Peress li f'Nigret Road, Rabat quddiem il-knisja l-ġdida qed jinġema' ħafna ilma tax-xita li qed ikun ta' inkonvenjent għaċ-ċittadini li jattendu għal funzjoni tal-quddiesa f'din il-knisja, jista' l-Ministru jawtorizza li din il-parti tingħata t-tarmac mill-aktar fis u ċioe' fil-mument meta ftit metri 'l bogħod qed isiru xogħlijiet ta' tarmac fl-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jistħarreġ il-problema u hekk jiġi stabbilit x`inhu l-aħjar li jsir.
Jista' l-Ministru jinfurmana kemm se tkun it-taxxa tal-VAT li jrid iħallas il-poplu Malti u Għawdxi fuq prodotti ta' l-ikel wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm fil-fatt hija t-taxxa fuq il-prodotti ta' l-ikel fil-pajjiżi differenti membri ta' l-Unjoni Ewropea fil-mument?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rata tal-VAT fuq prodotti ta` l-ikel mibjugħa f`Malta wara li Malta ssir membru ta` l-Unjoni Ewropea tiddependi minn deċiżjonijiet li jrid jieħu l-Gvern Malti.
It-taxxi fil-pajjiżi Ewropej hija nformazzjoni fid-dominju pubbliku u tista` tinkiseb mill-Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jinfurmana, wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea, kemm se tkun it-taxxa ġdida (TARIC) li jrid jibda jħallas il-poplu Malti u Għawdxi fuq prodotti ta' l-ikel u materja prima ta' l-ikel importata mill-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea? Kemm fil-fatt hija din it-taxxa li fil-mument qed timponi l-Unjoni Ewropea fuq il-poplu tal-pajjiżi membri tagħha fuq prodotti ta' l-ikel importati mill-Brasil, Ċina u New Zealand?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-TARIC (Integrated Tariff of the European Communities) tistabilixxi id-Dazju li jrid jithallas fuq diversi prodotti importati fl-Unjoni Ewropea mill-kumplament tad-dinja. Dan id-dazju jissejjah ukoll `Common External Tariff` u jigi applikat fil-kaz ta` prodotti importanti minn pajjizi li la huma membri u lanqas ma jgawdu minn ftehim ta` Ewropea.
Fil-mument li Malta ssir membru ta` l-Unjoni Ewropea, dawn it-tariffi komuni jiehdu post dawk applikati fil-prezent. F`dan il-process, ghandhom jispiccaw ukoll il-kumplament tal-levies industrijali.
B`rizultat ta` dan kollu, id-dazju kumplessiv fuq uhud mill-prodotti importati minn pajjizi mhux membri ta` l-Unjoni Ewropea mistenni li jonqos, filwaqt li fuq ohrajn jista` jizdied.
Jista' l-Ministru jinformani bil-programm tal-laqgħat li l-Ministeru se jkollu mal-kooperattivi nazzjonali tas-setturi tal-biedja u sajd matul dawn it-tliet xhur li ġejjin dwar l-impatt ta' sħubija ta' Malta fl-UE fuq is-setturi rispettivament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qabel jiġi mfassal programm ta' laqgħat mas-settur tal-biedja w sajd, irid isir il-'Bilateral meeting' mal-Kummissjoni tal-Komunita' Ewropeja dwar l-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tal-ministeru u tad-dipartimenti li fit-tliet xhur li ġejjin jridu jmorru għad-diskussjonijiet fi Brussels minħabba l-applikazzjoni ta' Malta bħal sħubija fl-Unjoni Ewropea?
Jista' l-Ministru jgħid meta, fejn u ma' min se jsiru dawn il-laqgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-laqgħa li jmiss fi Brussels hija il-'Bilateral meeting' dwar l-Agrikoltura. Id-Delegazzjoni ta' Malta ser tkun immexxija mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta' l-Agrikoltura w Sajd u ser tkun tikkonsisti f'diversi uffiċjali tal-Gvern kif tkun il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jinformani liema huma dawk it-toroq li d-Dipartiment tal-Agrikoltura rrapporta lid-Dipartiment tar-Roads, Ambjent u/jew kunsilli lokali sabiex jiġu rranġati ħalli l-bdiewa tat-12-il distrett ma jkomplux ifarrku l-karozzi tagħhom u ċioe' jkollhom toroq aċċettabbli fejn jistgħu jġorru l-biegħa tagħhom bla inkonvenjent għall-bdiewa tal-Baħrija, Mtaħleb, Manikata, Wardija eċċ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Meta l-bdiewa jirrapurtaw ħsarat f'toroq publiċi dawn jingħataw parir sabiex jirrapurtaw lill-Kunsill Lokali jew lid-Dipartiment tat-Toroq. Meta jkun każ serju jew persistenti fuq ħsara fi triq publika użata mill-bdiewa d-Dipartiment jidħol sabiex jiġbed l-attenzjoni tad-Dipartiment tat-Toroq sabiex tiġi rranġata.
Id-Dipartiment jidħol biss għal tiswija ta' toroq jew sqaqien tal-bdiewa billi ingħataw wiċċ tal-konkos.
Liema huma dawk ix-xogħlijiet li se jsiru fil-kampanja tat-12-il distrett matul it-tliet xhur li ġejjien sabiex tissewwa l-ħsara kawżata mill-maltemp li għamel fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' nies fuq dan ix-xogħol huwa limitat ħafna. Dawn in-nies bħalissa huma okkupati fuq xogħlijiet oħra li m'humiex fit-12-il Distrett. Għat-tlett xhur li ġejjin għad hemm ħafna xogħol xi jsir fosthom f'ħitan delikati u għoljin sewwa madwar it-Tempji Neolitiċi ta' Ħal Tarxien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-biedja għall-bdiewa u raħħala ta' l-Unjoni Ewropea matul 1997, 1998 u 1999 u x'kien il-persentaġġ taż-żieda jew tnaqqis kull sena rispettivament?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi ppubblikata regolarment mill-Eurostat u tista tinkiseb faċilment mill-internet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12058?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-plakka li tfakkar il-ftuħ ta' l-ewwel fażi ma tneħħitx mid-Dipartiment iżda jidher li din ġiet misruqa billi tqaċctu l-viti li bihom kienet mwaħħla. Rapport dwar din il-ħsara sar lill-pulizija fl-għassa tar-Rabat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12057?
Response (ZAMMIT, NINU)
Saru diversi diskussjonijiet bejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar każi ta' applikazzjonijiet li jirrikjedu 'environmental impact statement'. Sa fejn hu possibli d-Dipartiment qed jgħin l-applikanti sabiex l-istatement isir. Fejn hemm konċentrazzjoni ta' applikazzjonijiet bħal ma huwa l-każ tal-Magħtab, fuq suġġeriment ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar huwa maħsub li jsir 'Environmental Impact Assessment' għaż-żona kollha. Dan jkun jista' jifforma parti mir-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li ntbagħtu jaħdmu fuq il-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa?
Meta ntbagħtu u x'inhuma x-xogħlijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tagħhom?
Xi grad għandhom dawn il-ħaddiema?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' ħaddiema li ntbagħtu fuq il-proġett kien ta' 18 fl-4 ta' Jannar 2000, 20 fil-5 ta' Jannar 2000, u 15 fis-6 ta' Jannar 2000.
Ix-xogħolijiet normali tagħhom huwa fuq id-distretti tat-Tramuntana.
Il-gradi huma:
Senior Tradesman 1
Assistant Foreman 1
Gardeners 2
General Hands 13
Impressed Drivers 2
Driver 1
Farm Operative 1
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkolat li kienet il-ħsara fil-Wied il-Qlejgħa kawża ta' l-aħħar maltemp f'ċifra ta' flus?
Liema huma x-xogħlijiet li se jsiru mill-kuntrattur u liema huma x-xogħlijiet li se jsiru mill-ħaddiema tad-dipartiment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-maltemp eċċezzjonali li għamel f'Novembru w Diċembru ssarraf f'ħafna ħsara fuq il-kampanja w ir-raba ma Malta kollha.
Fost il-ħafna postijiet li ntlaqtu kien hemm ukoll xi partijiet minn Wied il-Qlejgħa, fejn bis-saħħa ta' ilma li għamel, inġabar ammont kbir ta' materjal li jikkonsisti fil-maġġor parti tiegħu fi zkuk, ħamrija u ġebel. Dan il-materjal tkaxkar mal-wied u akkumula l-iktar f'ċerti partijiet tal-Fiddien.
Il-Ministeru tiegħi diġa ħa passi, u bgħatt ħaddiema sabiex sar ix-xogħol ta' tindif u tiswija li setgħa jsir bħalissa.
Dwar il-kumplament tal-ħsara, għad ma jista jsir xejn bħalissa minħabba fil-fatt li għad hemm wisq ilma, pero l-uffiċjali relevanti diġa ġew inkarigati sabiex jibdew jevalwaw x'tip ta' xogħol hemm bżonn isir, meta l-aħjar żmien li jibda u x'tip ta' inġenji hemm bżonn jintużaw.
Ix-xogħolijiet li jridu jsiru mill-kuntrattur huma dawk li ma jkunux jistgħu isiru bl-inġenji tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, jew ta' xi dipartiment ieħor li jista jipparteċipa f'dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk id-delegati tac-CHEAM li bħala esperti tal-biedja pparteċipaw f'isem Malta fl-okkażjoni tal-100 laqgħa tac-CHEAM li nżammet f'Malta?
X'kienu d-diskorsi tagħhom dwar il-biedja f'Malta u jista' l-Ministru jpoġġi kopja tar-rapport tal-laqgħa li saret li jiġbor fih il-veduti tal-pajjiżi membri?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Delegat ta' Malta għac-CHEAM ipparteċipa f'isem Malta.
Ma sarux diskorsi dwar il-biedja f'Malta. Ir-rapport tal-laqgħa għadu mhux uffiċjali.
B'riferenza għal 100 laqgħa tac-CHEAM li nżammet f'Malta matul l-1999, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-pajjiżi parteċipanti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-delegati ta' dawn il-pajjiżi għamlux riferenza għal proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa? Jekk iva, x'kienu l-kummenti jew ir-riferenzi li għamlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pajjiżi membri tac-CIHEAM ipparteċipaw f' din il-laqgħa.
Ma saret l-ebda riferenza għall-proġett ta' Wied il-Qlejgħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija matul l-1999? Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti sabiex jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1999 in-numru ta` persuni li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija kien ta` 133, li minnhom 79 saru permezz ta` reġistrazzjoni filwaqt li 54 saru permezz ta` naturalizzazzjoni.
Ninsab infurmat ukoll li bħalissa hemm 327 applikazzjoni li għadhom qed jiġu ipproċessati.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11965?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezzijiet mifthema għal 2,000 tunnellata patata Sante' li mistennija tkun esportata fis-sena 2000 jikkonsistu f'NLG32, NLG31.5, NLG30.5 u NLG29 kull xkora ta' 25Kgs. għal kull 500 tunnellata fil-ġimgħa, skond meta titlaq minn Malta.
Jista' l-Ministru jinformana kemm kien in-numru tal-laqgħat li saru fil-GFCM mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn u min kienu l-uffiċjali tal-ministeru jew tad-dipartiment tas-sajd li pparteċipaw? Jista'l-Ministru jpoġġi kopja tal-minuti u cioe' jgħid ukoll x'kienu l-proposti tad-dipartiment tas-sajd f'dawn il-laqgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat li saru fil-GFCM matul il-perjodu indikat kienu kif isegwi: Marzu '99 - GFCM Scientific Advisory Committee; Gunju '99 - GFCM Scientific Advisory Committee; Lulju '99 - GFCM Extraordinary General Meeting; u Lulju '99 - GFCM 24th Plenary Session.
L-Uffiċjali tal-Gvern li pparteċipaw kienu l-Ambaxxatur għall-FAO, F Montanaro Mifsud li huwa c-Chairman vigenti ta' l-assemblea tal-GFCM; is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura w Sajd, is-Sur E Gauci Borda, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd w Akwakultura, Dr A Gruppetta u l-konsulent tas-Sajd fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd w Akwakultura, is-Sur M Camilleri. L-uniku uffiċjal li kien preżenti fil-laqgħat kollha kien l-Ambaxxatur F Montanaro Mifsud.
Malta qiegħda tieħu parti attiva fi ħdan l-SAC li qiegħed jaħdem sabiex tiġi fformolata 'Management Policy' għas-Sajd fil-Mediterran. Is-Sur M Camilleri ġie appuntat bħala wieħed mill-konsulenti tal-GFCM Scientific Advisory Committee sabiex iwettaq studji neċessarji sabiex ikun jista' jintlaħaq dan il-għan. Permezz ta' din il-ħatra Malta qiegħda f'posizzjoni li tkun tista' tipparteċipa direttament fuq deciżjonijiet li jinfluwenzaw it-tip ta' sajd li jsir fil-Mediterran.
Malta ssuġġeriet li l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-pajjiżi ż-żgħar fil-budget awtonomu tal-GFCM għanda tkun minima. Id-Delegazzjoni ssuġġeriet ukoll illi jekk il-GFCM toħroġ mill-FAO, Malta hija lesta li tilqgħa lill-GFCM u l-kwartieri ġenerali tagħha.
Malta pproponiet li tilqgħa u torganizza it-"25th Plenary Session", li għanda ssir bejn id-19 u 23 ta' Ġunju 2000.
Peress li tafal li hemm mal-ġenb tal-bypass ta' l-Imtarfa, inti u niżel qed dejjem jiżbroffa fit-triq u issa naturalment jibda jiżbroffa fuq il-bankina li saret, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir ilqugħ bis-sistema tal-gabrijolini li ntużaw fuq il-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa u li huma aktar environmental friendly u kompatibbli mal-ħarsien ta' l-ambjent?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment qiegħed jara x`inhu l-aħjar li jsir f`dan ir-rigward biex ma jkunx hemm periklu fit-triq u fl-istess ħin l-ambjent ikun salvagwardjat.
B'riferenza għat-tweġiba tal-Ministru dwar l-ilment fuq ix-xogħlijiet li qed isiru fuq il-bypass fil-mument, jista' l-Ministru jinfurmani meta rċieva l-ittra/fax mill-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar ix-xogħlijiet fuq il-bypass? X'follow up sar fuq din l-ittra/fax tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u meta saru u x'ġie diskuss? Meta huwa pprogettat li jiġu ffinalizzati x-xogħlijiet fuq din il-bypass u kemm swew f'ċifra ta' flus s'issa x-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li d-Dipartiment ma rċieva l-ebda ittra/fax mill-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar ix-xogħolijiet imsemmija, u għalhekk ma kienx hemm passi x`jittieħdu.