Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #15366 Sitting 282 2000-04-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Mtarfa — Bypass - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru fil-bypass ta' l-Imtarfa sabiex jinbena ħajt tal-konkos ta' protezzjoni għat-tafal li jinsab fl-irdum fl-istess triq, humiex koperti mill-permessi tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jekk le, jista' l-Ministru jinvestiga kif sar dan l-iżvilupp li żgur mhux environment friendly fl-inħawi u ħoloq impatt negattiv speċjalment għal veduta li l-pubbliku jsegwi minn fuq is-swar ta' l-Imdina?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq kellu jieħu azzjoni immedjata biex jilqa` t-tafal li beda nieżel fit-triq u sabiex b`hekk ma jkunx hemm periklu għal min jużaha. Qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita` u l-periti tad-dipartiment konċernat sabiex il-kwestjoni tkun trattata skond il-liġi fl-iqsar żmien possibli.
Leg 9 PQ #15360 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Produtturi tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jmisshom il-produtturi tal-majjal sabiex jimmodernizzaw l-irziezet tagħhom ħalli jsir l-allinejament tal-politika ta' pajjiżna ma' dik tal-CAP ta' l-Unjoni Ewropea mit-Lm3 miljun li l-UE se tipprovdi lill-Gvern Malti għal dan it-tibdil? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat l-investiment li trid tagħmel din l-industrija sabiex taġġorna mas-sistemi tal-CAP u min se jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 15359.
Leg 9 PQ #15361 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Fabbrika tal-Ħalib

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-fabbrika tal-ħalib? Jista' jgħid kemm hija kkalkolata li tiswa din il-fabbrika?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 13684.
Leg 9 PQ #15362 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patate Sante' — Esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti hemm għall-esportazzjoni ta' 2000 tunnellata patata ta' l-ikel tal-varjeta' Sante'? Kemm huwa l-ammont li kellu jiġi esportat fl-ewwel ġimgħa, it-tieni, eċċ ta' din il-varjeta'? Xi prezzijiet kellhom separatament dawn l-2000 tunnellata? X'kondizzjoni kellhom, ċioe' kienu marbuta ma' sistema ta' prezz minimu garantit jew prezz finali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Din is-sena ġie miftiehem biex ikunu jistgħu jintbagħtu sa 2000 tunellata Sante' matul 4 ġimgħat li kellhom jibdew mill-20 tax-xahar li għadda mqassma 500 tunellata fil-ġimgħa bi prezzijiet stabbiliti ta' NLG 32, NLG 31.50, NLG 30.50 U NLG 29.00 kull xkora rispettivament.
Leg 9 PQ #15363 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' skejjel f'Malta u f'Għawdex li għandhom tuck shop ta' l-iskola bis-sistema ta' sejħa għall-offerti? Kemm hija ċ-ċifra ta' dħul globali minn dawn it-tuck shops għall-gvern u/jew għall-iskejjel, skond il-każ matul 1997, 1998 u 1999 sena b'sena rispettivament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' skejjel f'Malta li għandhom tuck shop ta' l-iskola bis-sistema ta' sejħa għall-offerti huwa ta' ħamsa u għoxrin. Informat ukoll li ċ-ċifra ta' dħul globali minn dawn it-tuck shops għall-gvern u/jew skejjel, skond il-każ matul 1997, 1998 u 1999 sena b'sena rispettivament huwa dan: 1997 - Lm42,234.00 1998 - Lm48,039.91 1999 - Lm49,689.84 It-tagħrif għal Għawdex ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għaqdiet tal-Pensjonanti

Question

Peress li kemm il-GWU kif ukoll il-UHM u l-MUT u l-għaqdiet tal-pensjonijiet ddikjaraw li l-miżuri tal-budget qed jolqtu ħażin lill-ħaddiema li d-dħul tagħhom jiddependi mill-pagi u/jew mill-benefiċċji soċjali, jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex investigat mill-gvern kif dawn il-miżuri qed jgħollu l-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin? Jekk iva, x'kienu l-konklużjonijiet ta' dan l-istħarriġ? Jekk le, jista' jara li jsir stħarriġ u jinkludi t-tfal li jirriżulta li wkoll qed jispiċċaw jiffaċċjaw din il-problema li naturalment qed jiffaċċjaw il-familji tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Numru 13555.
Leg 9 PQ #15365 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mtarfa — Irdum

Question

Jista' l-Ministru jinformani bil-ħsara ekoloġika li saret fuq l-irdum tal-Imtarfa bil-ħajt tal-konkos li sar f'din il-parti suppost protetta? Jista' l-Ministru jpoġġi kopji tar-rapporti li saru mill-uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Ambjent dwar dan l-iżvilupp li sar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Tlabt lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jinvestiga l-ilment li dwaru qed isaqsi l-Onorevoli Interpellant.

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-programm ta' manutenzjoni li se jagħmel id-Dipartiment tal-Housing fl-appartamenti u l-bini mikri lir-residenti li hemm fl-Imtarfa matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li qed nagħti għall- Mistoqsija Parlamentari Numru 15356.

Rabat — Għeriexem - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-programm ta' manutenzjoni li se ssir fuq il-Housing Estate ta' l-Għeriexem fir-Rabat? Jista' jara li jsir stħarriġ dwar kemm jiswa l-iżvilupp ta' l-istallazzjoni tal-lifts f'dan il-qasam tad-djar peress li l-eta'medja tar-residenti qiegħda dejjem tiżdied?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li qed nagħti għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15356.

Rabat — Għajn Qajjed - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bil-programm ta' manutenzjoni li se jsir mid-dipartiment fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat, Malta matul din is-sena? Jista' jikkonsidra li fl-estimi tas-sena 2001 jinkludi l-istima għall-iżvilupp tal-lifts f'dan il-qasam tad-djar? Jista'jara li jsir stħarriġ dwar kemm jiswa dan l-iżvilupp tal-lifts f'dawn il-housing estates?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ser jitkomplew xogħolijiet skond it-talbiet li jkunu saru lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar. Il-programm tax-xogħolijiet jiġi aġġornat kull xahar. Kif ġa kelli okkażżjoni ngħid qabel, mhuwiex xieraq li wieħed jagħti dettalji ta'ismijiet u ndirizzi f'din it-Tweġiba; iżda jekk l-Onor. Interpellant għandu xi mistoqsija dwar xi blokki partikolari jista' jikkontattja direttament lid-Dipartiment jew jgħaddili l-informazzjoni. Dwar l-istallar ta' 'lifts', li hija Skema ta' l-Awtorita' tad-Djar, irrid ngħid li wara li jsir l-istudju fuq blokki/entraturi li residenti tagħhom applikaw taħt din l-iSkema, hemm il-pjan li din l-iSkema tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex. Meta jsir dan, l-Awtorita' tad-Djar tkun tista' tagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #15357 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu — Tour operators

Question

B'riferenza għar-rapporti li tour operators Torok li l-ministeru tat-turiżmu mhux jagħti kas tagħhom sabiex jiżviluppa dan is-suq f'pajjiżna, jista' jinfurmani bil-pożizzjoni tal-Ministeru f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jgħid x'sar dwar l-iżvilupp ta' l-agri-turiżmu fil-gżejjer tagħna matul dawn l-aħħar 20 xahar?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nixtieq nassigura' lill-Onorevoli Membru li kemm il-Ministeru tat-Turiżmu, kif ukoll l-'M.T.A.', iħossu li hemm potenzjal għall-industrija tat-turiżmu Maltija fit-Turkija u qegħdin nieħdu ħsieb l-operaturi Torok - bħall-operaturi kollha - dejjem skond mezzi li jkunu għad-dispożizzjoni ta' l-Awtorita'. L-'M.T.A.' tmexxi pjan ta' promozzjoni, li jinkludi parteċipazzjoni fil-fieri tat-turiżmu f'Istanbul u żjarat minn ġurnalisti. Fl-1999 in-numru ta' turisti Torok kiber u llum jisboq il-5000. Diġa' għidt f'din il-kamra li kull ma sibt dwar l-hekk imsejjaħ pjan għall-iżvilupp ta' l-agri-turiżmu hu xi pjan li suppost li kien hemm bejn l-Onor. Interpellant u l-predeċessur tiegħi, allura Ministri, kien biss kliem rapportat f'xi diskors. Fil-fehma tiegħi l-potenzjal għall-agri-turiżmu hu żgħir ħafna u filwaqt li ma nonqosx nara' kif ngħin lil min jixtieq jiżviluppa s-settur, nemmen li aħjar nikkonċentraw fuq niċeċ akbar.
Leg 9 PQ #15358 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Biedja

Question

Peress li minkejja l-240,000 bidwi ilhom is-snin jgawdu minn benefiċċji għall-iżvilupp u modernizzazzjoni u sussidji tal-CAP xorta fallew matul l-1997 u l-1998, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti nvestigax dan il-falliment u kif il-Gvern qed jagħti garanziji li dan l-impatt mhux se jesperjenzawha l-bdiewa Maltin u Għawdxin bl-isħubija ta' Malta fl-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma l-Onor. Interpellant li mhux fl-UE biss jonqsu l-bdiewa - per eżempju fl-Awstralja bejn l-1986 u l-1991 il-bdiewa naqqsu b'12.2% u fin-Norveġja (li ma daħlitx fl-Unjoni Ewropeja) bejn l-1986 u l-1990 il-bdiewa naqqsu bi 15% u bejn l-1990 u l-1993 reġgħu naqqsu b'7.2% oħra. Minkejja dan il-fatt fit-tnaqqis tan-numru tal-bdiewa, il-produzzjoni agrikola kibret gradwalment fl-istess perjodu. L-Onor. Interpellant għandu jiftakar li l-għan tal-CAP huwa l-provvista ta' prodotti bnini bi prezzijiet adekwati f'BILANĊ ma qliegħ xieraq u ġust għall-bdiewa u r-raħħala, u dan b'mod li jħalli mpatt pożittiv fuq l-ambjent. Fl-aħħarnett, ta' min jenfasizza li l-CAP ma tfisser xejn ħlief politika ta' solidarjeta bejn il-bdiewa u r-raħħala li jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja.
Leg 9 PQ #15359 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Raħħala

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jmisshom ir-raħħala Maltin u Għawdxin mit-Lm3 miljun li l-UE se tipprovdi lil Malta bħala għajnuna għall-allinejament li pajjiżna jrid jagħmel sabiex ikun konformi mar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Għajnuna pprovduta mill-Unjoni Ewropeja sejra tintuża sabiex jiġu mwaqqfa l-istrutturi neċessarji biex iktar il-quddiem il-bdiewa u r-raħħala Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi ta' għajnuna pprovduta mill-Unjoni Ewropeja bħal ma huma id-"direct payment schemes" u l-"less favoured areas".
Leg 9 PQ #15062 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Triq Nikola Saura - Dawl

Question

Peress li r-reflectors taz-zebra crossing fi Triq Nikola Saura, Rabat, ilhom maqtugħa mhux ħażin, jista' l-Ministru jara li ssir mill-aktar fis il-manutenzjoni meħtieġa qabel ma jkun hemm xi inċident kawża ta' dan in-nuqqas?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni fuq id-dawl imsemmija diga` saret.
Leg 9 PQ #15063 Sitting 279 2000-04-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Bozoz

Question

Peress li hemm bozoz maqtugħa f'farmhouse fl-Għemmieri - dettalji qed jintbagħtu separatament - jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni mill-aktar fis possibbli peress li dawn il-familji jgħixu fil-kampanja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni fuq il-bozoz li ghalihom qed issir riferenza diga` saret.