Dipartiment għall-Ambjent — Koperattivi Nazzjonali tal-Bdiewa
Question
Jista' l-Ministru jinfurmana kemm saru laqgħat bejn id-Dipartiment għall-Ambjent u l-koperattivi nazzjonali tal-bdiewa, raħħala/ produtturi u sajjieda matul l-1999 sabiex ikunu stabbiliti l-bidliet li jridu jsiru sabiex is-setturi lokali tal-biedja u sajd ikunu konformi mar-regoli, direttivi u liġijiet ta'l-ambjent ta' l-Unjoni Ewropea? Meta saru dawn il-laqgħat mal-koperattivi u liema huma l-iżvantaġġi li l-aktar li se jolqtu ħażin lil dawn is-setturi skond il-liġijiet eċċ. preżenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa issa l-obbligi ambjentali fir-rigward tas-settur tal-biedja ġew diskussi mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każjiet ta' deni rqieq irrapportati fl-isptarijiet lokali matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' każijiet ta' deni rqiq rappurtati f'Malta, sena b'sena mill-1990, huma kif indikati fit-tabella hawn taħt:
Sena Nru. ta' każijiet
_________________________________
1990 21
1991 7
1992 7
1993 6
1994 8
1995 227
1996 18
1997 1
1998 4
1999 -
__________________________________
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12173 tal-15 ta' Diċembru, 1999 dwar il-bypass ta' l-Imtarfa, jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi u/jew il-konsiderazzjonijiet li saru s'issa? Meta huwa pprogrammat li jkun hemm deċiżjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
M'hemm xejn x'inżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12023.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għaċ-ċittadinanza Maltija li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta` talbiet għaċ-ċittadinanza Maltija li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar għaxar snin huwa kif jidher hawn taħt :
SENA NUMRU TA` TALBIET
---- -----------------
1990 3
1991 16
1992 15
1993 19
1994 10
1995 16
1996 16
1997 30
1998 28
1999 39
Jista' l-Ministru jinfurmana xi programm qed iħejji d-Dipartiment tal-Biedja għall-agrikultura fil-gżejjer għal matul din is-sena? Kemm se jiġu organizzati laqgħat għal beekeepers Maltin u Għawdxin? Kemm huwa n-numru ta' beekeepers reġistrati f'Malta u f'Għawdex fil-mument? X'tip ta' mard ġie reġistrat fuq in-naħal matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jalludi għat-Trobbija tan-Naħal, hemm programm imħejji ta' tifqis ta' rġejjen, li wara li jiġu ppruvati f'dak li hu ammont ta' bajd, ħruxija, saħħa etc., jiġu mogħtija lil dawk il-produtturi li kellhom, jew għandhom il-marda ta' l-American foulbrood, jew Regina waħeda jew Ferħ żgħir (nucleus) b'reġina ġdida. Dawk li jkunu jridu jixtru jagħmlu dan permezz tal-proċeduri normali.
Laqgħat jiġu organizzati minn żmien għal żmien. Saret laqgħa għal dawk li xtraw il-friegħ biex isiru jafu kif għandhom jaġixxu ħalli ma jitilfux kollox. Saret laqgħa oħra għal dawk li xtraw l-irġejjen, biex isiru jafu kif jintroduċuhom. Fis-26 ta' Jannar ta' din is-sena, sejra ssir laqgħa oħra f'Malta, u għaddejjin diskussjonijiet biex issir oħra f'Għawdex fl-istess xahar.
In-numru ta' beekeepers reġistrati f'Malta huwa 142, u dawk f'Għawdex huma 80.
Il-mard reġistrat f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar għaxar snin hu kif ġej:
1990 - American Foulbrood, Nosima u Bee paralysis;
1991 - American Foulbrood;
1992 - American Foulbrood, Nosima u Varroa Jacobsnii;
1993 u 1994 - American Foulbrood, Varroa Jacobsnii u Chalk brood;
1995 sa 1999 - American Foulbrood, Varroa Jacobsnii, Chalk brood u Nosima.
B'riferenza għall-ftehim li sar bejn il-Gvern Laburista preċedenti u l-FAO sabiex jiġi attwat programm nazzjonali għall-iżvilupp tal-biedja fil-gżejjer tagħna, irrispettivament minn jekk Malta tkunx membru jew le ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-esperti li ġew Malta mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn, x'rakkmandazzjonijiet għamlu u jekk bdewx jiġu attwati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li ssottomettew? Jista' jgħid ukoll x'esperti mistennija jżuru Malta din is-sena, abbażi ta' dan il-ftehim?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għall-korrettezza, il-ftehim li sar bejn il-Gvern Laburista preċedenti u l-FAO ma kellux 'l-iskop li jiġi attwat programm nazzjonali għall-iżvilupp tal-biedja fil-gżejjer tagħna, irrispettivament minn jekk Malta tkunx membru jew le ta' l-Unjoni Ewropeja', iżda kien proġett intitolat 'Advice on Selected Agricultural Policy Issues'.
L-esperti li ġew Malta mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienu dawn:
Mr Gerard Gagnon
Mr Dick Quik
Mr Richard Roberts
Mr Paul Munro-Faure
Mr Tomasz Lone
Dawn l-esperti kellhom diversi laqgħat ma' uffiċjali tal-Gvern u ma' diversi rappreżentanti ta' għaqdiet tal-bdiewa, koperattivi u industriji privati.
Dawn l-esperti ma ssottomettew l-ebda rapport individwali iżda huwa mistenni li 'l quddiem jiġi sottomess rapport finali wieħed li jkun jikkomprendi l-pariri tad-diversi esperti.
Għad ma hemm l-ebda pjan ta' viżiti ta' dawn l-esperti għal din is-sena.
Minkejja li beda seklu ġdid ir-residenti ta' Għar Barka għadhom qed jistennew li jsiru l-kuntratti uffiċjali tad-djar tagħhom li kienu ħarġu taħt l-iskemi tal-gvern fl-1980, jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jinvestiga u jawtorizza kif dan il-bżonn ta' 'l fuq minn 180 familja jiġi rimedjat bla aktar telf ta' żmien? Peress li r-residenti msemmija ħallsu wkoll iċ-ċnus tagħhom, jista' jara li fi Frar 2000 isiru dawn il-kuntratti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-akkwist ta' l-artijiet li tqassmu f'HOS plots isir mill-Lands Department. Biex l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tiffinalizza l-kuntratt mal-benefiċjarji tagħha, trid ikollha t-titolu legali fuqha li jiġi trasferit lilha mill-Lands Department. Sallum dan għadu ma sarx.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-kirja bir-riferenza RO53497 saret Lm469 fis-sena minn Lm181 fis-sena? Jista' jikkunsidra li jipprovdi xi assistenza peress li l-familja mhux f'pożizzjoni li tkompli tħallas din il-kera?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul mill-VRT għall-Gvern is-sena li għaddiet? Kemm qed jipproġetta li jdaħħal il-Gvern għal din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi d-dħul mill-VRT għall-Gvern is-sena li għaddiet kien ta` Lm52,755 miġbura f`administration charges. Għal din is-sena, huwa stmat li l-Gvern se jdaħħal Lm135,000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-każi ta' velenu fl-ikel irrapportati fl-Isptar San Luqa matul l-1999? F'liema xhur tas-sena u x'irriżulta mill-investigazzjonijiet? X'passi ttieħdu u qed jittieħdu sabiex dan ikun aktar ikkontrollat?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista'l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' żgħażagħ fid-Dipartiment tal-Biedja, Sajd u Akwakultura li se jmorru għal taħriġ barra minn Malta matul din is-sena sabiex jaġġornaw u jitħarġu aktar fl-aħħar żviluppi li saru fis-setturi rispettivi? Kemm huwa l-vot tal-Ministeru għal dan il-għan?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru jieħu ħsieb li jibgħat żgħażagħ mid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu kull darba li tinħoloq xi opportunita' biex dawn imorru jitħarrġu barra minn Malta.
Fil-preżent 'Scientific Officer' mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura qiegħda tagħmel kors qasir dwar l-Impatt Ambjentali fuq 'Fish Farms' fil-Mediterran. Il-Quddiem se jintbagħtu uffiċjali żgħażagħ oħra mill-istess dipartiment biex jagħmlu korsijiet qosra dwar it-Tonn.
Il-vot tal-Ministeru għal taħriġ f'Malta u barra huwa ta' Lm5000 iżda xi drabi jinħolqu wkoll opportunitajiet ta' boroż ta' studju.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12172, jista' l-Ministru jinfurmana kemm saru laqgħat mal-koperattivi tas-sajjieda u mas-sajjieda sabiex jiġi spjegat lilhom il-progress li sar rigward l-industrija tas-sajd fil-GFCM? Meta saru u x'punti ġew proposti mis-sajjieda u/jew mill-koperattivi tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minħabba li d-diskussjoni prinċipali fil-GFCM hija fuq il-budget awtonomu ma hemmx x'jiġi diskuss mas-sajjieda. Peres li fl' 24 Laqgħa anwali li saret f'Ġunju 1999 ma kienx hemm quorum, ma ħadux deċiżjonijiet u d-diskussjoni prinċipali kienet fuq kif ser jinasam il-budget awtonomu.
Din id-diskussjoni ser titkompla f'Malta fil-25 Laqgħa anwali f'Ġunju li ġej.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma l-arretrati f'ċifra ta' flus li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jrid jiġbor sabiex ikunu regolati l-pagamenti tal-bolla tas-sigurta' nazzjonali tal-ħaddiema sa sena 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa Diċembru ta' l-1997, kien hemm arretrati ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali fl-ammont ta' Lm45,000 dovuti minn korporazzjonijiet u kumpaniji li fihom il-gvern għandu sehem. Dan l-ammont hu dovut kollu minn kumpaniji li huma fl-istadju ta' likwidazzjoni.
Kien hemm ukoll ammont ta' madwar Lm6.0m dovuti minn kumpaniji oħra. Fir-rigward ta' individwi privati li jaħdmu għal rashom, l-ammont dovut ma jistax jiġi stabbilit peress li l-kontribuzzjoni dovuta tiddependi minn dħul ta' l-individwu fis-sena. Għaldaqstant, jekk wieħed ma jkunx jaf kemm hu d-dħul, ma jistax jiġi kkalkolat l-ammont ta' kontribuzzjoni dovuta. Illum dan l-ammont niżel għal madwar Lm5.5m.
Fir-rigward tas-snin 1998 'hawn, mhux possibbli li tingħata l-istess informazzjoni mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, għaliex b'effett mill-1 ta' Jannar, 1998 ir-responsabilita' ta' ġbir u l-infurzar għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għadda f'idejn id-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kundizzjonijiet, regoli, liġijiet u direttivi li trid tkun konformi magħhom l-industrija lokali tal-majjal, qabel u wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea? Liema huma l-kundizzjonijiet ta' l-ambjent li trid tkun konformi magħhom din l-industrija?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regoli, direttivi u liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea li jridu jkunu konformi magħhom l-industrijalisti lokali ta'l-imbejjed, qabel u wara li nsiru membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Bdiewa/Raħħala/Sajjieda — Bolla tas-sigurta' nazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li bbenefikaw mill-għajnuna fuq il-bolla tas-sigurta' nazzjonali matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'se tkun il-pożizzjoni tal-bdiewa, raħħala u sajjieda rigward dan il-benefiċċju, wara li nsiru membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li bbenefikaw mill-għajnuna fuq il-bolla tas-sigurta' nazzjonali matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena huwa kif ġej:
1994 1122
1995 1164
1996 1159
1997 1302
1998 1219
Ir-regolamenti ta' l-Unioni Ewropeja dwar l-Agrikoltura ma jaffettwaw bl-ebda mod dan il-beneficcju. Rigward is-sajjieda dan il-beneficcju jrid jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunita' Ewropea.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12097 bl-informazzjoni li tkopri s-sena sħiħa?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub għal perijodu mill-1 ta` Jannar ta` l-1999, sat-13 ta` Diċembru 1999, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12097, filwaqt li għal perijodu mill-14 sal-31 ta` Diċembru, 1999, ninsab infurmat li l-imwiet fatali li seħħew kienu 2 u ġraw kawża ta` inċidenti tat-traffiku.
B'riferenza għall-korrispondenza ta' l-20 ta' Marzu, 1999 dwar RO53497, peress li l-familja in kwestjoni rrapportat dħul ta' Lm4,680.95 flok dħul ta' Lm4,458.94, jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmana għaliex din il-familja li rrapportat qliegħ ta' Lm232 fuq is-sentejn ta' qabel ġiet mitluba tħallas il-kera ta' Lm469 flok Lm181 li kienet tħallas qabel? Peress li l-familja ma taffordjax dawn l-ispejjeż, jista' jinvestiga biex tinsab soluzzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena nfurmat li s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat hu korrett u inħadem skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru li d-dħul dikjarat ma jaqbilx maċ-ċifri kwotati f'din il-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jinformana x'kienu l-varjetajiet ta' ħxejjex u frott li ddaħħlu fil-pitkalija ċentrali matul l-1999? X'kien it-tunnellaġġ u l-prezz medju, prodott prodott?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12088 għall-perijodu ta' Diċembru, 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul Diċembru ta` l-1999, il-Pulizija kellha 89 rapport ta` serq minn bars, hotels u retail outlets. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu tressqu l-Qorti 9 persuni in konnessjoni ma` dan it-tip ta` reat.