Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #9418 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni — Spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-valur ta' l-ispejjeż kollha fl-esportazzjoni ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu overtime u refrigirated trailers? Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għas-sena preċedenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt dwar Mistoqsija Parlamentari Numru 9337.
Leg 9 PQ #9419 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħalib — Produzzjoni

Question

Jista' l-Ministru kemm kienet il-produzzjoni tal-ħalib f'Malta u Għawdex bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena? Kemm kien il-valur tagħha? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1995, 1996, 1997 u 1998?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-produzzjoni u l-valur tal-ħalib f'Malta w Għawdex bejn Jannar w Awissu ta' din is-sena kienet hekk: Jannar - Awissu 1999 6,722,112 galluni Lm4,693,624 Fl-1995, 1996, 1997 u 1998 il-produzzjioni tal-ħalib f'Malta u Għawdex kif ukoll il-valur kienu hekk: Sena Produzzjoni Valur (ga llulni) (Lm) ______________________________ _______ 1995 8,756,303 6,058,803 1996 8,973,700 6,158,616 1997 9,515,837 6,508,244 1998 9,711,606 6,778,908
Leg 9 PQ #9394 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Vjal il-Ħaddiem - Dawl

Question

Peress li matul dawn it-12-il xahar Vjal il-Ħaddiem, Rabat ma ġietx imdawla aktar, bil-konsegwenza li filwaqt li żdiet it-traffiku, żdied ukoll il-perikolu għall-pedestrians, jista' l-Ministru jara li sakemm ma jsirux bozoz ġodda fl-inħawi, għallinqas jinbidlu l-bozoz/lampi eżistenti u jsiru ta' vultaġġ akbar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni qed tikkunsidra t-talba ta' l-Onorevoli Interpellant flimkien ma' talbiet oħra.

Rabat — Għajn Qajjed - Sewqan eċċessiv

Question

Peress r-residenti ta' Block D, Drs 3,4,5 u 6 fil-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed, Rabat jilmentaw li qed isir sewqan eċċessiv fl-inħawi u huma beżgħana minn inċidenti li jistgħu jiġu kkawżati, jista' l-Ministru jintervjeni sabiex jiġi nvestigat l-ilment ta' dawn ir-residenti? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ser nitlob lit-Traffic Control Board jinvestiga jekk hemmx bżonn ta` bidliet fl-arranġamenti tat-traffiku fl-inħawi.
Leg 9 PQ #9396 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Taxpayers

Question

Ma jħossx il-Ministru li r-rata ta' 1% imgħax fix-xahar li taxpayer irid iħallas fuq il-pagamenti pendenti li jkollu mad-dipartiment hija ekwivalenti għal 12% fis-sena? Ma jħossx il-Ministru li din ir-rata hija aktar ogħla mill-banek lokali? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jbiddel din ir-rata għaliex se tolqot ħażin ħafna lit-taxpayers bi dħul baxx? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (DALLI, JOHN)

Din ir-rata hi ffissata biex tkun ta` detterrent lil min idum ma jħallas dak li hu dovut. Ir-rata ta` 1% imgħax hija marbuta wkoll ma` l-imgħax li jkollu jħallas id-dipartiment lit-taxpayers jekk ir-refunds mis-sena ta` stima 1999 ma jibdewx jitħallsu fiż-żmien preskritt mill-liġi.
Leg 9 PQ #9397 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Pagi

Question

Peress li l-pagi mill-1996 'il hawn żdiedu u ceiling ta' l-income tax baqa' Lm3000 għall-persuni waħedha u Lm4000 għall-miżżewġin, peress ukoll li l-ħajja għoliet mill-1996 'il hawn, jista' l-Ministru jikkonsidra li fil-budget li ġej jgħolli ċ-ceiling?

Response (DALLI, JOHN)

M`aħniex nikkonsidraw li jgħola c-ceiling tal-income tax u diġa huwa aktar għoli minn ħafna pajjiżi oħra.
Leg 9 PQ #9412 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti li għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm ilha l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti? Jista'l-Ministru jagħti breakdown ta' meta daħlu l-applikazzjonijiet pendenti li għandha quddiemha l-awtorita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sa l-20 ta` Settembru, 1999, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kellha 3,696 applikazzjoni għal żvilupp. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi s-snin ta` meta daħlu dawn l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti quddiem l-Awtorita`. L-aktar applikazzjoni pendenti hija l-istess waħda ikkwotata fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3958. 25.10.99

Djar — Xiri ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' familji/romol, eċċ. li xtraw proprjeta'/flats, eċċ mill-Awtorita' tad-Djar matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet ġodda bejn l-istess perijodu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar irċeviet 222 l-applikazzjoni minn familji/ romol eċċ., biex jixtru r-residenza governattiva tagħhom. Saru 193 il-kuntratt. Fil-każ tal-postijiet ġodda saru 135 il-kuntratt. Taħt l-Avviż 63 - Bejgħ ta' Appartamenti, "Cluster Houses", "Maisonettes" u Garaxxijiet, fejn applikabbli, f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex - l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 302 l-applikazzjoni minn familji/romol/"single parents". Lill-60 applikant intbgħat avviż li ġew allokati post.
Leg 9 PQ #9371 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħobża tradizzjonali Maltija

Question

Peress li l-ħobża tradizzjonali Maltija ssir bil-qamħ Amerikan u li bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE l-importazzjoni f'pajjiżna ta' din il-materja prima tkun suġġett għal-levy, jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun din il-levy fuq dan il-qamħ importat mill-Amerika?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-ħobż tal-Malti qiegħed, preżentament, jinħadem minn taħlita ta' qamħ li tinkludi perċentwali għolja ta' qamħ hekk imsejjaħ 'iebes' li bħalissa qed jiġi impurtat mill-istati Uniti tal-Amerka. Din it-taħlita ta' qamħ tirrifletti sitwazzjoni tal-mument iżda mhux l-unika taħlita li biha jista' jinħadem il-ħobż tal-Malti. Biżżejjed wieħed jiftakar li 'tradizzjonalment' (qabel it-tieni gwerra) il-ħobż Malti kien jitħaddem esklusivament minn qamħ impurtat minn Sqallija u minn postijiet oħra fil-Mediterran. Wieħed jeħtieġ ukoll isemmi li l-Organizzazzjoni għall-Kummerċ Dinji (World Trade Organisation) qiegħda taħdem sabiex il-liberallizzazzjoni fil-kummerċ tiġi estiża ukoll għall-prodotti agrikoli, filwaqt li l-istess Unjoni Ewropea qiegħda tirrevedi il-politika agrikola tagħha. minħabba f'dawn id-diversi kunsiderazzjonijiet, għadu kmieni wisq sabiex wieħed jantiċipa jekk u kemm ser titħallas taxxa tal-importazzjoni fuq qamħ għall-produzzjoni tal-ħobż.
Leg 9 PQ #9372 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Industrija taċ-ċikkulata — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat ma' l-Industrija taċ-Ċikkulata, gallettini u ħlewwiet sabiex jiġi spjegat lilhom kemm se togħla l-materja prima bħaz-zokkor, trab tal-ħalib, eċċ wara li jispiċċaw l-inċentivi ta' sussidji li din l-industrija lokali għandha fuq materja prima mportata mill-pajjiżi ta' l-UE? Jista' l-Ministru jgħid kif se taffettwa l-levy il-ġdida li l-gvern se jkollu jimponi fuq din il-materja prima kemm-il darba l-industrija lokali timporta mill-pajjiżi li ma jkunux membri ta' l-UE?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Gvern kellhu ħafna laqgħat mal-Korpi Kostitwiti li jirrapreżentaw is-settur industrijali f'Malta iżda dawn il-lagħat kienu ta' xeħta ġenerali b'diskussjoni li tolqot firxa wiesgħa tal-industrija f'pajjiżna. Fil-mistoqsija tiegħu, l-Onorevoli Interpellant irrefera speċifikament għall-produzzjoni ta' ċikkulata, ta' ħlewwiet u ta' gallettini. Fil-verita il-produzzjoni ta' ċikkulata f'Malta llum hija minima għall-aħħar bi ftit produzzjoni biss marbuta ma żmien il-Għid. Ta' daqs żgħir ukoll il-produzzjoni ta' ħlewwiet, tip il-perlini. Iktar sostanzjali il-produzzjoni ta' gallettini li tinkludi ukoll ammont sinifikattiv ta' esportazzjoni. F'dan il-każ, is-sħubija fl-Unjoni Ewropeja mistennija iġġib opportunitajiet ġodda għall-esportazzjoni lejn is-suq Ewropew.

PTA — Trasport għal Għar Barka

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku se tipprovdi trasport lir-residenti ta' Għar Barka? Għaliex fit-tibdil li sar bi prova fir-Rabat fejn anke iċċaqilqet il-venda, Għar Barka ma kenitx inkluża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa issa dan is-servizz għadu mhux possibbli li jingħata.

Rabat — Venda

Question

Jista' l-Ministru jgħid min fil-fatt talab sabiex tiċċaqlaq il-venda tar-Rabat minn fejn kienet? X'kien l-iskop u min ġie kkonsultata dwar dan it-tibdil?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku qablet mat-trasferiment tal-venda tar-Rabat għas-Saqqajja wara ftehim li sar f`dan is-sens bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja.
Leg 9 PQ #9392 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Formoli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' formoli ta' l-income tax li għadhom ma ntbagħtux lid-dipartiment? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet huma ta' mpjegati, self-employed u/jew kumpanniji?

Response (DALLI, JOHN)

In-numru ta` formoli tal-Income Tax li għadhom ma ntbagħtux hu ta` 39,629 li minnhom 12,116 huma ta` impjegati, 2,461 self-employed, 5,639 ta` persuni mhux residenti f`Malta u ta` barranin, u 19,413 ta` kumpaniji.
Leg 9 PQ #9393 Sitting 162 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Triq Gusmana Navarra - Dawl

Question

Peress li r-residenti anzjani fi Triq Gusmana Navarra, Rabat jilmentaw mid-dlam li fiha din it-triq, jista' l-Ministru jara li tiżdied bozza u jiżdied il-vultaġġ tal-bozza eżistenti? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 2744. It-talba sabiex jiżdied id-dawl fl-imsemmija triq qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #9365 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Raħħala — Prezz garantit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju garantit għar-raħħal/produtturi tal-ħalib frisk, bajd frisk, majjal frisk, ċanga friska, laħam tat-tiġieġ tal-pajjiżi membri ta' l-UE għas-snin 1996, 1997 u 1998? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-prezzijiet medji għar-raħħal/produtturi lokal matul l-istess perjodu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jidher li l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx kif taħdem il-'Common Agricultural Policy' ta'l-UE. Ma hemmx prezz garantit tal-prodotti msemmija. Fil-każ tal-ħalib frisk hemm 'target price', fil-każ tal-bajd frisk u laħam tat-tiġieġ hemm 'trigger price', fil-każ taċ-ċanga friska hemm 'intervention price' u fil-każ tal-majjal frisk hemm 'basic price'.
Leg 9 PQ #9366 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tadam — Prezz garantit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz garantit tat-tadam għall-għasir, għat-tond u zenguli li ħadu l-bdiewa ta' l-UE matul is-sena 1996, 1997 u 1998? Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz li ħadu l-bdiewa lokali matul l-istess perjodu? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa fil-gżejjer tagħna li jkabbru dan it-tadam għall-Industrija lokali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-prezz minimu li jitħallas lill-produtturi tat-tadam jiġi stabbilit bi ftehim (kuntratt) bejn għaqdiet tal-Produtturi (Producer Organazations) u l-proċessuri tat-tadam. Dan il-prezz jiġi kkalkulat fuq bażi tal-prezz minimu tas-sena ta' qabel, tal-livell tal-prezzijiet fis-suq tal-ħxejjex u frott, u l-ħtieġa tas-suq. Għaldaqstant dan il-prezz ivarja minn ftehim għal ftehim. Dan skond ir-Regolamenti tal-Kunsill ta'l-Unjoni Ewropeja (EC) No 2201/96. F'Malta il-prezz minimu għat-tadam għall-ipproċessar jiġi stabbilit mid-Direttur tal-Agrikoltura wara konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-bdiewa u mal-proċessuri tat-tadam u fis-snin msemmija kien: 7c/kg għat-tadam ċatt, tond u żenguli għall-produzzjoni tal-kunserva, 9c/kg għat-tadam Tip Roma u ovali għall-produzzjoni tal-pelat. Fis-sena 1999 il-prezz ta' 7c0/kg telgħa għall-8c5/kg, żjieda ta' iżjed minn 20%. Huwa stmat li f'Malta u Għawdex madwar 2200 bidwi kkabbar it-tadam għall-ipproċessar.
Leg 9 PQ #9367 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata/kaboċċi/pastard/karrotti/ħass — Prezz garantit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-prezzijiet garantiti tal-patata, kaboċċi, pastard, karrotti u ħass li ġabu l-bdiewa tal-pajjiżi membri ta' l-UE matul is-snin 1996, 1997 u 1998? Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-prezzijiet medji tal-ħxejjex imsemmija għall-bdiewa Maltin u Għawdxin għall-istess perjodu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fil-pajjizi tal-UE ma hemmx sistema ta' prezzijiet garantiti għall-prodotti msemmija, iżda l-għaqdiet tal-produtturi huma awtorizzati li jintervjenu fis-suq ta' numru ta' prodotti sabiex il-prezzijiet ma jaqgħux. Il-prezzijiet medji fil-pitkalija f'Malta mitluba mill-Onor. Interpellant huma: Patata Kaboċċi Pastard Karrotti Ħa ss (cents/kg) (cents/kg) (cents/kg) (cents/kg) (cents/kg) 1996 14.40 6.52 8.92 15.02 10.01 1997 11.80 7.32 8.42 13.58 12.64 1998 10.80 8.22 11.14 18.95 10.55
Leg 9 PQ #9368 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Prodotturi lokali — Direttivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma d-direttivi/kondizzjonijiet/regoli/liġijiet li jridu jkunu konformi magħhom il-produtturi lokali tal-ġbejniet friski, xotti u tal-bżar bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE? Meta ġew ikkomunikati dawn id-direttivi lill-produtturi Maltin u Għawdxin u fejn saru l-laqgħat u x'kienu r-reazzjonijiet tal-produtturi lokali? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-liġijiet, regoli eċċ?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fl-UE ma hemm ebda direttivi / kundizzjonijiet / regoli / liġijiet speċifiċi dwar il-produzzjoni tal-ġbejniet friski, xotti u tal-bżar hlief dawk li japplikaw għall-produzzjoni tal-ġobon b'mod ġenerali. Il-ġbejniet friski, xotti u tal-bżar huma kandidati ideali sabiex jiġu rikonoxxuti bħala prodott b'denominazzjoni ġeografika kontrollata skond ir-Regolamenti tal UE 2081/92 u 2082/92
Leg 9 PQ #9369 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta Malta tkun membru sħiħ ta' l-UE liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel u xorb li se jkollhom levy fuqhom għaliex ikunu mportati minn barra l-pajjiżi membri ta' l-UE? Meta se jidħlu dawn il-levies il-ġodda u x'studju għamel il-Gvern Malti sabiex ikun jaf kif dan se jaffettwa l-ħajja fil-gżejjer tagħna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Meta Malta ssir membru sħiħ ta' l-UE, jidħlu fis-seħħ il-provedimenti ta' l-UE skond il- 'Common External Tariff' li jinkludu diversi konċessjonijiet miftehma bejn l-UE w numru ta' pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi kif ukoll numru ta' 'tariff quotas' skond il-ftehim bejn l-UE w il-'Word Trade Organization' (WTO). Malta tista' tinnegozja miżuri speċjali sabiex il-Kummerċ tradizjonali ma jiġix mittiefes.
Leg 9 PQ #9370 Sitting 161 1999-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

GRTU/FOI/Unions/Chamber of Commerce — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-GRTU, l-FOI, Unions, Chamber of Commerce eċċ, sabiex il-gvern jispjega l-vantaġġi u żvantaġġi tal-Integrated Tariffs of the European Communities, it-TARIC? Meta saru dawn il-laqgħat? X'rapporti ġew ippreżentati min-naħa tal-gvern jew il-ministri dwar dawn it-tariffi ġodda li jridu jiddaħħlu f'pajjiżna fil-kummerċ li jsir mal-kontinenti l-oħra tad-dinja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Minn żmien għall-ieħor, il-Gvern ikollu diversi laqgħat mal-korpi kostitwiti, kemm f'daqqa taħt il-kappa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku kif ukoll fuq bażi individwali. Normali li dawn il-laqgħat jolqtu diversi suġġetti inkluż dak tal-'Common External Tariffs' applikati mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea; anki jekk qatt ma ssejjħet laqgħa esklussivament dwar dan is-suġġett. Il-Gvern konxju mill-fatt li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea iġġib magħha numru ta' konsiderazzjonijiet li l-Korpi kostitwiti jeħtiġielhom jeżaminaw bir-reqqa sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ġodda li l-isħubija fl-Unjoni Ewropea timplika. Ix-xewqa tal-Gvern li jgħin lill-Korpi Kostitwiti jinfurmaw u jaġġornaw ruħhom dwar l-Unjoni Ewropea mingħajr indħil bla bżonn minn naħa ta' l-istess Gvern. Għalhekk l-għajnuna mħabbra sabiex il-Korpi Kostitwiti itejjbu l-aċċess dirett tagħhom għall-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea inkluż, fejn hemm bżonn, rappreżentanza tagħhom fi Brussels.