Peress li taxpayer 131654 (M) qed jistenna li jingħata l-pagamenti dovuti lilu għal taxxa żejda li ħallas matul is-snin, u peress li jeħtieġ urġentement dawn il-pagamenti, jista'l-Ministru ġentilment jara li jiġu mħallsa? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzatt mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' typhus irrapportati fl-isptarijiet lokali f'Malta u f'Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-każijiet ta' typhus irrappurtati fl-isptarijiet kienu kif ġej:-
Sptar San Luqa Sptar Boffa Sptar Monte Karmeli
__________________________________________________ ___
1995 25 0 0
1996 16 0 0
1997 24 1 0
1998 32 0 0
1999 31* 0 0
* Minn l-1 ta' Jannar 1999 sat-30 ta' Novembru 1999
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fuq is-Saħħa jirċievi informazzjoni fuq l-Isptar San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Boffa, iżda ma jirċeviex informazzjoni dwar Sptarijiet oħra f'Malta u f'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid min se jibda jħallas lill-ispetturi barranin li jridu jispezzjonaw kull qabda tal-ħut tas-sajjieda Maltin u Għawdxin wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea? Jikkonferma l-Ministru li ebda sajjied Malti ma jkun jista' jdaħħal ebda ħuta fis-suq lokali qabel tkun ġiet spezzjonata minn dawn l-ispetturi ta' l-Unjoni Ewropea? Jekk iva, kemm saru laqgħat mal-koperattivi dwar dan u x'ġie spjegat lis-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li normalment l-ispezzjonijiet fuq territorju jsiru minn 'inspectors' ta' dak it-territorju fuq bażi regolari u MHUX min barranin. Huma stabbilimenti u dgħajjes li darba kultant jiġu ispezzjonati mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropeja.
L-Onor. Interpellant għandu jibda jiċċekkja l-fatti qabel ma jibbaża domandi fuq informazzjoni ħażina.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-arretrati f'ċifra ta' flus li jrid jiġbor id-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'arretrati ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurta'soċjali għas-sena 1998 u 1999? Kemm mill-arretrati huma ta' korporazzjonijiet u kumpanniji li fihom il-gvern għandu sehem?
Response (DALLI, JOHN)
1. L-arretrati f`ċifra ta` flus li trid tinġabar mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ta` kontribuzzjonijiet tas-Sigurta` Soċjali għas-sena 1998 hija ta` iċ-ċifra is-somma ta` Lm108,216 hija dovuta f`arretrati għal-1998 minn kumpanniji li l-Gvern għandu sehem fihom.
2. Iċ-ċifra ta` arretrati għall-istess kontribuzjonijiet għas-sena 1999 għadha mhux magħrufa minħabba li d-dokumenti li kellhom jintbagħtu sa l-aħħar ta` Jannar 2000, għadhom qed jiġu ipproċessati.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 12675 u l-fatt li sajjieda Maltin u Għawdxin jenħtieġu immedjatament li jispiċċa l-użu ta' l-ajruplan u xibka in kwestjoni fis-sajd tat-tonn ħalli fl-istaġun li ġej ma jkunux żvantaġġjati ma' sajjieda Mediterranji li jistadu llegalment għat-tonn, jista' l-Minstru jitlob li ssir laqgħa urġenti u jekk hemm bżonn anke jiffinanzjaha l-gvern fid-dawl li jkunu rispettati r-regoli tal-ħarsien ta' l-ambjent u tas-sajjieda tal-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi miżuri ta' din ix-xorta jiġu attwati wara li jkunu tressqu riżoluzzjonijiet għal dan il-għan lill-ICCAT u ħadd mill-membri ma joġġezzjona għalihom. L-aħħar sett ta' riżoluzzjonijiet fuq l-użu tax-xibka u l-ajruplan fis-sajd tat-tonn bix-xibka kienu:
* L-użu tax-xibka fil-Mediterran huwa projbit bejn l-1 ta' Awissu sal-31 ta' Awissu.
* L-użu ta' ajruplani jew 'helicopters' fis-sajd huwa projbit fil-Mediterran fix-xahar ta' Ġunju.
Dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet ġew addottati mill-ICCAT fil-meeting li sar Spanja bejn it-22 u d-29 ta' Novembru 1996 fuq suġġerimenti li kienu saru fl-1994 u fl-1995. Dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet kellhom effett mill-4 ta' Awissu 1997.
Fl-1998 l-ICCAT resqet rakkomandazzjonijiet oħra li fosthom ġie mibdul il-perjodu tal-projbizzjoni tal-użu tax-xibka fil-Mediterran għall-perjodu bejn is-16 ta' Lulju sal-15 ta' Awissu.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li sal-lum aħna OSSERVATURI biss tal-ICCAT u mhux membri sħaħ. Għaldaqstant m'għandniex il-fakulta li nivvutaw fuq rakkomandazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12689? B'riferenza għaċ-ċertifikat taċ-ċanga, x'kienu r-raġunijiet li tneħħa?
Ġiet ikkonsultata l-Meatsellers Association?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iċ-ċertifikati ta' xiri taċ-ċanga għadhom jingħataw lil min jitlobhom u mhux kif qed jallega l-Onor. Interpellant mingħajr ma jiċċekja l-fatti, kif għandu ħabta jagħmel. Kieku qara r-risposta li jiena tajt għad-domadi tiegħu stess numru 7252 u 8235, ma kienx jibbaża d-domanda tiegħu fuq informazzjoni żbaljata.
Bdiewa/Sajjieda/Raħħala — Bolla tas-sigurta' nazzjonali
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12,556, jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala/produtturi u sajjieda sena b'sena li ħadu s-sussidju tal-bolla (NI)?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba diġa ġiet mogħtija lilu stess fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 12556.
Jista'jkun li l-Onor. Interpellant ma qarax ir-risposta. Jista' jkun ukoll li għandu l-idea żbaljata li "għajnuna fuq il-bolla tas-sigurta nazzjonali
(PQ 12556) u "s-sussidju tal-bolla (NI) li qed isemmi hawnhekk huma differenti. Fil-fatt huma l-istess ħaġa. Kieku fittex qabel staqsa, ma kienx jaħli domanda.
Peress li l-maltemp kkawża ħafna ħsarat fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jara li jsir programm ta' għoti tat-tarmac f'din il-lokalita'? Jista' jara li f'dan il-programm ta' għoti ta' tarmac f'San Pawl il-Baħar jinkludi toroq Romano Perellos, Emanuele Pinto, Jean de la Valette? Jista' jgħid kemm-il metru tarmac ingħata f'San Pawl il-Baħar matul l-1997, 1998 u 1999?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq indikati huma parti minn xogħol ippjanat fl-inħawi ta` San Pawl il-Baħar.
L-ammont ta` `hot asphalt` li ngħata f`san Pawl il-Baħar fis-snin indikati hu kif ġej:
1997 - 1660m
1998 - 800m
1999 - 2474m
Tajjeb wieħed jinnota li fit-tul ta` `tarmac` li sar fl-1998 irid jerġa jinqala gandott li minnu jgħaddi cable ta` l-Enemalta u ieħor tal-Melita Cable. Dan kien diġa magħruf qabel sar ix-xogħol fl-1998. Fl-istess ħin, hemm tul ta` 400m fix-xogħol li sar fl-1999 li fihom trid tinbidel is-sistema tad-drenaġġ.
Peress li f'mistoqsija parlamentari numru 12,558 l-Viċi Prim Ministru qal li l-kalkoli huma ħżiena, qed nibgħat kopja tal-P3 tas-sena 1996 u 1997, u għalhekk jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga mill-ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li erġajt tlabt lid-Dipartiment ikkonċernat sabiex jerġa' jaħdem is-sussidju rriżulta li m'hemm ebda żball. Għalhekk, m'għandi xejn x'inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12588.
Peress li l-Ministru fil-ġurnal "The Times" ġie rrapportat li qal li l-CFP mhux se ġġib problemi għaliex, nikkwota l-kliem eżatt; "There are mechanisms in place and mechanisms planned which safeguard the livelihood of the Maltese fishermen", jista'l-Ministru jgħid x'inhuma dawn il-"mechanisms" li l-Ministru qed jirriferi għalihom u jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi fost il-mekkaniżmi li għalihom kont qiegħed nirreferi kemm dawk li jinġabru flimkien taħt il-"Financial Instrument for Fisheries Guidance".
Ma dawn ġew amalgamati miżuri oħra mill-"Aġenda 2000". Wara li jsiru n-negozjati nkun f'posizzjoni li nagħti d-dettalji tal-pakkett kollu.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Ministeru se jipproteġi l-ibħra Maltin u s-sajjieda Maltin u Għawdxin mill-"quota hoppers" li jkollhom il-permess jistadu skond "agreed quota (TAC)" li 'l quddiem l-Unjoni Ewropea timponi fuq is-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nibda billi ninforma lill-Onor Interpellant illi "TAC" tfisser "Total Allowable Catch" u mhux "Agreed Quota" kif qed jgħid hu mingħajr ma fittex qabel qalha.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-"TAC`s" jiġu ffissati kull sena mill-Kunsill tal-Ministri li jiltaqgħu għal dan il-għan kull Diċembru. Id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq rakkomandazzjonijiet li jkunu riżultat ta` studji xjentifiċi miġbura minn organizazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali bħall-"International Council for the Exploration of the Sea" (ICES). Ikun involut ukoll is-"Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries" (STECF), kompost minn esperti ta` kull pajjiż membru. Fil-Mediterran l-unika kwota li teżisti hija dik tat-tonn hu din hija stabbilita mill-"International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna" (ICCAT) u mhux mill-Kummissjoni Ewropeja. Malta tosserva r-regolamenti u r-riżoluzzjonijiet tal-ICCAT.
L-Unjoni Ewropeja għandha proċedura li permezz tagħha tistabilixx TAC's għall-ċertu ħut li jinqabad fl-Atlantiku u MHUX fil-Mediterran. Fil-Mediterran teżisti kwota fuq it-tonn biss li hi ffissata mill-ICCAT u adottata mill-Kummissjoni Ewropeja.
Peress li l-exclusion zone tal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea huma biss 12-il mil, jista'l-Ministru jgħid kif Malta se żżomm il-25 mil tal-kosta tas-sajd tagħha, wara li ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tad-domanda tal-istess interpellant numru 11638.
Peress li l-EU Regular Report qal, u nikkwota eżatt: "No progress in aligning legislation to the acquis has been reported" u sostna li hemm bżonn "a major reform of admistrative structures" , jista' l-Ministru jispjega kemm se jiswew fi spejjeż lill-Gvern Malti dawn ir-rfiormi mposti mill-Unjoni Ewropea u minn fejn se jiġu l-fondi kollha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ħafna mill-leġislazzjoni ġiet abbozzata u l-amministrazzjoni qed tiġi msaħħa. Il-Gvern qed iħejji pjan nazzjonali dwar dan li jinkludi pjan ta` finanzjament għall-miżuri neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1998 u l-1999?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni matul l-1998 u l-1999 huwa 293 u 313 rispettivament.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat-tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13170 li saret lill-Prim Ministru.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Ħaddiema li spiċċaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1998 u l-1999?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li matul l-1999 ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta` ħaddiema Maltin u Għawdxin li
spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartiment fil-Ministeru għat-Trasport
u Komunikazzjoni matul l-1998 u l-1999 huwa 24 u 32 rispettivament.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13170 magħmula lill-Prim Ministru.
Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali — Ħaddiema li spiċċaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1998 u l-1999?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li matul l-1999 ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` ħaddiema Maltin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartimenti li jaqghu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Gustizzja u Gvern Lokali matul l-1998 u l-1999 huwa 50. Impjegati Ghawdxin ma kienx hemm.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi it-trasferimenti li saru fl-1999.
Wara l-elezzjonijiet generali tal-1998, l-istaff tal-Private Secretariat - Ufficcju tal-Ministru, ġie mibdul kif isir ma kull bidla ta` Gvern. Dan it-tibdil huwa apparti l-figuri li qed naghti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu mid-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1998 u l-1999?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li matul l-1999 ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li b'kollox kien hemm 155 ħaddiema fil-Ministeru għal Għawdex li spiċċaw jaħdmu matul il-1998 u l-1999 kif ukoll ħaddiema ieħor li kien trasferit għal Ministeru ieħor matul l-1999.
Din l-informazzjoni hija skedata hawn taħt, dipartiment b'dipartiment:
Dipartiment Ħaddiema li spiċċaw Ħaddiema trasferiti għal
matul l-1998 u l-1999 dipartimenti f'Ministeri
oħra
Servizz i
Korporattivi xejn xejn
Customer Services 101 1
Proġetti u Żvilupp 54 xejn
Jista' l-Minsitru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1998 u l-1999?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li matul l-1999 ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li n-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru (tal-Ministeru tat-Turiżmu) matul l-1998 u l-1999 huwa 11 u 11 rispettivament.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta mogħtija mill-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13170.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-uffiċċju tal-Prim Ministru matul l-1998 u l-1999?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li matul l-1999 ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru matul l-1998 u l-1999 huwa 111 u 62 rispettivament.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi t-trasferimenti li saru fl-1999 bejn il-Ministeri kollha.