta kellhom jitkomplew ix-xogħlijiet fuq iċ-chillers fl-MAC u meta tlestew?
Kemm kienet l-ispiża nvoluta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal-NAC.
Fl-NAC hemm water chiller li nxtara fl-1998 mingħajr ma kienu saru l-arranġamenti għall-provvista tal-enerġija elettrika tiegħu. It-tenders għall-apparat biex jkun jista jiġi mħaddem saru din is-sena, parti mill-apparat nieqes waslet u l-parti li baqa' tasal fi żmien ħmistax -il ġurnata u wara jkun jista jibda jintuża sabiex jirregola t-temperatura ta' l-ilma tal-broodstock sabiex flimkien mal-kontrol tad-dawl inkunu nistgħu nżommu lill-dan il-broodstock ibid is-sena kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kienx permess li dan it-tonn maqbud b'sistemi llegali ta' xbieki jiddaħħal fil-Pixkerija lokali?
X'passi ttieħdu sabiex dan ikun assigurat u min kienu l-uffiċjali responsabbli għal dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tonn li ddaħħal fil-Pixkerija huwa ta' l-istess oriġini tat-Tonn li ddaħħal fil-pixkerija fl-istess perjodi fl-1997 u 1998.
Li kien hemm iktar mis-snin ta' qabel kien li t-tonn kien spezjonat minn veterinarju qabel ma kien irkantat u numru ta' tonn li ma kienx kapaċi għas-suq inżamm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż fuq l-overtime għal grading tal-patata fl-istaġun ta' din is-sena 1999?
Kemm kienet l-ispiża għas-sena 1998, 1997, 1996?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f' xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju għal basal lokali f'Mejju u Ġunju ta' din is-sena?
Kemm kien fl-istess perjodu s-sena l-oħra u fl-1997?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f' xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinfurmana xi provi fuq varjetajiet taż-żriegħ saru fil-farm esperimentali ta' l-Għammieri mill-5 ta' Settembru 'l hawn? X'kienu r-riżultati u x'rakkmandazzjonijiet ingħataw lill-bdiewa bħala informazzjoni ġdida b'riżultat minn dawn il-provi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-Farm esperimentali l-Għammieri qegħdin isiru provi b'varjetajiet ġodda kemm fis-serrer kif ukoll fir-raba'.
Fis-serer saru dawn il-provi:
TADAM: 5 varjetajiet differenti biex tiġi stabilita reżistenza għal mard tal-virus (Tomato Yellow Leaf Curl Virus) kif ukoll addatament ta' dawn ir-razzez għal kundizjonijiet lokali.
BŻAR: 10 varjetajiet, uħud minnhom ġodda biex jiġu provati ma dawk stabiliti għal produzzjoni fil-kundizzjonijiet lokali.
BRUNĠIEL: 4 razez, tnejn minnhom ġodda biex jiġu provati ma tnejn oħra stabbiliti.
ĦJAR: 4 razez ġodda biex jiġu provati għal produzzjoni għolja, addatament fil-kundizzjonijiet fis-serra u reżistenza għal mard l-aktar komuni.
ZUCCHINI: Razza waħda provata għal reżistenza għal mard tal-virus (cucumber mosaic virus) li qiegħed jagħmel ħafna fuq dan il-wiċċ.
BETTIEĦ: 6 razzez addatati għal produzzjoni bikrija u reżistenza għal xi mard.
Nota: saru wkoll provi oħra bħal ma hija 'soil solarization' jiġifieri l-istereliżazzjoni tal-ħamrija permezz tax-xemx. Dan qiegħed issir biex jitnaqqas l-użu ta' kimiċi li l-aktar jagħmlu ħsara l-ambjent u l-'ozone layer'.
Fir-raba' saru jew qegħdin isiru dawn il-provi.
BASAL: 4 razzez, tnejn lokali u tnejn oħra ġodda mportati. Prova wkoll b'applikazzjoni ta' fertilizanti differenti, u anke distanzi varji ta' taħwil.
PATATA: 9 razzez differenti ħafna minnhom mkabbra mill-bdiewa stess.
Prova oħra b'doża differenti ta' compound fertiliżer.
TADAM: 12 il-varjeta differenti ta' tadam.
SWEET CORN: Żewġ razzezz differenti.
BŻAR AĦDAR: Żewġ razzezz differenti.
BRUNĠIEL: Żewġ razzezz differenti għal mejda jew proċessar.
ŻUCCHINI: Razza reżistenti għal cucumber mosaic virus.
ĦASS: Żewġ razzez.
MAGħLEF: 9 tipi ta' magħlef uħud ġodda. Dawn kienu xgħir, qamħ, qaraboċċ, alfalfa, avena u piżelli, linseed, rape seed, qamħ u piżelli, u ġilbiena u qamħ.
IL-Provi li jsiru fl-Għammeri jiġu mwassla lill-bdiewa permezz ta' l-Extension Service.
Ħafna mill-bdiewa li jkollhom xi forma ta' problema jew jinħtieġu aktar informazzjoni iċemplu dirett l-Għammieri jew jaslu sa l-uffiċċju ta' l-Extension Service tad-distrett tagħhom. Programmi ta' tagħlim isiru wkoll fuq ir-radio u jinkitbu artikoli fil-fuljett 'Biedja u Sajd'.
Ir-riżultati li saru kemm fis-serrer kif ukoll fir-raba' għadhom qiegħdin jiġu miġbura.
Jista' l-Ministru jinformani kemm saru provi fuq varjetajiet ta' żriegħ tal-basal mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Fejn saru, x'tip ta' varjeta' kienet u x'kienu r-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għall-istaġun 1998-99 saru żewġ tipi prinċipali ta' provi fuq varjetajiet ta' basal.
L-Ewwel wieħed kien jikkonsisti bi provi ta' erba varjetajiet differenti ta' żerriegħa li huma dawn: basal aħmar u isfar lokali mqabbel ma żewġ razzez oħra mportati minn barra.
Din il-prova għada ma spiċċatx għax il-basal għadu qiegħed jinqala u għalhekk riżultat sħiħ għadu ma jistax jingħata. Din il-prova saret l-Għammieri.
Prova oħra kienet tikkonsisti b'applikazzjoni ta' fertiliżżanti differenti, u ta' distanzi varji ta' taħwil.
Jista' l-Ministru jinformani x'programm ta' esperimentazzjoni fuq produzzjoni agrikola organika sar fil-farm esperimentali tal-Għammieri mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fuq il-Farm Esperimentali l-Għammieri s'issa ma saru l-ebda prova fuq produzzjoni organika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' kolonji tan-naħal reġistrati mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura fil-mument?
Kemm huwa kkalkolat li hija l-produzzjoni?
X'regolamenti ġodda daħlu fis-seħħ mill-5 ta' Settembru 'l hawn għal din l-industrija?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' kolonji tan-naħal reġistrati mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura fil-mument huwa 1212 kaxxi naħal u 57 qolla.
Il-produzzjoni tal-għasel hija kkalkolata li ser tkun in-nofs tas-sena l-oħra kawża tan-nuqqas ta' xita din is-sena.
Mill-5 ta' Settembru 'l- hawn daħal fis-seħħ l-Ordni ta' l-1999 dwar l-għasel (Ordni. Numru M40 ta' l-1999).
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema fis-sezzjoni ta' l-agrikoltura?
Xi programm ta' xogħol jridu jwettqu sa l-aħħar ta' Diċembru xahar b'xahar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fid-Dipartiment tal-Agrikoltura hemm 722 ħaddiem.
Il-programm ta' xogħol huwa deskritt fl-Estimi Ġenerali għas-sena 1999.