Jista' l-Ministru jinformani għaliex intuża l-kliem "conservation area" fl-iscreening tas-sajd dwar il-25 mil tal-kosta tas-sajd ta' l-ibħra Maltin?
X'kienu r-raġunijiet ta' dan meta din iż-zona dejjem kienet protetta għas-sajd biss tas-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta nkunu qed nitkelmu fuq ibħra tas-sajd ma nistgħux nitkellmu fuq ibħra territorjali. Iż-żona inkwestjoni aħna nixtiequ nikkonservuha kif inhi u għalhekk nitkellmu fuq 'Conservation Area' għas-sajd.
Jista' l-Ministru jinformani x'miżuri ttieħdu, x'investigazzjonijiet saru u x'deċiżjonijiet ittieħdu riferibbli għall-istqarrija tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa riferita lid-dipartiment fil-15 ta' Ottubru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed jittieħdu l-passi kollha disponibbli għad-Dipartiment tal-Agrikoltura sabiex ma tintefgħax ħamrija fuq radam jekk ma tkunx awtorizzata.
Jista' l-Ministru jinformani x'kordinament sar mill-ministeru dwar l-aħħar sitwazzjoni riferibbli għall-korrispondenza/stqarrija tal-15 ta' Ottubru tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa?
X'riżultati nkisbu?
Response (GATT, AUSTIN)
L-ebda Dipartiment tal-Gvern imsemmi fl-istqarrija li saret referenza ghaliha ma jaqa` taħt id-dekasteru tieghi.
Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi/azzjonijiet li ttieħdu abbażi ta' l-istqarrija magħrufa mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, 15 ta' Ottubru?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10748 dwar l-istess suġġett, ninsab infurmat li minn meta ngħatat it-Tweġiba fl-4 ta` Novembru, 1999, irriżulta li sar appell fil-konfront ta` Enforcement Notice No. 785/99, liema appell mistenni li jieħu l-proċess legali tiegħu skond il-liġi.
Ninsab infurmat ukoll li fir-rigward ta` l-avviżi l-oħra maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, u ċioe` ECF 606/96, 32/97, 1244/98, 722/99, 785/99, 914/99 u 919/99, għadhom għaddejjin konsultazzjonijiet mal-Kummissarju ta` l-Artijiet bl-iskop li d-Dipartiment ta` l-Artijiet jieħu passi direttament flimkien mad-Direttur ta` l-Agrikoltura. Fiċ-ċirkostanzi mhux opportun li jittieħdu passi mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex l-ispejjeż ikunu minimizzati.
Għal dak li jirrigwardja d-Dipartiment ta` l-Artijiet, ninsab infurmat li wara li dan id-Dipartiment ikkonsulta mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa rigward dawn l-abbużi, irriżulta li fejn il-persuna jew persuni responsabbli ġew identifikati, id-dipartiment diġa` ħa l-passi neċessarji tant li l-biċċa l-kbira tal-każi qegħdin quddiem il-Qorti.
Għal dak li jikkonċerna l-Pulizija ninsab infurmat li l-lok in kwestjoni għadu qed jiġi sorveljat biex jiġi żgurat li ma jsir l-ebda xogħol.
Jista' l-Ministru jinformani x'azzjonijiet/investigazzjonijiet saru b'riferenza għas-sitwazzjoni kif irrapportata permezzz ta' stqarrija mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fil-15 ta' Ottubru, 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Peress li huwa kkalkolat li hemm aktar minn Lm60 miljun f'arretrati lid-Dipartiment ta' l-Artijiet għandu jħallas fuq esproprjazzjonijiet ta' artijiet li ttieħdu snin ilu, jista'l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija kkalkolata s-somma ta' dawn l-arretrati liċ-ċittadini Maltin? Jista' l-Ministru jgħid liema pagament ta' esproprjazzjoni ilu l-iktar pendenti, cioe' l-annu tal-każ?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1638.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jrid isir eżami ta` numru kbir ta` files u records manwali li jinħtieġ ħafna żmien u ħafna riżorsi. Ma jidhirlix li l-użu ta` dan iż-żmien u riżorsi biex isir l-eżami msemmi hu ġustifikat.
Peress li jirriżulta li l-industrija lokali tħallas fil-preżent 9 ċenteżmi għall-kilo zokkor li timporta filwaqt li fl-istess perjodu l-industriji tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea jħallsu 43 ċenteżmu il-kilo, jista' l-Ministru jinformani kif l-industrija lokali li tuża zokkor bħal kompożizzjoni tista' tkun kompetittiva meta msieħba fl-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minn informazzjoni li ghandi jidher li l-prezz taz-zokkor fl-Unjoni Ewropeja huwa ferm anqas minn dak indikat mill-Onorevoli Interpellant.
Madanakollu jibqa` l-fatt li dan il-prezz huwa aktar gholi mill-prezz taz-zokkor fis-swieq internazzjonali u dan minhabba l-protezzjoni moghtija fi hdan l-Unjoni Ewropeja ghall-produzzjoni u l-ipprocessar taz-zokkor.
Jekk dan il-fattur jigi analizzat wahdu jimplika zieda fl-ispejjez tal-produzzjoni ghal dawk l-industriji li juzaw iz-zokkor. Pero` din hija biss kunsiderazzjoni wahda minn bosta li jehtieg li jsiru f`analizi wiesgha ta` l-implikazzjonijiet ghall-industrija f`pajjizna bid-dhul ta` Malta fl-Unjoni Ewropeja.
M`hemmx dubju li l-industrija Maltija kapaci tkun kompetittiva fis-suq Ewropew. Id-dhul ta` Malta fl-Unjoni Ewropeja ser ikompli jkabbar l-access ghal dan is-suq kbir. Tajjeb jinghad li bhalissa l-prodotti li jinkludu fihom element ta` zokkor m`ghandhomx access liberu fis-suq ta` l-Unjoni Ewropeja u ghandhom imposta fuqhom tariffa biex ikunu jistghu jinbieghu f`dan is-suq.
Peress li l-Ministru fil-mistoqsija parlamentari numru 9365 ma qalx kemm huma l-prezzijiet medji taċ-ċanga friska, majjal frisk, tiġieġ li kienu jieħdu l-produtturi tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea fl-1996, 1997 u 1998, jista' l-Ministru jwieġeb bl-informazzjoni ċara inkluż li jgħid ukoll x'kienu l-prezzijiet għall-istess snin lokalment?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 9365.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'analisi saret fuq il-prodotti tal-ħxejjex lokali sabiex ikun stabbilit il-MRL's fuq il-ħxejjex lokali?
X'inhuma l-MRL's aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea fuq it-tadam u l-patata u x'inhuma f'pajjiżna fil-mument?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed isiru l-arranġamenti sabiex l-analizi fuq prodotti tal-ħxejjex lokali jibdew isiru fi żmien qasir.
Dwar l-MRL's fl-UE nirreferi l-Onor. Interpellant għad-Direttivi relevanti tal-UE.
F'Malta għadhom ma ġewx stabbiliti MRL's fuq ħxejjex friski, iżda biss fuq prodotti tal-laħam.
Peress li fl-inħawi ta' Vjal il-Ħaddiem u Triq in-Nigret, Rabat, qed ikun hemm spiss irwejjaħ ikkawżati minn ħsarat fid-drenaġġ, jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet ta' estensjonijiet sabiex din il-problema tispiċċa peress li issa dawn l-inħawi huma frekwentati mill-pubbliku għaliex qed ikun hemm il-funzjoni tal-quddiesa matul il-jum? Jekk fl-affermattiv, jista'jgħid meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li huwa maħsub li għas-sena 2000 jibdew xogħlijiet biex itaffu din il-problema. Dawn jinkludu tħaffir u tqegħid ta' 4 kilometri ta' katusi għad-drenaġġ. Fi Vjal il-Ħaddiem u Triq in-Nigret huwa maħsub li jsir tħaffir u jitqiegħed main b'dijametru ta' 400mm.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 9039?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul dawn l-aħħar erba' snin il-prezz (NLG) li nbiegħet il-patata ta' Malta imsiefra lejn l-Olanda kien kif jidher hawn taħt:
Sena l-ewwel 4 l-ġimgħat l-aħħar Medja tal-
ġimgħat l-oħra ġimgħa istaġun
1999 32.73 23.71 15.52 27.07
1998 35.81 28.76 28 .11 30.91
1997 35.74 22.39 19.30 24.17
1996 37.31 23.08 20.50 26.45
Naturalment, bħal kull prodott ieħor, il-patata ta' Malta li tkun kmieni fis-suq Olandiż tikseb prezzijiet superjuri għal dik li tinbigħ iktar tard, meta suq ikun iktar abbondanti. Dwar l-'overprice', l-Onor. Interpellant messu jaf li skond il-kuntratt dan jirriżulta fi tmiem l-istaġun, u dejjem kemm il-darba l-ammont li jibda wara li jitnaqqas l-ipejjes tal-kuntrattur Olandiż mil-bejgħ kollu jissupera l-prezz minimu garantit.
Infakkar lill-Onor Interpellant li filwaqt li l-prezz medju għall-patata esportata fl-1998 kien ta' madwar Lm10 kull qantar, din is-sena l-prezzjijiet imħallsa lill-bdiewa kien ta' Lm14.20 kull qantar għall-varjeta Sante u ta' madwar Lm10.50 kull qantar għall-varjeta Alpha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-volum ta' skart mhux domestiku li qed jiġi ddumpjat fil-miżbla tal-Magħtab kull sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-volum ta' skart mhux domestiku li qed jiġi ddumpjat fil-Miżbla tal-Magħtab ivarja kull sena. Il-volum ta' l-1998 kien 794,000 tunellata.
Peress li l-ħaddiema impressed huma l-aktar ħaddiema mal-gvern li se jintlaqgħu ħażin għaliex huma jridu jirranġawlhom il-vetturi tagħhom sabiex ikunu konformi mal-VRT test, jista' l-Prim Ministru jgħid kif id-dipartimenti rispettivi se jgħinu sabiex dan il-piz ma jinġarrx kollu mill-ħaddiema impressed, li fuq kollox ikunu qed jagħtu servizz bil-karozzi u trakkijiet tagħhom regolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Taħt is-sistema preżenti, r-rata tal-ħlas lill-"impressed drivers" tal-Gvern hija bbażata wkoll, fost numru ta' fatturi oħra, fuq l-ispejjeż tal-manteniment tal-vettura.
Peress li ħafna familji għal numru ta' snin ilhom igawdu l-ħarġa tagħhom mat-tfal tagħhom billi jmorru Manoel Island sabiex jaraw il-papri li tieħu ħsiebhom l-għaqda tal-kaċċaturi, u issa qed jingħad li se jitneħħew, jista' l-Ministru li jifhem li dawn it-tfal u l-ġenituri tagħhom huma ċittadini wkoll jinvestu f'pajjiżna u jara li dawn il-papri ma jitneħħewx minn dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fil-proġett ta' Manoel Island u Tigne' se jinħoloq spazju ġdid għall-papri li qed isaqsi dwarhom l-Onorevoli Interpellant.
Peress li l-prezzijiet taċ-ċanga friska "beef" għar-raħħala f'Settembru li għadda fl-Unjoni Ewropea kien ta' 50c-il kilo, fir-Renju Unit 53c fl-Olanda 0.46c, il-Belġjum 0.77c, fi Franza 0.66c, l-Italja 0.33cm, Danimarka 0.46c, l-Irlanda 45c, Spanja 0.64c-il kilo, jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkolat li jkun il-prezz għar-raħħala Maltin bi sħubija sħiħa?
Jista' wkoll jgħid kemm kien il-prezz għar-raħħala Maltin fl-istess perjodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prezz taċ-ċanga għar-raħħala huwa:
Lm 126 il-qantar għall-għoġiela
Lm 90 il-qantar għall-erieh
Lm 80 il-qantar għall-baqar.
Għalkemm il-prezz lir-raħħal Malti huwa iżjed għoli minn dak ta' l-Ewropa,
il-value added fl-ipproċessar huwa ferm iżjed baxx minn dak ta' l-Ewropa, b'hekk iċ-ċanga lokali tkun tista' tikkompeti ma dik impurtata.
Peress li r-regoli tal-CAP ta' l-Unjoni Ewropea jirregolaw il-kosta ta' l-ibħra Maltin għas-sajd mis-sajjieda Maltin u Għawdxin, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm se jkun il-limitu tal-kosta għas-sajjieda flok il-25 mil li jgawdu llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi hija l-CFP li titkellem fuq il-policies ta' l-immaniġġar tas-sajd fl-ibħra kostali u dawk kontigwi għalihom.
Fil-preżent Malta tgawdi 25 mil baħar li hija żona li kienet ġiet dikjarata unilateralment fl-1971 u qatt ma ġiet kontestata mill-istati ta' madwarna. Is-sajjieda Maltin jkunu jistgħu jistadu fl-ibhra li jużaw illum u dawk li huma tal-Kommunita Ewropeja jekk inkunu membri. L-immaniġġar tal-ibħra kontigwi ta' Malta għad iridu jiġu negozjati.
Jista' l-Ministru jinformani x'kienu r-raġunijiet li l-prezz medju għall-bdiewa għat-taħdam niżel fl-1999 meta pparagunat mas-sena ta' qabel għall-perjodu ta' Jannar u Ġunju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher ċar mir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 9038 li tajt lill-Onor. Interpellant li l-produzzjoni tat-tadam fl-1999 kienet akbar mill-1998. Barra minhekk, il-prezz li tħallas lill-bdiewa għat-tadam għall-ipproċessar fil-1999 kien ta' 8c5 li huwa 20% iżjed mill-prezz imħallas fl-1998.
B'riferenza għall-protocol ta' kooperazzjoni fl-oqsma tal-biedja u sajd bejn Malta u l-Libja, jista' l-Ministru jgħid xi progress sar matul l-aħħar 12-il-xahar li għaddew?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari numru 9762. M'għandi xejn aktar xi nżied ma dik ir-risposta.