Tista' l-Ministru tirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14623 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilek u ċioe': kemm kien in-numru ta' passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Kemm kien in-numru ta'passiġġieri li qasmu fl-istess perjodu għas-snin 1996, 1997, 1998 u 1999?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija numru 14584.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14620 u jgħid kemm kien in-numru ta' spezzjonijiet li saru fuq il-prodotti tal-ħaxix frisk li ddaħħal fil-Pitkalija matul Jannar u Frar ta' din is-sena?
Peress li l-amministrazzjoni preċedenti kellha uffiċċju ta' l-ext. ser. fil-Pitkalija għal dan il-għan u ċioe' ħalli flok il-bdiewa jmorru għand l-uffiċjal tad-dipartiment ikunu l-uffiċjali li jżuru lill-bdiewa matul il-jiem tal-bejgħa fil-pitkalija ċentrali, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan il-prinċipju ma ġiex segwit matul l-1999 u din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab linfurmat li l-uffiċju tal-Extension Services li kien hemm fl-amministrazzjoni preċidenti għadu hemm. Għadu jattendi wkoll kull nhar ta' Tnejn u nhar ta' Ħamis uffiċjal mil-fergħa tal-Extension Services tar-Rabat. Barra minn hekk l-uffiċjal għoli nkarigat mis-sezzjoni tal-Extension Services jgħamel viżiti regulari fil-Pitkalija.
Pero' bħal ma ġara fi żmien l-amministrazzjoni l-oħra tista tieħu ż-żiemel tiegħek ħdejn l-ilma imma ma tistax iġġielu jixrob. Jiġifieri is-servizz qiegħed hemm imma l-bdiewa ma jagħmlux użu minnu.
Jista' l-Ministru jgħid xi programm ta' restawr sar fl-Imdina mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Jista' jgħid xi programm ħejja l-gvern għar-restawr tal-bini storiku u swar ta' l-Imdina għall-2000? Jista' jgħid meta se tibda tiġi restawrata l-Greek Gate ta' l-Imdina?
Response (GALEA, LOUIS)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Diviżjoni tax-xogħlijiet peress li r-restawr tal-monumenti arkitettoniċi fl-Imdina u r-Rabat jaqa' taħt ir-responsabbilta` tal-Kumitat għar-Restawr ta' l-Imdina.
Peress li l-artiklu li rriferejt għalih jiena oriġinarjament u li jsemmi s-Lm600 li qed tiswa l-CAP lill-familji kollha ta' l-UE, huwa dak tad-daily mail, li huwa artikolu favur u mhux kontra l-UE, jista' l-Ministru jgħid għaliex fid-diskors ta' l-aġġornament ta' l-14 ta' Frar, qal li jiena nikkwota sorsi ta' gazzetti li huma kontra l-UE, meta jaf li dan mhux verita' kif jikkonferma l-istess artiklu li jiena għamilt riferenza għalih?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher li l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx il-kunċett ta' l-OECD msejjaħ 'Total transfers associated with agricultural policies' jew 'Total Support Estimate (TSE)'. Dan il-kunċett jikkomprendi tlett kategoriji ta' miżuri:
1. Il-'producer support estimate (PSE)' li huwa indikatur ta' għajnuna li jirċievi l-bidwi permezz ta':
a) 'market support' li jinkludi prezzijiet għola permezz ta' 'levies', dazji, kwoti etc.,
b) sussidji relatati ma raba' kultivat jew numru ta' bhejjem,
c) sussidji relatati mal-produzzjoni,
d) ħlas anqas għar-risorsi naturali minn dak tas-suq - qbiela u ilma (historical entitlements),
e) sussidji fuq il-ħtiġijiet jew servizz b'xejn bħal ma jkun sussidju fuq il-ġwież, il-fertilizzant, il-provista ta' servizzi bħal servizzi ta' laboratorji w 'extention services' u għajnuna fuq investimenti fil-biedja,
f) kumpens għal restrizzjonijiet ambjentali li jillimita l-produzzjoni u għaldaqstant prezzijiet għola bħal restrizzjoni dwar l-użu ta' pestiċidi jew distanzi mill-abitat,
ġ) għajnuna sabiex jiżdied d-dħul tal-bidwi u,
g) għajnuna oħra li tinkludi servizzi soċjali, 'tax rebates', u benefiċji oħra ġenerali.
2. 'General Service Support Estimate (GSSE)' li hu indikatur tal-benefiċċji minn diversi attivitajiet tal-Gvern li tinkludi l-ispiża ta' l-amministrazzjoni tad-Dipartimenti u organizazzjonijiet tal-Gvern Nazzjonali, reġionali jew lokali li tinkludi l-provista ta' l-ilma, elettriku, toroq, riċerka u żvilupp, skejjel, servizzi ta' spezzjoni, swieq, mħażen etc.
3. 'Consumer Support Estimate (CSE)' li hu indikatur ta' għajnuna li jirċievi l-bidwi iżda li minnha jgawdi l-konsumatur fi prezzijiet aktar baxxi.
Minn dan jidher ċar li ċ-ċifri kkwotati huma biss indikaturi, stimi grossi u nominali; altru milli xi taxxa ġdida. L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jivverifika t-tifsira tal-figuri li jikkwota. Il-'Common Agricultural Policy' (CAP) ta' l-Unioni Ewropeja hija solidarjeta' mal-bidwi u xejn aktar.
Inżid ngħid li skond iċ-ċifra ta' Lm600 li qed isemmi l-Onor. Interpellant, il-vot eżistenti tal-C.A.P. huwa ta' madwar Lm72 biljun fis-sena, vot li huwa 4 (erba') darbiet għola minn dak attwali li jammonta għall-Lm18 biljun fis-sena.
B'riferenza għat-talba tar-residenti ta' Montana F/HSE Wied il-Bużbież, Landrijiet limiti tar-Rabat sabiex tiġi stallata bozza, jista' l-Ministru jara li din it-talba tiġi milqugħa mill-aktar fis possibbli, peress li l-familja qed tilmenta li qed jiġi ostakolat il-kwiet tagħha matul il-lejl, partikolarment bi tfigħ ta' ġebel lejn ir-residenza u dan kawża wkoll tad-dlam li hemm fl-inħawi?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba maghmula mill-Onorevoli Interpellant qed tigi ikkunsidrata flimkien ma` talbiet ohra.
B'riferenza għall-għajnuna finanzjarja li ngħataw il-bdiewa Maltin sabiex itaffu l-ispejjeż tal-ħsarat li kkawżalhom il-maltemp, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont f'ċifra ta' flus li vvota l-gvern mill-5 ta' Settembru 'l hawn?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tammonta f'ċifra globali it-talba tal-bdiewa?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' min ħa din l-għajnuna u jinkludi kemm ħa kull bidwi individwali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għal din il-maltempata (xitwa 1998/1999) kienu ġew ivvotati Lm50,000 sabiex jingħataw bħala għajnuna lil dawk li sofrew ħsara bil-maltemp. Minn dawn kienu ntefqu Lm29,989.78 li nqassmu bejn 45 bidwi.
Il-bdiewa li kienu jammontaw għal 69 kienu għamlu talba għal madwar Lm226,000.
Il-bdiewa kienu ġew kompensati 40% tal-ispiża għall-materjal biss.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra :
a) Lista tal-bdiewa kollha li kienu għamlu talba għal kumpens.
b) Lista ta' dawk il-bdiewa li rċevew kumpens.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sena l-oħra sarux testijiet sabiex ikun magħruf lill-bdiewa lokali, il-livell ta' MRLs stabbiliti fil-prodott lokali tal-patata għall-esportazzjoni?
Jekk iva, x'parir ingħataw lill-bdiewa Maltin u Għawdxin sabiex il-produzzjoni ta' l-esportazzjoni ta' din is-sena lejn il-pajjiżi tal-UE tkun konformi ma' l-MRLs ta' l-istess UE għal dan il-prodott?
Jekk le, għaliex?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-MRLs fuq l-importazzjoni tal-patata aċċettabbl fl-UE għal din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sena l-oħra u l'anqas fis-snin ta' qabel ma saru l-ebda testijiet tar-residwi tal-pestiċidi fuq il-patata. S'issa, għad ma hawnx faċilitajiet biżżejjed biex dawn it-testijiet isiru lokali għalkemm dan hu maħsub għal futur qarib. Meta jkun hemm xi suspett li jista jkun hemm xi eċċess ta' residwi ta' pestiċidi, kampjuni jittieħdu u jintbagħtu barra minn Malta. Sal-lum nista' ngħid li d-Dipartiment ma kellu l-ebda suspett jew indikazzjoni li r-residue levels ma kienux ta' livell aċċettabbli.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-MRL's fuq il-patata li huma aċċettabbli fl-Unjoni Ewropeja.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14619, jista' l-Ministru jgħid xi provi saru fuq produzzjoni agrikola organika fil-farm tal-Għammieri mill-5 ta' Settembru, 'il hawn?
Fuq liema varjetajiet ta' ħxejjex saru u x'irriżulta f'dak li jirrigwarda l-livelli tal-MRLs stabbiliti mill-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat mill-uffiċjal responsabbli mill-produzzjoni ta' ħxejjex fil-farm tal-Għammieri li la qabel u lanqas wara l-5 ta' Settembru 1998 ma saru xi provi fuq produzzjoni agrikola organika fil-farm ta' l-Għammieri.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex minn Diċembru 1999 'l hawn ma sarux ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq il-bypass ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jara li jintervjeni sabiex ix-xogħlijiet isiru mill-aktar fis possibbli, irrispettivament minn min hu responsabbli mill-ħsarat kkawżati? Jekk fl-affermattiva, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru diversi xogħolijiet ta` manutenzjoni fil-Bypass minn Diċembru `l hawn. Mill-mistoqsija wieħed jassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-parti tat-triq fejn kellhom jitpoġġew `barriers` bħala prekawzjoni fejn mexa t-tafal mill-għelieqi li hemm mal-ġemb tat-triq.
F`dal każ id-Dipartiment qiegħed f`kuntatt mal-perit tas-sidien ta` din l-art li qiegħed jipprepara r-rapport neċessarju dwar l-istabilita` tat-tafal u tat-triq fil-lokalita`.
Peress li r-residenti tal-Baħrija jridu li s-servizz tat-trasport pubbliku jkun aktar spiss minn dak attwali, u dan għar-raġuni li l-komunita' tal-Baħrija u l-madwar qed dejjem tikber, jista' l-Ministru jara li jibda programm ta' laqgħat ma' l-awtoritajiet konċernati sabiex dan il-bżonn urġenti tar-residenti tal-Baħrija jiġi rimedjat? Meta fil-fatt se jibdew dawn il-laqgħat? Jista' jikkunsidra li għalihom ikun preżenti rappreżentant tal-poplu tal-Baħrija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li servizz ta` din ix-xorta diġa` jeżisti kif miftiehem bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, tant hu hekk, li l-Kunsill Lokali jikkontribwixxi finanzjarjament lill-Assoċjazzjoni tas-servizz li tagħti. Jekk tinħass il-ħtieġa li dan is-servizz ikompli jiżdied, nara kif dan l-arranġament ikun jista` jsir.
B'riferenza għaż-żieda fil-bolla ta' l-NI, jista' l-Ministru jgħid kemm se tiswa lill-bdiewa, raħħala u sajjieda matul din is-sena?
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun l-ammont ta' flus globali li d-dipartment se joħroġ sabiex jissussidja din iż-żieda fil-ħlas tal-bolla tal-bdiewa, raħħala u sajjieda għall-istess perjodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, biex jirreferi l-ewwel domanda lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għat-tieni domanda, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, li dan id-dipartiment ikun jaf l-ammont ta' flus globali li se joħroġ bħala sussidju fil-ħlas tal-bolla tal-bdiewa, raħħala u sajjieda wara li jintemm iż-żmien ta' l-applikazzjonijiet u dawn jiġu vverifikati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani jekk matul din is-sena l-ħaddiema impressed mhumiex se jsiru ħaddiema maċ-ċivil kif ġie, imwiegħed lilhom mill-gvern qabel l-elezzjoni ġenerali tal-5 ta' Settembru, 1998?
Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema impressed, b'karozzi, vannijiet u trakkijiet u ma' liema dipartment huma mpjegati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed isiru diskussjonijiet mal-partijiet interessati bil-għan li din il-wegħda tal-Gvern isseħħ. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għat-tieni parti tal-Mistoqsija Parlamentari.,
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14609 għas-sena 1999 ukoll?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li fl-1999 ma kien hemm ebda talba għal għajnuna minn koperattivi tal-bdiewa, raħħala u sajjieda taħt skemi mħaddma mid-Dipartiment tal-Agrikoltura. L-Onor. Interpellant jista' jirreferi il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Koperattivi.
B'riferenza għall-aħħar eluf ta' multi li ntbagħtu lit-taxpayers għaliex skond id-Dipartiment tat-Taxxi Interni dawn ma kenux bagħtu l-Income tax returns, meta fil-fatt kienu bagħtuhom, jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża dan l-iżball?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux konxju minn dak li qed jiġi allegat. Forsi l-Onorevoli Membru jista` jagħtini iżjed informazzjoni dwar dan il-każ.
Peress li r-residenti ta' Għar Barka, ir-Rabat ilhom s-snin jitolbu li jiġi estiż it-trasport pubbliku fir-Rabat, Malta, jista' l-Ministru jara li jibda programm ta' laqgħat mill-ġdid ma' l-awtoritajiet konċernati ħalli mill-aktar fis possibbli u mmedjat dawn il-familji jiġu rispettati u ċioe' jiġi rrimedjat dan il-bżonn tagħhom li ilu pendenti għal aktar minn għaxar snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li fuq l-aġenda ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku hemm dan is-suġġett. Appena jiġi elett is-Sindku l-ġdid tar-Rabat, l-Awtorita' għandha ssejjaħ laqgħa fil-preżenza ta' l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku biex jiġi diskuss dan il-punt.