Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #18724 Sitting 373 2000-09-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Koperattivi tal-bdiewa — Dazji

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana jekk huwiex se jiddiskuti mal-koperattivi tal-bdiewa s-sitwazzjoni ta' l-eżenzjoni tad-dazji ta' 77% li l-Unjoni Ewropea eżentat lill-pajjiżi applikanti bħal Malta lill-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant? Peress li din is-sitwazzjoni żvantaġġjat bil-kbir lill-bdiewa Maltin, meta pparagunati ma' dawk tal-pajjiżi applikanti ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, jista' l-Ministru jinfurmana x'passi se jieħu f'dan ir-rigward?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-eżenzjoni mogħtija mill-UE dwar dazju jew levies fuq prodotti agrikoli importati minn pajjiżi ta’ l-Ewropa Ċentrali u ta’ Lvant tifforma parti minn ftehim, li ilu jeżisti bosta snin, ma’ kull wieħed minn dawn id-disgħa pajjiżi. Dan il-ftehim huwa mmirat biex progressivament iwessa il-liberalizzazzjoni fil-kummerċ ta’ prodotti agrikoli. Li l-Onorevoli Interpellant ma semmiex huwa li dan it-tnaqqis fid-dazju/ levies min-naħa ta’ l-UE huwa marbut ma tnaqqis fid-dazju/ levies min-naħa tal-pajjiżi kkonċernati fuq prodotti agrikoli jew agro-industrijali oħrajn importati mill-UE. L-esport prinċipali agrikolu Malti lejn l-UE, il-patata, diġa jgawdi eżenzjoni ta’ 100% fuq id-dazju, għaldaqstant, nispera li l-Onorevoli Interpellant għandu jifhem li f’dan l-istadju għadu mhux il-waqt li inneħħu xi parti mid-dazji/ levies fuq l-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli jew agro-industrijali mill-UE. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindikali liema huma dawk il-prodotti esportati minn Malta lejn l-UE, li peress li jikkompetu mal-prodotti li fuqhom ingħatat l-eżenzjoni lill-pajjizi ta’ l-Ewropa Ċentrali u ta’ Lvant, hu jaħseb li jistgħu jiġu nfluwenzati negattivament minn l-arrangġment li ntlaħqu. Naħseb li l-Onor. Kollega jifhem u japprezza li mhux ta' ġid għall-industrija agrikola li nperċu x'ser tkun l-istrateġija tagħna f'dan ir-rigward f'dan l-istadju.
Leg 9 PQ #18709 Sitting 372 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Majjal — Qatla

Question

Peress li huwa naturali li meta jonqos il-piż tal-qatla tal-majjal jiżdied in-numru ta' l-irjus, jista' d-dipartiment jispjega x'ikkawża n-nuqqas ta' rjus ukoll?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma suppost jaf hu, kull meta jkun hemm nuqqas ta' majjal jew inkella żieda fid-domanda, il-qatla tiġi avvanzata b'konsegwenza li kemm il-piż kif ukoll in-numru tar-rjus fuq l-irziezet jonqsu.
Leg 9 PQ #18710 Sitting 372 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Sanita' — Kampjuni ta' l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni f'Malta u Għawdex li ttestjaw il-kampjun ta' l-ilma mad-Dipartiment tas-Sanita'? X'irriżulta u x'passi ttieħdu jew ġew rikkmandati fejn kien il-każ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu ta' żmien, k if ukoll x'tip ta' kampjuni ta' ilma qiegħed jirreferi, billi uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jieħdu diversi kampjuni ta' ilma.
Leg 9 PQ #18711 Sitting 372 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/raħħala/sajjieda — Bolla

Question

Peress li fil-mistoqsija parlamentari numru 18160 il-Ministru ma qalx kemm huwa n-numru separat ta' bdiewa, raħħala u sajjieda, imma ta n-numru globali u fil-fatt qal il hemm 1028, jista' jgħid kemm minn dawn l-1028 kienu bdiewa, raħħala/produtturi u sajjieda separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li kif diġa infurmajtu fir-risposti għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 13998 u 18160, u kif hu suppost li jaf, l-istatistika ma tinżammx u qatt ma nżammet b'mod li jiddistingwi bejn bdiewa, raħħala u sajjieda.
Leg 9 PQ #18712 Sitting 372 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Siġar — Tħawwil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' siġar (mhux arbuxxelli eċċ) li tħawlu f'Malta u f'Għawdex mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul l-ewwel 6 xhur tas-sena, kemm fil-mixtliet u kemm fit-toroq, ġonna eċċ? Kemm fil-fatt huwa maħsub li jitħawlu siġar (mhux pjanti u/jew arbuxxelli eċċ) fis-6 xhur li ġejjin f'Malta u fejn ser jitħawlu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Tħawwlu 5,407 siġar f'Malta fl-ewwel 8 xhur ta' din is-sena. Għal rigward t'Għawdex l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Ir-risposta rigward it-taħwil diġa ngħatat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17883. Hu maħsub biex jitħawwlu madwar 1,000 siġra oħra mferrxin ma' Malta kollha sa' l-aħħar tas-sena.
Leg 9 PQ #18717 Sitting 372 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti ta' fawran tad-drenaġġ matul l-ewwel sitt xhur tas-sena? Fejn kienu u x'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' stoppages/blockages ta' drenaġġ madwar Malta kollha matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena jammontaw għal 543. Dawn kollha jkunu ġew irranġati kważi fl-istess ġurnata li jkunu rrappurtati.

Djar — Xiri ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji li fil-mument għandhom talbiet tagħhom quddiem l-Awtorita' tad-Djar sabiex jixtru l-proprjeta' fejn huma residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għandha 291 l-applikazzjoni pendenti. Dawn huma mqassma hekk: 71 - l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna l-approvazzjoni tal-Lands Department biex tibda tipproċesshom; 89 - l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna l-provenjenza ta' l-art li fuqha hemm mibnija din il-proprjeta' biex tkun tista' tikkonkludi mal-applikanti; 131 - qegħdin jiġu proċessati mill-Awtorita' tad-Djar. Bħalissa din l-iskema qegħda tiġi analiżżata biex tiġi eliminata kull possibilita' ta' abbuż.
Leg 9 PQ #18697 Sitting 371 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Turiżmu — Safar/riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18169?

Response (REFALO, MICHAEL)

Infurmat li fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena intefqu Lm46,512 f'safar u Lm2,913 f'riċevimenti mill-Ministeru u entitajiet jaqgħu taħtu.
Leg 9 PQ #18698 Sitting 371 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Safar/riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18170?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-nefqa f'safar u riċevimenti fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2000 mid-Dekasteru tiegħi kienet kif ġej: Safar Riċevimenti (Lm) (Lm) Ministeru 9,887.00 521.00 Segretarjat Parlamentari 3,532.72 102.00 Dipt. Żgħażagħ u Sport 2,644.84 3,737.00 Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni 13,119.25 164.25 Dipt. ta' l-Eżamijiet Nil Nil Dipt. tal-Libreriji u Arkivji Nil Nil Dipt. tal-Mużewijiet 552.42 Dipt. tal-Kultura 6,139.00 Nil Fondazzjoni Patrimonju Malti Nil 1,940.00 Orkestra Nazzjonali Nil Nil Teatru Manoel 2,376.00 Nil Fondazzjoni għall- Istudji Internazzjonali Nil Nil Kunsill Malti għax- Xjenza u Teknoloġija 3,214.29 1,240.00 P.B.S. 8,103.13 Nil Universita` ta' Malta 37,000.00 (xogħol u taħriġ 5,160.23 konness mal- Protokoll Taljan) 6,420.00 (Visti Uffiċjali) 110,829.00 (Taħriġ ta' studenti u staff akkademiku) 6,800.00 (programmi ta' l- Ewropa) 17,152.00 (proġetti u riċerka ta' l-Universita`) Mediterranean Conference Centre 2.256.00

Djar — Każijiet pendenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18163, jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-policy tal-gvern għat-tlett snin li ġejjin biex jirrimedja dawn it-381 każ li jirriżultaw li qed jgħixu f'bini perikoluż u kundannat mill-periti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mhux kull applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali minħabba periklu bilfors tirrekjedi li l-applikant jingħata akkomodazzjoni alternattiva. Per eżempju, minn 41 applikazzjoni minn Bormla li ġew investigati mill-periti ta' l-Awtorita' tad-Djar, irriżulta li f'22 każ biss kien hemm periklu u f'19 il-każ minn dan il-periklu seta' jitneħħa permezz ta' użu minn Skema ta' l-Awtorita' tad-Djar. F'żewġ każijiet biss kien hemm ħsara irreparabbli u l-inkwilini ġew offruti post alternattiv. Għalhekk, id-Dipartiment ser jikkonċentra li jiġu identifikati dawk il-każijiet li huma verament ġenwini.
Leg 9 PQ #18706 Sitting 371 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi rivedut il-kont ta' l-ilma u tad-dawl numru 990635490 li jammonta għall-Lm755.52?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li dan il-kont ikopri perjodu ta' sbatax-il xahar u erba' kontijiet pendenti mit-28 ta' Lulju, 1998 sas-7 ta' Diċembru, 1999. Mill-history sheet ta' dan is-servizz, ma jirriżultax li hemm żbalji jew xi konsum mhux tas-soltu. Għaldaqstant ma hemmx każ ta' reviżjoni. Tajjeb infakkar, kif għamilt meta weġibt mistoqsijiet simili, li f'każi bħal dan, ikun aktar siewi li l-ilment jew talba għal kjarifika isiru fl-uffiċċju tal-Customer Care tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Leg 9 PQ #18707 Sitting 371 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 4237/98

Question

Peress li l-familja b'referenza għall-applikazzjoni PA 4237/98 tinħtieġ b'mod urġenti l-iżviluppi mitluba f'din l-applikazzjoni, minħabba li hemm persuna b'diżabilita' residenti f'dan il-fond, jista' jara li jibgħat uffiċjali ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u casual worker preferibbilment il-persuna li isimha qed jidher separatament li kien jassisti lil din il-persuna b'diżabilita'?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota li l-applikazzjni numru PA 4237/98 hija għal kamra fil-front garden liema kamra tmiss ma' blokka residenzjali tal-Gvern. L-użu tal-kamra mhux speċifikat, u b'aċċess totalment separat mir-residenza li tmiss magħha. F'dawn iċ-ċirkostanzi, ma tista' tinstab l-ebda ġustifikazzjoni li biha tkun tista' tkun rakkomandata l-applikazzjoni msemmija skond il-policies l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. L-uffiċjali ta' l-Awtorita' huma disponibbli għall-konsultazzjoni ma' l-applikant jew ir-reppreentant/i tiegħu sabiex tinstab alternattiva sodisfaċenti għal kulħadd, fosthom bdil ta' użu ta' kmamar eżistenti.
Leg 9 PQ #18708 Sitting 371 2000-09-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' timbri li d-dipartiment għandu fir-records tiegħu fuq il-majjal fil-mument?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel id-domanda tiegħu iktar ċara u jispjega ruħu aħjar sabiex inkun nista nitlob li tinġabar l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #18567 Sitting 370 2000-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Varjeta' Sante

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18152?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, l-Onor. Interpellant qiegħed jitlob konferma ta' dak li diġa weġibtu u li ġie ppublikat. Dwar it-tieni parti ninfurmah illi l-prezz mħallas lill-bdiewa għall-patata kien wieħed uniformi u ma sarx l-ebda distinzjoni bejn dik bikrija u dik imwaħħla. Il-prezz medju li tħallas lill-bdiewa kollha kien dak sodisfaċenti ta' Lm10.22 il-qantar.
Leg 9 PQ #18587 Sitting 370 2000-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Majjal — Qatla

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18162?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nibda biex nikkoreġi l-Onor. Interpellant u nerġa nappellalu sabiex ma jibbażax domandi fuq informazzjoni żbaljata qabel ma jindenja ruħu jivverifika l-fatti. Dan għaliex tul il-perjodu li kien hemm in-nuqqas fil-produzzjoni l-inqas qatla kienet ta' 1760 f'ġimgħa waħda partikolari, u mhux ta' 1600 fil-ġimgħa kif qed jgħid l-Onor. Interpellant. Ir-raġunijiet għal dan spjegajthomlu fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18294.
Leg 9 PQ #18633 Sitting 370 2000-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija — Majjal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18158 dwar il-piz tal-qatla tal-majjal?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nibda billi nerġa nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li jien tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18294. Il-piż medju għall-ewwel tlett xhur tas-sena kien ta' 80.7 kgs waqt li għat-tieni tlett xhur il-piż medju kien ta' 79.3 kgs. Dan jipparaguna tajjeb ma ta' snin oħrajn meta dan il-piż saħansitra laħaq niżel għal 76 kgs.
Leg 9 PQ #18695 Sitting 370 2000-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Istitut ta' Bari — Proġett ta' Chadwick Lakes

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ma saret l-ebda laqgħa ma' l-istitut ta' Bari dwar il-kontinwazzjoni tal-proġett fiċ-Chadwick Lakes?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kif diġa għidlu fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17997 saru diversi laqgħat ma' l-Istitut ta' Bari. F'dik ir-risposta kont għidtlu li ma saret l-ebda laqgħa speċifika fuq dan is-suġġett. Pero' nieħu pjaċir ninfurmah illi l-fondi tal-protokol Taljan ġew utilizzati bit-tkomplija tal-proġett fiċ-Ċentru tal-Mikro Propogazzjoni f'Ħal-Lija.
Leg 9 PQ #18696 Sitting 370 2000-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

CHEAM — Rivista

Question

Jikkonferma l-Ministru li fuq ir-rivista ta' l-Ekonomija, Ambjent u Agrikoltura pubblikata miċ-Cheam għamel referenza dettaljata dwar l-importanza ta' dan il-proġett f'Diċembru li għadda?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma nistax nifhem għalfejn l-Onor. Interpellant qiegħed jitlob konferma mingħandi dwar pubblikazzjoni ta' artiklu. Pero' nista ngħidlu li fir-rivista li qed jagħmel referenza għaliha, ġie miktub artiklu intitolat "Setting up of an experimental area in Malta for Hydraulic Management and Environmental Restoration of Chadwick Lakes". F'dan l-atiklu li nkiteb minn F. Gentile, C. Lacirignola, S. Puglisi u G. Trisorio Liuzzi ġie deskritt ix-xogħol li sar mill-esperti Taljani f'dan il-post.
Leg 9 PQ #18560 Sitting 369 2000-09-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħalib — Koperattiva tal-produtturi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17598, jista' l-Ministru jgħid liema huma r-riservi li tressqu lill-Ministeru mill-koperattiva tal-produtturi tal-ħalib frisk dwar l-iżvantaġġi li se ġġib il-CAP kemm fl-industrija lokali tal-ħalib frisk u kemm f'dik taċ-ċanga friska?

Response (ZAMMIT, NINU)

F'dan l-istadju, ma għandi xejn xi nżid mar-risposti li tajtu għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 16297 u 17598.