Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għal pensjonijiet Awstraljani u Kanadiżi tal-Maltin u l-Għawdxin f'Jannar u Frar 2000?
Kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal dawn il-pensjonijiet? X'qed jikkawża d-dewmien tal-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li bejn Jannar u Frar ta' din is-sena, n-numru ta' applikazzjonijiet li rċieva d-dipartiment tas-Sigurta' Soċjali minn Maltin jew Għawdxin għal pensjonijiet Awstraljani kien ta' 38, filwaqt li dawk għal pensjonijiet Kanadiżi kien ta' 9. Wara li tinġabar l-informazzjoni meħtieġa dwar kontribuzzjonijiet mħallsa hawn Malta u/jew, f'każ ta' talba għal xi pensjoni tad-diżabilita' rapport mill-bord mediku, dawn l-applikazzjonijiet jintbagħtu barra minnufih. Fil-fatt bħalissa fid-dipartiment kull ma hemm minn dawn l-applikazzjonijiet pendenti huwa madwar 8 u li mistennija jintbagħtu dalwaqt.
Tajjeb li jiġi preċiżat li dawn l-applikazzjonijiet ma jinħadmux hawn Malta iżda jiġu proċessati mid-Dipartimenti responsabbli mis-Sigurta' Soċjali fil-pajjiżi rispettivi. Għalhekk id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ta' Malta m'għandu l-ebda kontroll fuq il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet barra minn Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet li għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-Iżvilupp (proġetti) fl-agrikoltura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha 218 applikazzjoni pendenti li jipproponu żvilupp fi proġetti relatati ma` agrikoltura. Ninsab infurmat ukoll li minbarra l-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-Awtorita` għandha 57 applikazzjoni għal rikonsiderazzjoni mill-ewwel deċiżjoni li kienet ta` rifjut mill-Bord tal-Kontroll ta` l-Iżvilupp, filwaqt li 89 applikazzjoni qegħdin għad-deċiżjoni mill-Bord ta` l-Appelli.
Awtorita' ta' l-Ippajnar għall-Iżvilupp — Proġetti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet li għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-Iżviluppi ta' proġetti fl-akwakultura?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha quddiemha 5 applikazzjonijiet pendenti li jipproponu żvilupp fis-settur ta` l-akwakultura. Waħda minn dawn l-applikazzjonijiet qegħda għal rikonsiderazzjoni tad-deċiżjoni wara li ġiet rifjutata mill-Bord tal-Kontroll ta` l-Iżvilupp.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' multi li d-Dipartiment tal-VAT ħareġ matul l-1999? Kemm kienu jammontaw f'ċifra ta' flus globali dawn il-multi?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` multi li d-Dipartiment tal-VAT ħareġ matul l-1999 bis-saħħa ta` l-artikolu 84 subartikolu (3) ta` l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud kien 548. L-ammont ta` multi kien ta` Lm28,900.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' VAT registered matul l-1999?
Kemm ġew introdotti sistemi ta' multi ġodda mid-Dipartiment tal-VAT matul l-istess sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` persuni attivi reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT sal-31 ta` Diċembru 1999 kien ta` 44,855.
Matul l-1999, id-Dipartiment tal-VAT beda jħaddem sistema ta` multi mnaqqsa f`każ ta` kompromess kif provdut fl-Artikolu 84 subartikolu (3) ta` l-Att tal-1998 dwar Taxxa Fuq il-Valur Miżjud.
Id-dispożizzjonijiet ta` dan is-subartikolu japplikaw biss f`każ ta` reat minn xi persuna kontra id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (e) tal-artikolu 77 ta` l-Att li jirrigwardja l-għoti ta` fatturi jew irċevuti ta` taxxa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mportat ħass frisk bla levy matul dawn l-aħħar sentejn?
X'tip ta' ħass kien? Kemm ġie mportat minn dan il-ħass fl-ewwel xahrejn tas-sena 2000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li :
Fl-1998 ħarġet exemption tal-levy fuq 18,000 kg. ħass.
Fl-1999 ħarġet exemption tal-levy fuq 6,000 kg. ħass.
Fl-2000 ħarġet exemption tal-levy fuq 11,000 kg. ħass.
Dawn l-eżenzjonijiet ħarġu wara talba minn stabbiliment ta' l-ikel u wara li ġie verifikat li l-bidwi mill-Mellieħa li miegħu dan l-istabilliment għandu kuntratt ma kienx f'pożizzjoni li jissuplixxi il-kwantita' ta' ħass miftemha minħabba l-ħsarat li ġarrab bil-maltemp.
Il-varjeta' ta' ħass kienet kollha 'Iceberg Lettuce'.
B'kollox dan l-istabbiliment importa 60,506 kg. ta' ħass. Dan ifisser li fuq kważi nofs il-kwantita' ġiet imħallsa il-levy.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' barrieri li talbu lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal estensjoni matul l-1998 u l-1999?
Liema huma l-lokalitajiet fejn intalbu dawn l-estensjonijiet?
Kemm minn dawn il-barrieri li talbu l-estensjoni jużaw l-isplussivi bħala parti mis-sistema tat-tkisser tal-blat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1998 u l-1999 l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet 19-il talba biex tikkonsidra estensjonijiet f`barrieri. Minn dawn l-applikazzjonijiet, 5 ġew approvati, applikazzjoni waħda qiegħda fuq talba għal rikonsiderazzjoni, applikazzjoni oħra qegħda quddiem il-Bord ta` l-Appelli, 11 huma pendenti għall-ipproċċesar filwaqt li applikazzjoni waħda ġiet 'withdrawn'.
Ninsab infurmat ukoll li minn dawn id-19-il applikazzjoni hemm 2 li fihom saret talba għal tiġdid tal-permess diġa` maħruġ.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar dawn il-barrieri.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm korrimenti fuq il-post tax-xogħol rrapportati lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għax-xahar ta' Jannar u Frar 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' talbiet għall-benefiċċju tal-Korriment f'Jannar kien ta' 363 u fi Frar 455.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret sabiex jiġi spezzjonat l-livell ta' sigurta' fuq il-post tax-xogħol matul Jannar u Frar, 2000?
X'rakkmandazzjonijiet saru u jekk ġewx immullati xi kumpanniji, fuq liema raġunijiet ġew imħarka?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Spetturi tat-Taqsima Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol għamlu 86 u 100 spezzjoni ta' postijiet fejn ikun qed isir xi xogħol f'Jannar u fi Frar rispettivament.
Ir-rakkomandazzjonijiet li saru jvarjaw skond in-natura tax-xogħol li jkun qed isir, u jinkludu rakkomandazzjonijiet verbali, kif ukoll bil-miktub. Fil-fatt il-maġġor parti ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet isiru waqt il-ħin tal-ispezzjoni, u allura ma tinżammx statistika dwar in-numru totali, jew in-natura proprja tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru.
F'kull każ min ikun qed jirċievi struzzjonijiet jingħata ċans u ħin biex jirranġa s-sitwazzjonijiet indikati lilu; il perjodu indikat minn Spettur biex fih jitwettqu dawk ir-rakkomandazzjonijiet li jkunu saru, jvarja ħafna - jingħataw rakkomandazzjonijiet li jkunu jesiġu implimentazzjoni mmedjata, iżda jingħataw oħrajn li jkunu jeħtieġu "time frame" itwal, bħal per eżempju rigward bdil ta' apparat jew inġenji, l-introduzzjoni ta' jew tibdil f'sistemi ta' inġinerija (eż. ventilazzjoni eċċ.).
Taħrikiet ġeneralment joħorġu biss kontra dawk li jinjoraw l-ordnijiet ta' Spetturi. Għal din ir-raġuni, m'hux possibbli li wieħed jipprevedi kemm ser jinħarġu taħrikiet tul il-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jinformana liema huma dawk it-toroq fl-Imġarr, Manikata u Żebbiegħ li huma responsabbli għalihom il-gvern ċentrali u li matul din is-sena se jingħataw it-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment għadu kif ta kuntratt biex issir Triq Vitale, Mġarr, kif ukoll ħareġ sejħa għal offerti għal xogħolijiet f`toroq Istaġuni, Raddiena, Fdal Puniku u A. Deguara fiż-Żebbiegħ.
Dwar il-Manikata d-Dipartiment qiegħed f`konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa dwar xogħolijiet fit-toroq peress li hemm xogħol li jrid isir ukoll mill-Water Services Corporation fil-lokal.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14602, Seduta Nru. 261?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li n-numru ta` kontijiet tad-dawl u ta` l-ilma li hargu matul Jannar u Frar ta` din is-sena jammontaw ghal 201,941. Sal-15 ta` dan ix-xahar l-ilmenti dwar zieda fil-konsum tad-dawl u ilma kienu jammontaw ghal 8,195 jigifieri erbgha fil-mija tal-kontijiet li nhargu.
Minn dan l-ammont ta` ilmenti, 926 kienu gustifikati. Dan ifisser li 11 fil-mija biss ta` l-ilmenti kienu gustifikati. L-ilmenti gustifikati fil-maggoranza taghhom kienu jitrattaw in-numru ta` persuni f`kazi fejn il-konsumatur qatt ma kien informa lill-Korporazzjoni ghas-Servizzi ta` l-Ilma dwarhom u stimi f`kazi fejn il-konsumatur ma fetahx meta l-meter reader mar jiehu l-qari ta` l-arloggi.
Mhux possibbli li tinghata c-cifra globali li tnaqqset minghajr riferenza specifika ghal kull file tal-kontijiet. Apparti li dan jiehu hafna zmien, aggustamenti bhal dawn isiru kuljum u ghalhekk ic-cifra ma tkunx wahda ezatta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li fil-preżent qed jieħdu l-benefiċċju ta' l-għajnuna supplimentari? Jista' jgħid kemm fil-mument hemm applikazzjonijiet pendenti sabiex persuni oħra jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju ta' l-għajnuna supplimentari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 30,896 persuna li qed jieħdu l-Allowance Supplimentari. Bħalissa hemm 205 applikazzjonijiet pendenti li kollha jonqoshom xi informazzjoni biex ikunu jistgħu jinħadmu u jinħareġ il-pagament.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' Maltin u Għawdxin li fil-mument jieħdu l-benefiċċji ta' l-SKA? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' talbiet pendenti għal dan il-benefiċċju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' Maltin u Għawdxin li fil-mument jinsabu jirċievu l-Għajnuna għal Mard huwa ta' 14,289. In-numru ta' talbiet pendenti huwa ta' 146.