Jista' l-Ministru jinfurmana fuq liema kriterji u raġunijiet d-Dipartiment ta' l-Artijiet għolla l-qbiela minn Lm1 kull tomna għal Lm4 kull tomna bla ma kkonsulta ma' l-għaqdiet tal-bdiewa u r-raħħala?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għolliex il-qbiela minn Lm1 għal kull tomna għal Lm4 għal kull tomna, imma minn Lm2.25 għal kull tomna għal Lm4 għal kull tomna. Ir-rata ta` Lm2.25 għal kull tomna kienet ġiet iffissata f`April tal-1997.
Nirreferi ukoll għat-tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19947 f`Seduta Nru 398.
Jista' l-Ministru jikkunsidra mill-ġdid li jirrevedi l-iskema tal-ħlas u titolu tal-qbiela u ta' l-imħażen peress li jirriżulta li l-bdiewa ma jifilħux iħallsu Lm4 kull tomna u Lm3 kull metru kwadru fuq l-imħażen akbar minn 30 metru?
Response (BORG, TONIO)
Nagħmel referenza għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 19947, Nru 19951 u Nru 19952 b`mod partikolari l-ewwel waħda.
Jista' l-Ministru jinformani x'sar u xi progress kien hemm fir-rigward ta' l-assessments tat-toroq li saru fl-area tad-Daqqa Santa Margerita, Tal-Wej u Ta' Xkora, fil-Mosta biex jiġu stabbiliti liema toroq iridu jiġu asfaltati skond il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 18167?
Jista' jinformani meta dawn it-toroq tar-residenti Mostin se jiġu asfaltati u preferibbilment mogħtija t-tarmak?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' assessment għadu għaddej. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant tkun tista' tingħata meta l-lista ta' prijoritajiet li d-Dipartiment qed jipprepara flimkien mal-Kunsilli Lokali kollha tkun updated.
Jista' l-Ministru jikkonsidra l-bżonn li jgħin finanzjarjament lill-isportivi Maltin li kisbu suċċess fl-aħħar European Quarter Mile Race, sabiex għall-kampjonat Ewropew li jmiss jipparteċipaw fl-events kollha bil-għajn li jinkisbu suċċessi aħjar?
Jista' jara li ssir laqgħa sabiex jiġu reġistrati l-bżonnijiet ta' dawn l-isportivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' kellu l-opportunita` jispjega fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari ġejt informat li normalment għaqdiet sportivi jitolbu għajnuniet qabel ma jipparteċipaw f'xi kompetizzjoni barra minn Malta. Dawn it-talbiet anke jkunu sostanzjati minn sistema ta' l-ispejjeż li se jiltaqgħu magħhom.
Peress li l-attivita` li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru diġa` saret, mhux possibbli li tingħata għajnuna retroattiva.
Fil-futur, jekk dawn l-isportivi jħossu l-bżonn li jitolbu għajnuna finanzjarja għandhom jagħmlu t-talba tagħhom qabel ma ssir l-attivita`.
Jista' l-Ministru jikkonferma bil-progress ta' l-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li applikat sabiex tattendi l-korsijiet ta' l-Ingliż li jiġu organizzati filgħaxija mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjon?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li isimha intbagħat separament qiegħda l-wieħed u erbgħin waħda fuq il-lista.
S'issa infetħet il-klassi li wegħdna fuq il-Prospett tal-korsijiet ta' Filgħaxija, bi 30 persuna.
Jekk ikun hemm xi studenti li ma jattendux il-lezzjonijiet fl-ewwel ftit ġranet, jissejħu dawk li qegħdin fuq il-'waiting list'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna b'diżabilita' li ma tużax it-trasport provdut mill-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti, biex tmur ix-xogħol għandhiex dritt għal sussidju mogħti mill-gvern lill-fondazzjoni biex tuża l-istess sussidju ma' kumpannija oħra tat-trasport?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuna b'diżabilita' li ma tużax it-trasport provdut mill-Fondazzjoni Transport Ħajja Indipendenti, biex tmur għax-xogħol, m'għandhiex dritt għal sussidju dirett jekk tagħżel li tuża mezz ta' trasport provdut minn ħaddieħor.
Jista' l-Ministru jinformana għaliex il-gvern huwa favur il-ħlas ta' Lm4.00 t-tomna għall-qbiela tal-bdiewa u kontra l-ħlas ta' Lm2.25c għal qbiela li l-gvern preċedenti kellu bħala rata ġdida għal ħlas tal-qbiela?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-iskema ġdida tal-qbiela tar-raba’ tal-Gvern, mħabbra dan l-aħħar u li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija intiża biex tirregolarizza lil dawk li qed jaħdmu r-raba tal-Gvern mingħajr titlu, jiġifieri b’mod irregolari.
Dawn qed jingħataw l-opportunita li jġibu l-affarijiet tagħhom skond ir-regola billi jidħlu f’din l-iskema. Nixtieq hawnhekk nispjega illi għall-kuntrarju taż-żjidiet proposti fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, din l-iskema ma hiex ser taffettwa lil dawk il-bdiewa li għandhom titlu regolari tal-qbiela tagħhom. Sadanittant ninsab infurmat illi ż-żjidiet maħsuba fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, li kienu ser jaffettwaw anki lil min kellu titlu għar-raba tiegħu, kienu ser ikunu ferm iżjed minn Lm4 it-tomna.
Niġbed l-attenzjoni ta' kulħadd illi min qed iħallas qbiela b'titlu regolari ser jibqa jħallas l-istess ammont ta' qbiela.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex aċċetta li l-ħlas tal-qbiela tal-bdiewa jkun ta' Lm4 kull tomna u ta ' Lm3 metru fuq imħażen li huma aktar minn 30 metru kwadru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Wara li saru d-diskussjonijiet bejn id-Dipartiment ta’ l-Uffiċċju Konġunt, id-Dipartiment ta’ l-Artijiet u d-Dipartiment ta’ l-Agrikultura, ġew stabbiliti ir-rati li permezz tagħhom, dawk li kienu qed jaħdmu raba tal-Gvern mingħajr titolu, jirregolarizzaw il-posizzjoni tagħhom billi jidħlu f’din l-iskema. Peress li din l-iskema qiegħda tiġi introdotta issa, u t-titoli ser jiġu regolarizzati issa, hija ħaġa loġika li r-rati ikunu jirriflettu l-qbiela u l-kera ta’ dawn iż-żminijiet.
Jista' l-Ministru jinformana għaliex ma ddiskutiex ma' l-għaqdiet tal-bdiewa l-problema li qed tikkawża l-iskema l-ġdida tal-prezzijiet għolja tal-qbiela u ta' l-imħażen tar-raba'? Jista' jgħid f'liema paġna tal-programm elettorali l-Gvern Nazzjonalista kien qal li se jgħolli l-ħlas tal-qbiela u ta' l-imħażen?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-ispjegazzjoni li tajt fir-risposti għall-domandi parlamentari numru 19928 u 19933. Nixtieq inżid illi ma kienx ikun għaqli li jsiru diskussjonijiet ma dawk li kienu qed jokkupaw art mingħajr titolu minħabba fil-possibilita’ li setgħa jinħoloq lok għal xi abbużi.
Jista' l-Ministru jnaqqas ir-rata tal-qbiela skond l-iskema l-ġdida tal-qbiela li ħareġ il-gvern peress li din il-miżata qed toħloq problemi lill-bdiewa?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant huwa mgħarraf li saru laqgħat ma` rappreżentanti tal-bdiewa u qed jiġu kunsidrati t-talbiet tagħhom. Tajjeb jiġi notat pero` li kemm dawn ir-rappreżentanti kif ukoll il-Gvern qablu li ma għandu jkun hemm ebda bidla fil-konfront ta` min hu irregolari. Barra minn hekk, ir-rata tal-qbiela ta` Lm4 it-tomna hija meqjusa bħala rata xierqa meta wieħed jikkunsidra l-qbiela li qegħda titħallas fil-privat.
Jista' l-Ministru jinfurmana dwar x'inhi l-pożizzjoni dwar l-għalqa Ta' Kola, fir-Rabat? Peress li r-residenti tal-lokal kif ukoll il-pubbliku u t-turisti issa huma imxebbgħa jħabbtu wiċċhom mat-trabijiet u d-dehra kerha u żdingata f'dawn l-inħawi tant frekwentati, jista' l-Ministru jara li jsir xi forma ta' ftehim sabiex dan is-sit jiġi mogħti xi forma ta' cold tarmac, li barra li jtaffi l-inkonvenjent għar-residenti jilqa' aħjar l-ilma tax-xita ħalli ma jippenetrax fil-fdalijiet li għadhom ma ġewx skavati u li għadhom jinsabu taħt l-art?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' eżamijiet li saru diġa' għall-kaċċaturi u nassaba matul din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-numru ta' Applikanti li gew ipproċessati din is-sena sas-6 ta' Ottubru 2000 huwa ta' 579. Dan in-numru ma jirrifflettix in-numru ta' eżamijiet għaliex kull applikant jista' jerġa jiġi għall-eżami, minħabba li ma jkunx għadda.
Kemm fil-fatt huma n-numru ta' kaċċaturi u nassaba li sena b'sena matul dawn l-aħħar snin għamlu dan l-eżami u x'kienu l-ħlasijiet li tħallsu sena b'sena mill-kaċċaturi għal dawn l-eżamijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li in-numru ta' Applikanti għal-Liċenzji tal-Kaċċa u Nsib ipproċessati mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent sena b'sena, min-1996 l'hawn huwa kif gej:
SENA NUMRU TA' APPLIKANTI
--------------------------------------------------------------
1996 592
1997 1176
1998 625
1999 607
Ma kien hemm l-ebda ħlas li sar lid-Dipartiment biex isiru dawn l-eżamijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 19576, jista' l-Ministru ġentilment jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-deroga li l-UE tat jew għamlet mal-Fillandja għar-rigward ta' l-industrija tal-ħalib li l-Ministru għamel riferenza għaliha fit-tweġiba tiegħu f'Seduta Nru. 369?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-dettalji kollha ta' fejn din id-deroga ġiet pubblikata tajthom fir-risposta għad-Domanda Parlamentari Numru 19576. Għaldaqstant ma narax il-bżonn li npoġġi materja pubblikata, u li hija aċċessibli għal kulħadd, fuq il-Mejda tal-Kamra.
Meta mistenni li jiġi esportat aktar tonn permezz ta' kummissjonar ta' tuna farms?
Kemm gie esportat tonn sa issa u kemm mistennija li tkun il-produzzjoni ta'
tuna farms
fis-snin li gejjien?
Response (ZAMMIT, NINU)
Sa issa ġie kkummissjunat tuna farm wieħed privat li beda’ jopera din is-sena. Sa issa dan il-farm għadu fl-istadju li qiegħed iħaxxen il-ħut li nqabad żgħir u qed jitrabba fil-gaġeġ. Dan mistenni jinqatel għall-esportazzjoni iktar tard din is-sena.
Peress li ċ-ċifri totali ta’ pajjiżna juru ċ-ċifri ta’ farm wieħed biss, liema ċifri huma ta’ natura kummerċjali, ma naħsibx li jkun għaqli li nippublikahom f’dan l-istadju.
San Pawl il-Baħar — Triq Ta' Zandu - Reserved Parking
Question
Peress li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ilha xhur tistenna li tinżeba r-reserved sign fi Triq Ta' Zandu, Qawra, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jara li jikkordina x-xogħol meħtieġ? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ser nitlob lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x'jista' jsir.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni għomja applikaw għal sussidju taħt skeda 5 ta' l-Awtorita' tad-Djar matul din is-sena?
Fuq liema kriterji jiġi mgħoti dan is-sussidju? Kemm kien hemm applikazzjonijiet mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-lum? Kemm ġew approvati u rifjutati applikazzjonijiet? Jekk applikazzjoni tiġi rifjutata l-applikant għandu dritt għall-appell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Skeda 5 li tifforma parti mill-Avviż Nru. 62 li deher fil-Gażżetta tal-Gvern tas-27 ta' Jannar 1998 u Avviż Nru. 63 li deher fil-Gażżetta tal-Gvern tat-18 ta' Marzu 1999, fejn inħarġu applikazzjonijiet għall-postijiet ġodda, ma jirriżultax li kien hemm applikanti għomja.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm hemm applikazzjonijiet għal xogħlijiet fuq il-Bypass tal-Mtarfa?
Jista' l-Ministru jinformani fiex waslet l-azzjoni tal-awtorita dwar il-ħajt li nbena bil-balal ta' konkos fl-aktar area sensittiva ta' l-irdum ta' l-Imtarfa
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 15695 u Nru. 16687, ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet applikazzjoni PA 3110/00 għal xogħlijiet ta` titjieb ġenerali fil-Bypass ta` l-Imtarfa li tinkludi wkoll l-imsemmi ħajt tal-konkos.
L-applikazzjoni msemmija għadha preżentament pendenti. Fil-fatt, wara li l-uffiċċjal inkarigat minn din l-applikazzjoni ikkonsulta ma` l-Environment Management Unit fl-Awtorita` stess, ġew identifikati n-nuqqasijiet fis-sottomissjonijiet, u dawn ġew ikkomunikati lill-applikant. Malli l-applikant jippreżenta r-reazzjoni tiegħu l-applikazzjoni tkun tista` tkompli tiġi evalwata skond il-proċeduri stabbiliti
Peress li Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta kellha ssir one way b'sistema apposta u skond mistoqsija parlamentari numru 17121 li jien għamilt fis-16 ta' Ġunju ta' din is-sena ġejt infurmat li ħarġu t-tenders sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa, jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi u bil-progress li sar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sistema opposta ta' one way fi Triq il-Kungress Ewkaristiku hija marbuta mal-proġett tan-North Ring Road li għalih saru sejħiet għal offerti.
Peress li l-Ministru għall-mistoqsija tiegħi tas-27 ta' Ġunju ta' din is-sena kien infurmani li ta struzzjonijiet lid-dipartiment tat-toroq sabiex, flimkien mal-kunsill lokali tal-Mosta, jipproponu x'inhu l-aħjar li jsir sabiex tiġi rranġata New Street in Constitution Street, Mosta, jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi li saru matul Lulju, Awissu u Settembru?
Peress li r-residenti ilhom is-snin jistennew li xi ħadd jagħti kas din it-triq, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet jibdew bla aktar dewmien? Jista' jpoġġi l-pjanti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment għamel spezzjoni fil-lokalita' u l-akbar diffikulta hija li għalkemm tqegħdu l-mains tad-dranaġġ, dawn għadhom ma jistgħux jintużaw peress li għad trid tinbena l-pump room mid-Dipartiment tad-Dranaġġ.
Sakemm dan ix-xogħol isir, id-djar u l-workshops fil-lokalita' ma jistgħux jitneħħewlhom il-fosos, u għalhekk dawn it-toroq ma jistgħux jiġu asfaltati għalissa.