Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet ġodda li saru matul Jannar u Frar ta' din is-sena għal benefiċċju ta' l-SKA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet ġodda li saru matul Jannar u Frar ta' din is-sena għall-Għajnuna għal Mard kien ta' 261.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħħal aktar id-dipartiment tas-sigurta'soċjali fi ħlas ta' NI mingħand il-ħaddiema taċ-Ċivil matul Jannar u Frar ta' din is-sena? Kemm kien il-ħlas fl-istess perijodu għas-sena 1997?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul Jannar u Frar ta' din is-sena kien hemm Lm623,089 u Lm204,363 dħul aktar rispettivament minn kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali dovuti minn ħaddiema mpjegati mal-Gvern.
Id-dħul għall-istess xhur matul l-1997 kien ta' Lm1,754,932 u Lm1,739,298 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' priġunieri li talbu l-għajnuna medika matul Jannar u Frar ta' din is-sena? X'mard kellhom u kemm minnhom ntbagħtu l-isptar għal kura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul Jannar u Frar tas-sena 2000, in-numru ta` priġunieri li talbu għajnuna medika kien ta` 1,189, li minnhom 147 intbagħtu l-isptar għal kura.
Dwar x`tip ta` mard kellhom dawn il-priġunieri, din l-informazzjoni hija ta` natura kunfidenzjali u professjonali u ma nħossx li għandha tiġi ppubblikata.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikompli jitrattjeni sabiex jirritorna lura l-venda tat-trasport pubbliku fir-Rabat u fi Triq Santa Rita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Sa fejn naf jien il-venda tat-trasport pubbliku qatt ma tneħħiet mir-Rabat kif qed jallega l-Onor. Interpellant. Minbarra hekk fid-data meta saret id-domanda kienet diġa` bdiet titħaddem is-sistema l-ġdida tal-venda fir-Rabat, liema sistema rritornat il-venda (in parti) fi Triq Santa Rita.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi, akkademiċi Arab u Afrikani li jkunu qed jivjaġġjaw u jużaw l-ajruport internazzjonali ta' Malta għad-destinazzjoni tagħhom qed jingħataw permess ta' 24 siegħa u/jew tliet ijiem biss sabiex joqogħdu Malta?
Minn meta bdiet topera din il-policy u x'inhuma r-raġunijiet?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onor. Interpellant, barranin ta` diversi nazzjonalitajiet jużaw l-ajruport internazzjonali ta` Malta biex ikomplu il-vjaġġ tagħhom għal destinazzjonijiet oħra. Meta dawn il-barranin ikollhom bżonn ta` visa, dawn normalment jitolbu visa għall-perijodu li jkunu ser idumu Malta, qabel ma jkomplu l-vjaġġ tagħhom. Din il-visa tingħata għal dak il-perijodu, kemm-il darba dawn il-barranin jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha biex joqgħodu hawn u biex jidħlu fil-pajjiż fejn ikunu sejrin. Jekk ma jkollhomx bżonn ta` visa biex jidħlu Malta jingħataw permess joqgħodu hawn sal-jum meta jkunu ser ikomplu l-vjaġġ tagħhom, u dan jingħata fuq talba tagħhom u jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa fosthom dawk rikjesti mill-pajjiż fejn ikunu sejrin.
Barrani jista` jitlob ukoll 'transit visa' li l-perijodu tagħha jiskadi wara erbgħa u għoxrin siegħa.
Barrani jista` wkoll jasal Malta u jitlaq għal destinazzjoni oħra fl-istess jum mingħajr ma jħalli l-ajruport, u f`każ bħal dan ma jkollux bżonn ta` visa.
Dawn l-arranġamenti ilhom jeżistu għal diversi snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' persuni barranin li matul Jannar u Frar ta' din is-sena ma tħallewx jidħlu Malta wara li waslu fl-ajruport internazzjonali lokali?
X'kienu r-raġunijiet u ta' liema nazzjonalita' kienu dawn il-persuni barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li dawn il-291 persuna li waslu f`Malta bl-ajru ma tħallewx jidħlu f`Malta peress li kien jidher li m`humiex viżitaturi bona fede.
B'riferenza għat-talba ta' ċimiterju għal komunita' Islamika f'Malta, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi?
Liema huma dawk is-siti li qed jiġu kkonsidrati għal dan il-bżonn tal-komunita' Islamika f'pajjiżna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14650, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit li bħalissa qed jiġi kkunsidrat għal bżonn tal-komunita` Islamika bħala Ċimiterju, huwa dak fi Triq Kordin, Paola (Raħal Ġdid). L-applikazzjoni ġiet ikkunsidrata mill-'General Services Board', fejn ġie deċiż li ma` hemm l-ebda oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni fir-rigward ta` Saħħa Pubblika.
B'riferenza għall-aħħar inċidenti fatali li seħħew fit-Taqsima tad-Drenaġġ tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jista' l-Ministru jgħid x'apparat u lbies ta' protezzjoni nxtara matul Jannar u Frar sbiex ikunu protetti aħjar ħajjet il-ħaddiema f'din is-sezzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat u lbies protettiv inxtara matul l-istess perjodu sabiex jintuża minn ħaddiema ta' dipartimenti oħra fl-istess dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ bħalissa qiegħed jipprepara 'specifications' biex ikun jista' jixtri l-apparat kollu li hemm bżonn. Dan ix-xogħol issa qiegħed fil-fażi finali u d-Dipartiment dalwaqt ikun f'pożizzjoni li jagħmel l-ordni meħtieġa.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, id-Dipartimenti kollha diġa' xtraw jew qegħdin jixtru l-apparat neċessarju waqt li l-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (B.I.C.C.) qed iniedi kampanja sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol permezz ta' 'Safety Bus'.
Matul l-1999, il-Kunsill nieda kampanji bl-istess għan li kienu jikkonsistu f'billboards u video clips fuq it-televiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara saret mill-uffiċjali tad-dipartiment sabiex jiġi spezzjonat l-produzzjoni tal-ħaxix frisk fil-Pitkalija Ċentrali matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Meta saru, minn kienu l-uffiċjali u x'kienu r-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'hux ċar għal x'hiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant. Bħal ma jaf sewwa hu, qatt ma saru spezzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-ħaxix frisk fil-Pitkalija Ċentrali. Jekk l-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku nkun nista' nagħtih risposta aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żjarat li l-uffiċjali tad-dipartiment għamlu sabiex jispezzjonaw il-varjetajiet Alpha u Sante' għall-esportazzjoni matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Meta sar, fejn, kemm instabet ħsara u f'liema varjeta'? X'kienu r-riżultati b'mod ġenerali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bħas-soltu, din is-sena l-Fergħa tal-Pariri Tekniċi tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, irċeviet diversi lmenti mill-bdiewa li fosthom kienu jinkludu wkoll dwar il-patata taż-żriegħ. S'issa l-uffiċjali ta' dawn il-fergħat għamlu 22 rapport dwar 25 ilment li 5 minnhom kienu solvuti u l-oħrajn għadhom qegħdin jiġu nvestigati. Mill-ilmenti li saru jidher li dawn jikkonċernaw madwar 20/25 tunellata Alpha li kienet impurtata mid-Dipartiment fil-bidu ta' Novembru li għadda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa fil-fatt l-investiment li sar fil-farm esperimentali sabiex ġiet stallata s-sistema l-ġdida tal-punch clock tal-ħaddiema?
Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u uffiċjali li jridu jkunu konformi ma' din is-sistema ġdida, u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema u uffiċjali li m'humiex suġġett ta' dawn l-istess kondizzjonijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
a) Ninsab infurmat li s-sistema l-ġdida tal-punch clock, magħrufa aħjar bħala 'Time and Attendance Hand Identity Verifier' ġiet tiswa Lm1,239,13. Ma' din is-somma ntefqu Lm90 għal xogħol ta' tħaffir in konnesjoni ma' l-istallazzjoni ta' din is-sistema.
b) In-numru ta' ħaddiema li jużaw it-Time and Attendance Hand Identify Verifier huwa 140. 78 impjegati oħra jiffirmaw fuq l-attendance sheet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Kemm kien in-numru ta' passiġġieri li qasmu fl-istess perjodu għas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet għaliex ma reġax ġie rratifikat il-protocoll ta' koperazzjoni fl-oqsma tal-biedja u s-sajd bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan li kien sar f'Ġunju ta' l-1997?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex se jirratifika dan il-protocoll?
Jekk iva, meta u kemm saru diskussjonijiet mal-awtoritajiet Libjani mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn dwar dan il-għan, meta u fejn?
Response (BORG, JOE)
L-imsemmi Protokoll ma jikkontemplax il-bżonn ta' ratifika.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li ddaħħlu fid-djar ta' l-anzjani ta' l-Istat matul Jannar u Frar li għaddew? Kemm fil-fatt huwa numru ta' anzjani fil-waiting list preżentement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul Jannar u Frar li għaddew in-numru ta' anzjani li daħlu fid-Djar ta' l-Anzjani ta' l-Istat huwa 38. In-numru ta' anzjani fil-"waiting list" preżentement huwa 707.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li qed jimmodernizzaw għas-sistema organika li matul Jannar u Frar ta' din is-sena talbu għajnuna u/jew applikaw għal sussidju fuq l-investiment li se jagħmlu?
Kemm huwa kkalkolat li jiswa l-investiment imsemmi u f'liema qasam ta' produzzjoni u modernizzazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li ebda bidwi ma talab għajnuna finanzjarja jew sussidju għall-applikazzjoni tas-sistema organika. Iżda jingħata sussidju kull sena lill-dawk il-bdiewa li japplikaw is-sistema tal-'Integrated Pest Management'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li matul Jannar u Frar ta' din is-sena talbu għajnuna u/jew applikaw għal sussidju fuq l-investiment li se jagħmlu?
Kemm huwa kkalkolat li jiswa l-investiment isemmi u f'liema qasam ta' produzzjoni u modernizzazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-fatt li din id-domanda hija ripetezzjoni, kelma b'kelma tal-Mistoqsija Parlamentari numru 14603 li għamel hu stess fl-istess ġurnata. Għaldaqstant nirreferih għar-risposta li tajt għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla tal-majjal għax-xahar ta' Jannar u Frar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qatla tal-majjal għall-Malta u Għawdex f'Jannar u Frar ta' din is-sena kienet kif indikat hawn taħt :
Jannar 10,501 Karkassi
Frar 10,558 Karkassi
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla tal-għoġġiela għax-xahar ta' Jannar u Frar?
Kemm kien it-tunnellaġġ ta' canga li mar għall-iskema tal-BIS fl-istess perjodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-qatla ta' l-għoġiela f'Jannar u Frar ta' din is-sena kienet ta' 317 u 236 rispettivament.
It-tunnellaġ taċ-ċanga taħt il-BIS li ttieħed fl-istess xhur kien ta' 50 u 41 tunnellata rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid x'esperimenti saru fil-farm ta' l-Għammieri matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Kemm huwa n-numru ta' uffiċjali u assistenti responsabbli minn dawn l-esperimenti?
X'riżultati nkisbu u xi żviluppi ġew komunikati mal-bdiewa abbażi ta' dawn ir-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat mill-uffiċjal xjentifiku responsabbli mit-tmexxija ta' l-Għammieri li matul ix-xhur ta'Jannar u Frar ta' din is-sena saru diversi esperimenti fil-farm ta' l-Għammieri. Bosta minn dawn l-esperimenti jkunu kontinwazzjoni u/jew ripetizzjoni ta' esperimenti li jkunu saru fis-snin imgħoddija, ħafna drabi bi bdil fil-kundizzjonijiet tat-tkabbir u/jew tal-varjetajiet imkabbra.
Fost l-esperimenti li saru kien hemm provi b'razez ġodda u differenti ta' tadam bl-iskop li tinsab razza li tkun reżistenti għall-mard, speċjalment it-'Tomato Yellow Mosaic Virus'. Provi oħra qegħdin isiru b'razez differenti ta' bżar aħdar, patata, brunġiel, basal, courgettes u fjuri, bil-għan li jkunu dentifikati razez għammiela u li jagħtu prodott ta' kwalita' tajba.
Esperiment ieħor li qed jiġi ripetut huwa l-isterilizzar tal-ħamrija permezz ta' mezzi naturali minflok kimiċi.
Saru wkoll provi b'varjetajiet differenti ta' magħlef għall-bhejjem kif ukoll esperimenti fuq it-trobbija ta' razez differenti ta' tiġieġ, fniek u mogħoż.
Dawn l-esperimenti fis-serer, fir-raba u fuq il-bhejjem jiġu mmexxija u kkordinati minn 6 uffiċjali fi gradi differenti.
Ir-riżultati li jinkisbu jiġu kkomunikati lill-bdiewa u r-raħħala permezz ta' programmi ta' informazzjoni speċjali fuq ir-radju u t-televiżjoni, fil-gazzetta 'Biedja u Sajd' u mill-uffiċji ta' l-Extension Service tad-Dipartiment, kif ukoll f'laqgħat apposta li jsiru matul is-sena.
Inżid ngħid li l-bdiewa u r-raħħala huma dejjem mistiedna biex iżuru l-Għammieri ħalli jaraw dak kollu li qed isir u biex jitkellmu ma' l-uffiċjali nkarigati.