B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 15919, jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li dawn il-flus se jiġu vvotati mill-protokoll finanzjarju Taljan u mhux mill-għajnuna finanzjarja ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li l-interess tad-Dipartiment huwa li jsir u jiġi attwat il-programm tal-M.R.L.
Jista' l-Prim Ministru jara li jiġi rimedjat il-bżonn ta' fridge lis-second regiment ta' l-Armata (ADB), liema talba ilha pendenti għal aktar minn tmien xhur?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li fl-Air Defence Battery (ADB) tal-Forzi Armati ma kien hemm l-ebda talba biex tinxtara refrigerator li kien ilha pendenti għal aktar minn tmien xhur.
Fl-ADB hemm total ta' tliet refrigerators li waħda minnhom żviluppat ħsara fil-11 ta' April 2000. Minnufih saru arranġamenti biex tissewwa l-ħsara iżda wara li r-refrigerator ġiet spezzjonata, instab li ma kienx jaqbel li tissewwa. Għaldaqstant fil-15 ta' Mejju 2000 saret talba biex tinxtara oħra ġdida. Jien infurmat li r-refrigerator il-ġdida waslet għand l-ADB nhar it-Tnejn, 22 ta Mejju 2000.
Jirriżultalu l-Ministru li aktar minn 1,200 tunnellata patata ma ġietx esportata lejn l-Olanda u fil-fatt dan it-tunnellaġġ jinsab maħżun fil-racking station ta' Ta' Qali? Kemm huwa n-numri ta' bdiewa li niżlu dawn l-1,200 tunnellata? F'liema kundizzjoni se tinħażen din il-patata u meta se tinbiegħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16096.
Peress li ż-żieda tal-poplu tar-Rabat u l-Imtarfa sabiex jisserva fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta se tiżvantaġġja lill-komunitajiet tal-Mosta, tal-Mellieħa, ta' San Pawl il-Baħar, l-Imġarr u l-Manikata, Naxxar, il-Għargħur u bliet u rħula li jużaw dan iċ-ċentru tas-saħħa, għaliex se jiżdied il-queue u l-pressjoni tax-xogħol fuq l-istaff taċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, jista'l-Ministru jara li jiftaħ mill-ġdid iċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Presentament ma hux possibbli illi ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat jiftaħ fuq bażi ta` 24 siegħa kuljum bin-numru ta` tobba li fil-preżent jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 15880 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek, u cioe: B'riferenza għall-propaganda li għamel il-gvern flimkien mal-ministeru tiegħu u tal-agrikoltura dwar is-sussidju tad-direct aid li l-Unjoni Ewropea tiggarantixxi fis-settur agrikolu tal-pajjiżi membri u pajjiżi ġodda, jista' l-Ministru jinfurmani kemm qed jikkalkula l-Gvern Malti li se jkun is-sussidju tad-direct aid f'ċifra ta' flus li kull produttur tal-ħalib frisk lokali se jieħu qabel u wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-regolament tal-Kunsill (EC) No. 1255/1999.
F'dan ir-regolament hemm elenkati il-mod kif titħallas l-għajnuna finanzjarja fil-preżent lir-raħħala tal-pajjiżi msieħba fl-UE.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 15902 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': B'riferenza għad-direttiva 92/29 tal-UE li tesiġi lis-sajjieda tal-pajjiżi membri jżommu madwar 620 item ta' mediċina eċċ, fuq il-qoxra li tkun twila aktar minn erba' metri, jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani jekk dawn is-620 item li l-UE timponi fuq is-sajjieda Maltin u Għawdxin humiex se jiġu mposti wara li nsiru membri tal-UE?
Jista' jgħid x'inhuma l-multi tal-UE kemm-il darba s-sajjieda jinstabu li mhux jonoraw din id-direttiva?
Jista' jgħid kemm se jiswew dawn is-620 item li l-UE tobbliga lis-sajjieda lokali li jżommu fuq l-opri tas-sajd tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Direttiva 92/29/EEC hija ntiża biex ittejjeb ir-trattament mediku ta' ħaddiema fuq biċċiet tal-baħar. Din id-Direttiva ma titkellimx fuq id-daqs tal-opra tal-baħar, iżda tikkategoriżża l-opri tal-baħar skond id-distanza tal-vjaġġ barra mill-port. L-Onor. Interpellant huwa misinformat ukoll in-numru ta' 'items' tal-mediċini li jridu jinġarru fuq il-vapur biex jintużaw mis-sajjieda f'każ ta' xi mard jew emerġenza medika fuq il-vapur biex jintużaw mis-sajjieda f'każ ta' xi mard jew emerġenza medika fuq il-baħar, u dan għaliex:
1. fil-kategorija ta'sea-going vessels' jew 'sea-fishing vessels' mingħajr limitazzjoni tat-tul tal-vjaġġ, hemm biss 46 'item' ta' mediċina li jridu jiġu miżmuma fuq il-vapuri;
2. fil-kategorija ta' 'sea-going vessels' jew 'sea-fishing vessels' li joħorġu sa distanza ta' 150 mil nawtiku il-barra mill-port, hemm biss 39 'item' ta' mediċina; filwaqt li
3. fil-kategorija ta' biċċiet tal-baħar li jibqgħu ġol-port jew viċin tal-kosta, hemm biss 8 'items' ta' mediċina.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-UE ma timmultax sajjieda ta' pajjiż Membru.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, tħalliet barra mill-promozzjonijiet li ngħataw riċentement fid-dipartiment ta' l-agrikoltura?
Billi jirriżulta dan in-nuqqas, jista' l-Ministru jara li ssir ġustizzja? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Saru l-intervisti minn Bord ta' l-Għażla maħtur apposta biex jagħżel fost l-applikanti għall-post ta' Ġardinar. Jirriżultali li l-persuna msemmija ġiet fit-33 post skond ir-riżultati ppubblikati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Inħatru sa issa l-ewwel 25 skond il-vakanzi li hemm.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li r-riżultat ta' dawn l-"interviews" jibqa' validu għal sena mid-data tal-pubblikazjoni tiegħu.
Jirriżultalu l-Ministru li tbiddel il-kuntratt ta' l-esportazzjoni tal-varjeta' Alpha għal din is-sena minn 6,000 tunnellata għal 4,000 biss?
Jista' jgħid jekk l-ewwel 3,000 tunnellata Alpha baqgħux koperti mill-prezz ta' Lm18.00 il-qantar qabel jitnaqqsu l-ispejjeż, kif kienu koperti taħt il-kuntratt ta' l-amministrazzjoni preċedenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iva. Dan sar fl-aħjar interess tal-bdiewa. Sar arrangament sabiex l-esportazzjoni tal-patata setgħet tkompli b'rittmu normali.
Għal darba oħra nfisser lill-Onor. Interpellant li l-prezz ta' l-ewwel 3000 tunnellata tal-varjeta Alpha titħallas bir-rata TOTALI (inkluż spejjeż ta' trasport, ippakkjar, eċċ) ta' 30.6NLG kull 25Kg. B'exchange rate ta' 5.5NLG mal-Lira Maltija, dan ifisser prezz totali ta' madwar LM18.00 kull qantar (eżattament ta' LM17.66,2 kull qantar inkluż l-ispejjeż)
Kull tunnellata patata għandha spiża ta' trasport, ippakkjar, eċċ ta' madwar LM64 kull tunnellata.
Għaldaqstant, dan ifisser li l-prezz imħallas fuq l-ewwel 3000 tunnellata ikun ta' madwar LM12.58 kull qantar u mhux ta' LM18.00 kif żbaljatament dejjem itenni l-Onor. Interpellant.
Barra minnhekk, l-istess Onor. Interpellant kien intrabat li jbiegħ l-aħħar 500 tunnellata bil-prezz ta' 16NLG kull 25Kg.Meta jinqatgħu l-ispejjeż, dan ifisser prezz nett ta'LM4.15,5 kull qantar lill-bidwi.
L-Onor. Interpellant għandu jkun konxju ukoll li dawn huma prezzijiet ta' suq fejn ma jiqalgħux problemi minħabba xi nuqqas fil-kwalita' tal-patata esportata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ġiet posposta l-qatla tal-majjal bejn Jannar ta' din is-sena u l-15 ta' Mejju? X'kienu r-raġunijiet li għalihom ġiet sospiża l-qatla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu msemmi l-qatla tal-majjal ġiet sospiża darba biss. Dan sakemm issewwiet il-ħsara li kien hemm fil-convejor tal-makkinarju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kienu jixtru l-iskimmed milk mid-dipartiment ta' l-agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li rrikorrew u għamlu użu miċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Kemm kien in-numru ta' persuni li ntbagħtu fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta meta ma setgħux jiġu moqdija fiċ-ċentru tar-Rabat matul dawn l-aħħar sentejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta` persuni li rrikorrew u għamlu użu miċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b`sena huwa:
1995 1996 1997 1998 1999 2000(tul April)
------------------------------------------ ------------------
61,014 62,793 66,732 70,893 73,593 25,881
------------------------------------------ ------------------
Ma hemmx rekord speċifiku fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat dwar pazjenti li setgħu intbagħtu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta meta ma setgħux jiġu moqdija fiċ-Ċentru tar-Rabat.
B'riferenza għall-inkonvenjenzi kbar li qed jesperjenzaw iċ-ċittadini Rabtin peress li ċ-ċentru tas-saħħa tal-lokal qed ikun magħluq għal 16-il siegħa matul il-Ġimgħa, 20 siegħa fil-jum tas-Sibt u 24 siegħa fil-jum tal-Ħadd, jista'l-Ministru jirriforma s-servizz fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-preżent ma hux possibli jew sostenibbli illi iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat jiftaħ fuq bażi ta` 24 siegħa kuljum bin-numru ta` tobba li fil-preżent jaħdmu fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ddiskuta mal-kunsill lokali tar-Rabat l-għeluq ta' 16-il siegħa kuljum taċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat? Meta saru dawn il-laqgħat u x'punti tqajmu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif diġa kelli okkażjoni ngħid waqt `question time` ma sarux diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar it-tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.
Peress li wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea se titlef l-export refund fuq il-materja prima ta' l-ikel impostata mill-Unjoni u wżata mill-industriji lokali ta' l-ikel, ħelu u minerali, jista' l-Ministru jgħid kemm qed jikkalkula l-gvern li jkollhom jogħlew dawn il-prodotti li l-poplu tal-gżejjer tagħna jikkonsma kuljum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-mistoqsija numru 15857 waqt is-Seduta numru 288.
B'riferenza għat-talba tal-kumpens tal-bidwi - ismu qed jintbagħat separatament - sabiex jitħallas għad-danni li sofra kawża ta' xogħlijiet li saru fl-Imtarfa bypass Ref: L438/83/VOL I, jista' l-Ministru jara li d-dipartiment ta' l-artijiet iħallas il-pagamenti dovuti lill-bidwi msemmi? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi l-istima għall-kumpens dovut lill-bidwi msemmi, għal-xogħolijiet li saru fuq Mtarfa bypass, intbagħtet mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura lid-Dipartiment ta' l-Artijiet fit-28 t'Awissu, 1987, kif kien id-dmir ta' dan id-Dipartiment li jagħmel.
Sabiex jgħin lil dan il-bidwi jitħallas ser tinġibed l-attenzjoni tad-Dipartiment ta' l-Artijiet għal fatt li l-kumpens għadu ma ngħatax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom li bdew ix-xogħlijiet fuq l-Imtarfa bypass? Kemm ilhom wieqfa u meta se jkomplu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-proġett ta` l-Imtarfa `bypass` beda fil-25 t`Ottubru ta` l-1999. Fil-preżent l-ewwel fażi tat-triq infetħet għat-traffiku fil-waqt li qedgħin għaddejjin proċeduri ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex isir `stabilization` tat-tafal fuq in-naħa ta` l-Imtarfa.
Ix-xogħol fuq it-tieni fażi għaddej mid-Dipartiment billi qed jiġi ppreparat pjan ta` xogħol biex il-`lane` li tiela` lejn Ħad-Dingli tkun tista` tinbena għal wisa` neċessarja mingħajr ma tittieħed aktar raba` u biex fl-istess ħin ma tibqax iċċedi kif kien il-każ sa` llum.
Dan ix-xogħol ovjament jirrikjedi l-approvazzjoni u ħruġ ta` permessi mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar qabel ma x-xogħol ikun jista` jsir.
Peress li fl-aħħar esportazzjoni deher ċar li l-proċess ta' l-esportazzjoni tal-patata kien aħjar b'varjeta' waħda, jista' l-Ministru jgħid għaliex daħħal varjeta' oħra u se jkompli jdaħħal varjeta' oħra?
Kemm fil-fatt se jkun it-tunnellaġġ ta' l-Alpha u tas-Sante' għall-istaġun li ġej, u fuq liema raġunijiet il-Ministru se jerġa' jbiddel dan il-kuntratt?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar esportazzjoni (fl-1999) deher ċar li kien hemm suq attrajenti għall-patata tal-varjeta Sante' tant li l-bdiewa tħallsu prezz rekord.
Għadhom ma sarux l-arranġamenti dwar l-esportazzjoni tal-patata tal-varjeta' Sante' għall-istaġun li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex jekk il-varjeta' Sante' hija aħjar mill-Alpha, saru arranġamenti sabiex din tiġi esportata fl-ewwel erba' ġimgħat biss?
X'jiġri jekk l-esportazzjoni tas-6000 tunnellata tkun tal-varjeta' Sante' u ma tilħaqx fl-ewwel erba' ġimgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-patata tal-varjeta' Sante' hija aktar bikrija mill-Alpha (mhux aħjar) u hemm suq għaliha qabel tibda l-Alpha. Jidher li s-suq hu limitat għal-madwar 2,000 tunnellata jekk titwassal fis-suq qabel l-Alpha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret ma' l-aġenti Olandiżi tal-patata minħabba l-aħħar problemi li nqalgħu matul l-esportazzjoni ta' din is-sena?
Jista' l-Ministru jgħid min informa lill-aġenti Olandiżi sabiex mas-6,000 tunellata Alpha jieħdu 2,000 tunellata Sante?
Meta ddiskuta dan it-tibdil l-Agricultural Export Marketing Board u meta approva din it-talba u f'liema data?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi kienu l-istess importaturi Olandiżi li talbu sabiex tiġi esportata 2,000 tunnellata Sante' qabel l-Alpha.
Il-ftehim li ntlaħaq fi Frar ta' din is-sena kien diskuss diversi drabi fil-laqgħat ta' l-'Agricultural Produce Export Marketing Board'.