Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet fuq turisti u appartamenti tagħhom irrapportati lill-pulizija matul Jannar u Novembru ta' din is-sena?
Kemm-il persuna qed tressaq il-Pulizija quddiem il-Qorti b'konnessjoni ma' dawn is-serq fuq it-turisti?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8484, ninsab infurmat li ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' hold-ups irrapportati lill-Pulizija bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena?
Kemm huwa n-numru ta' dawn il-każijiet li qed jiġu ttrattati quddiem il-Qorti wara l-pulizija bdiet il-proċeduri tagħha ta' l-akkużi?
Response (BORG, TONIO)
Dwar in-numru ta` hold-ups li ġew irrapurtati lill-Pulizija bejn Jannar u Settembru ta` l-1999, nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10546, filwaqt li f`Ottubru u f`Novembru ta` l-1999, ninsab infurmat li ġew irrapurtati lill-Pulizija 6 hold-ups.
Ninsab infurmat ukoll li mill-każi irrapurtati bejn Jannar u Novembru ta` l-1999, 27 ġew solvuti li minnhom 13 għadhom qed jigu trattati quddiem il-Qorti.
Ta` min jgħid ukoll li n-numru ta` każi solvuti huwa d-doppju tas-sena ta` qabel, jiġifieri l-1998 fejn minn 56 hold-up ġew solvuti 14.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet f'bars, ħwienet tax-xorb u restaurants u ħwienet tal-merċa eċċ irrapportati lill-pulizija bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena?
Kemm huwa n-numru ta' persuni li qed jitressqu l-qorti mill-pulizija b'konnessjoni ma' dawn is-serqiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Novembru ta` l-1999, il-Pulizija kellha 1,039 rapport ta` serq minn bars, hotels u retail outlets. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti 67 persuna in konnessjoni ma` dan it-tip ta` reat.
Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Kapijiet/uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kapijiet u uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd li bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena ntbagħtu mill-ministeru fuq xogħlijiet/riċerka/laqgħat eċċ barra minn Malta b'konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Meta marru, fuq liema oqsma kellhom il-laqgħat u xi żviluppi kien hemm?
Kemm kienu l-ispejjeż li saru uffiċjali kap, kap?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Novembru tal-1999 kien hemm ħmistax-il delegazzjoni li siefru b'konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja, b'wieħed jew aktar Ufficjali mill-Ministeru.
Fil-proċess ta' l-'iscreening' il-liġijiet ta' l-UE jiġu mqabbla mal-liġijiet ta' Malta.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' l-Uffiċjali li marru, meta u fuq liema oqsma kellhom il-laqgħat, u kemm kienu l-ispejjeż.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' units li l-Awtorita' tad-Djar qed tibni fl-Imtarfa fil-mument? Meta se jkunu lesti u meta se jinħarġu l-applikazzjonijiet għal pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar qed tippjana li tibni madwar 120 post fl-Imtarfa. Fuq 26 minnhom, l-Awtorita' tad-Djar għanda applikazzjoni pendenti ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar waqt li fuq 94 oħra qed tħejji l-pjanti. Għadu prematur li jingħataw aktar dettalji.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu x-xogħlijiet li saru bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena bħala kontinwazzjoni tal-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlegħja?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul Jannar 1999 sar xogħol ta' tindif tal-wied u taħwil ta' siġar indiġeni bħaż-Żafżafa w is-Sambuka.
Fix-xhur sussigwenti nbnew ukoll ħitan fejn intużaw 84 gabjun.
Qiegħed isir il-proċess għal-ħruġ ta' tender ġdida sabiex jitkompla ix-xogħol fuq ir-rihabilitazzjoni tal-wied.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji f'Malta u f'Għawdex li ħadu l-benefiċċji soċjali taċ-Children Allowance matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif jidher aktar 'l isfel.
Sena Numru ta' Familji
1994 52,731
1995 52,420
1996 47,480
1997 43.477
1998 42,581
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għall-benefiċċji soċjali taċ-Childrens allowance li qed jiġu ttrattati fil-mument mid-dipartiment konċernat?
Kemm hija l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti u x'inhu jikkawża dan id-dewmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali fil-mument qiegħed jittratta 3,212-il applikazzjoni li minnhom 1,336 qegħdin pendenti minħabba li jonqoshom xi informazzjoni minn naħa ta' min applika, filwaqt li madwar 400 daħlu fl-aħħar xahar. 259 huma każijiet li jikkonċernaw diretturi ta' kumpaniji li qegħdin jiġu nvestigati f'aktar dettal.
Ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li turi liema hi l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti, biss numru ta' applikazzjonijiet jibqgħu pendenti għal aktar minn sitt xhur għaliex l-informazzjoni mitluba ma tkunx waslet fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Fost dawn hemm applikazzjonijiet li jonqoshom il-Final Accounts tal-Kumpanija jew il-Profit & Loss Account.
Peress li ħafna kopji Mellieħin li applikaw għall-benefiċċji taċ-Childrens Allowance għall-ewwel darba bħal fil-każ tar-riferenza 310360(m) qed jilmentaw li ilhom jistennew għal xhur twal sabiex jingħataw dan il-benefiċċju, jista' l-Viċi l-Prim Ministru jinvestiga u jawtorizza li l-proċess jiġi ffinalizzat mill-aktar fis possibbli?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jidher li saret l-ebda talba għall-Allowance tat-Tfal minn persuna li għandha l-I.D. Card bin-numru 310360(M).
In-numru ta persuni li għamlu talba għall-Allowance tat-Tfal għall-ewwel darba u għadhom ma tħallsux huwa ta' 376 li minnhom 249 ġew mitluba biex jipprovdu xi informazzjoni biex it-talba tagħhom tkun tista' tinħadem. Il-bilanċ ta' 127 huwa ta' talbiet li daħlu matul Novembru u Diċembru ta' din is-sena. Dawn l-applikazzjonijiet ġejjin minn kull parti ta' Malta u Għawdex.
Id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jipproċessa kull talba bil-għan li jistabilixxi d-dritt u r-rata ta' benefiċċju li tkun dovuta. Il-koperazzjoni, jew in-nuqqas tagħha, minn min jagħmel it-talba jinfluwenza l-perjodu ta' żmien biex tinħadem l-applikazzjoni. Ikun ta' sodisfazzjon għad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali meta talbiet għall-Benefiċċji Soċjali jitħallsu kemm jista' jkun fl-iqsar żmien possibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' manengite irrapportat fl-Isptar San Luqa bejn Jannar u t-13 ta' Diċembru, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-pazjenti kienu taħt is-17 u t-18-il sena u kemm minnhom fiequ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li, it-tagħrif miġbur mill-Isptar San Luqa, mill-1 ta` Jannar 1999 sa 30 ta` Ottubru 1999 kien hemm 30 każ ta` meninġite li ddaħħlu f'dan l-isptar. Dawn jinkludi kull tip ta` ukoll.
Fost it-tletin każ ta` meninġite kien hemm 10 persuni taħt is-sbatax-il sena u 11 taħt it-tmintax-il sena. Skond it-tagħrif miġbur każ wieħed biss kien fatali.
L-informazzjoni minn Novembru s'issa għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu kemm-il darba jirriżulta li l-virus tal-manengite jiffaċċja fuq tfal li jkunu jattendu fl-iskejjel f'Malta u f'Għawdex?
Fil-fatt kien hemm xi każijiet ta' din in-natura u jekk iva, x'kienu l-passi li ttieħdu? Il-ġenituri tat-tfal/studenti ġew informati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-meninġite kkaġunata minn virus, mhijiex marda notifikabbli bil-liġi. Peress illi din it-tip ta` meninġite hija kkaġunata minn virus, ma hemmx lok li jittieħdu ebda passi kontra din il-marda.
Minn naħa l-oħra, il-meninġite kkaġunata minn bacteria, hija notifikabbli bil-liġi u meta kien hemm każ ta` din il-marda f'tifel/tifla li kienu jattendu l-iskola, d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika ta mediċina bħala prevenzjoni lil dawk it-tfal fejn kien meħtieġ. Il-ġenituri ta` dawn it-tfal dejjem ġew informati qabel ma ingħatat il-mediċina.
Peress li ġġarfu ħafna ħitan tas-sejjieħ f'Burmarrad u San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jara li jsiru spezzjonijiet mid-dipartiment u jiġu rimedjati l-ħsarat kawżati mill-maltemp?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jwettaq dawn ix-xogħlijiet mill-aktar fis possibbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12042 (Seduta 211).
B'riferenza għall-protesta tas-sajjieda Maltin u Għawdxin dwar l-aħħar miżura anti soċjali tal-Budget 2000, cioe' ż-żieda tal-levy fuq il-petrol u d-diesel, jista' l-Ministru jinformana bl-aħħar żviluppi u cioe' x'inhija l-pożizzjoni tas-sajjieda llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda żieda ta' levy fuq il-petrol u diesel fl-aħħar budget.
It-talba tas-Sajjieda ma għandiex x'taqsam ma dan hawn fuq imsemmi. Is-Sajjieda qed jitolbu sabiex jingħataw diesel bla dazju. Qabel l-1972 dawn is-sajjieda kellhom 'rebate' biex tkopri d-dazju fuq il-'fuel' u il-Gvern ta' dak iż-żmien kien neħħa dan ir-'rebate'. Is-Sajjieda qed jitolbu li jerġgħu jiksbu il-kondizjoni ta' parteċipazjoni w kompetittivita' li kellhom dak iż-żmien. Is-Sajjieda ilhom snin jitolbu sabiex din il-kwistjoni tiġi meqjusa.
L-interpellant għandu jkun jaf illi l-Gvern preżenti wiegħed fil-programm elettorali ta' l-elezzjoni ta' l-1998 li s-sajjieda Maltin u Għawdxin jibdew jibbenefikaw minn għajnuniet li jeżistu wkoll fil-pajjiżi ta' l-UE, bħalma hija l-provvista ta' 'fuel duty free'. S'issa saret laqgħa biex tinġabar l-informazzjoni kollha meħtieġa bil-għan li tiġi formulata struttura ta' provvista bl-inqas abbuż possibbli.
B'riferenza għar-rapport li kien sar mid-Dipartiment ta'l-Agrikoltura lill-Awtorita'ta' l-Ippjanar dwar tibdil sostenibbli li jistgħu jgħinu lill-bdiewa jtaffu d-dewmien u l-ispejjeż tal-proċess ta' l-applikazzjonijiet tal-bdiewa u raħħala lill-Planning Authority, jista' l-Ministru jinformana x'kontinwazzjoni saret matul Jannar sa Novembru ta'din is-sena? Kien hemm xi emendi ġodda jew rapporti oħra? Jekk huwa l-każ, jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti/emendi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar w ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li nġabar ħafna skart fil-wiċċ ta' l-ilma ta' Wied il-Qlegħja u l-fatt li t-temp huwa stabbli, jista' l-Prim Ministru jikkunsidra li tintervjeni l-Armata sabiex isir it-tindif li hemm bżonn ħalli ċ-ċittadini Maltin u t-turisti li jżuru dan il-wied ikunu jistgħu jgawdu ambjent aħjar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-ġbir u t-tindif ta' skart minn Wied il-Qlegħja ma għandux ikun ikkunsidrat bħala responsabbilta tal-Forzi Armati, iżda ta' Dipartimenti oħrajn li għandhom dmir u responsabbilta diretta għal dan it-tip ta' xogħol. L-intervent tal-Forzi Armati jkun meħtieġ meta tkun hemm xi emergenza bħal ma kellna dan l-aħħar bix-xita kontinwa li damet nieżla erbat ijiem. F'dawk il-ġranet il-Forzi Armati flimkien ma organiżżazzjonijiet oħrajn taw assistenza utili lil persuni u wettqu ħidma ta' emergenza fi djar, f'toroq u f'karozzi maqbuda fl-għargħar.
Jista'l-Ministru jikkunsidra li jsir il-kordinament meħtieġ sabiex jitnaddaf l-iskart li nġabar fil-wiċċ ta' l-ilma ta' Wied il-Qlegħja fil-parti tal-bridge li tasal għalih mid-daħla ta' l-Imtarfa? Jekk iva, jista' jinfurmana meta se jsiru x-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment konċernat jinvestiga dan l-ilment.
Peress li ġġarfu ħafna ħitan tas-sejjieħ fl-Imtaħleb l/o Rabat, jista' l-Ministru jara li jsiru spezzjonijiet mid-dipartiment u jiġu rimedjati l-ħsarat kawżati mill-maltemp?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jwettaq dawn ix-xogħlijiet mill-aktar fis possibbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12042 (Seduta 211).
Peress li ġġarfu ħafna ħitan tas-sejjieħ fl-Għemmieri l/o Rabat, jista' l-Ministru jara li jsiru spezzjonijiet mid-dipartiment u jiġu rimedjati l-ħsarat kawżati mill-maltemp?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jwettaq dawn ix-xogħlijiet mill-aktar fis possibbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12042 (Seduta 211).
Peress li ġġarfu ħafna ħitan tas-sejjieħ f'Binġemma - Landrijiet tas-Salib, jista' l-Ministru jara li jsiru spezzjonijiet mid-dipartiment u jiġu rimedjati l-ħsarat kawżati mill-maltemp?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jwettaq dawn ix-xogħlijiet mill-aktar fis possibbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12042 (Seduta 211).