Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b'Diżabilita' — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilita' li għandhom applikazzjonijiet pendenti mad-Dipartiment għall-Politika Soċjali għal xi forma ta' benefiċċji u/jew skemi li d-dipartiment joħroġ sabiex jissaħħaħ aktar il-konċett tal-ħajja indaqs? Kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet, kategorija, kategorija li ġew approvati matul din is-sena sabiex it-talbiet pendenti li jikkonċernaw lill-Ministru għall-Politika Soċjali jiġu milqugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Talbiet pendenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li għandu d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali sabiex persuni b'diżabilita' jiġu mgħejjuna jixtru computer skond l-iskemi ta' għajnuna eżistenti? Kemm ġew approvati applikazzjonijiet simili matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali (Persuni b'Diżabilita') u mhux id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, għandha s-Servizz Għajnuniet Speċjali li, fost ħwejjeġ oħra u skond ir-riżorsi finanzjarji disponibbli, toffri għajnuna finanzjarja biex tgħin persuni b'diżabilita' jgħixu ħajja indipendenti. Ninsab infurmat li matul din is-sena ġew approvati 11 l-applikazzjoni konnessi ma xiri ta' kompjuters filwaqt li numru ta' applikazzjonijiet pendenti hu ta' 54. Persuni b'diżabilita' li japplikaw għall-għajnuna taħt din l-iskema jingħataw lura l-ammont tal-VAT imħallas għax-xiri tal-kompjuter u l-aċċessorji relatati.
Leg 9 PQ #20143 Sitting 402 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Modifikazzjoni Ġenetika — Tadam

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-varjetajiet tat-tadam li ntużaw matul 1999 u qed jintużaw din is-sena li huwa ġenetikament modifikati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul l-1999 u f'din is-sena ma ġewx użati varjetajiet ta' tadam li kienu ġenetikament modifikati.
Leg 9 PQ #20144 Sitting 402 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Mosta — Ta' Mlit - Landscaping

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 19792 dwar il-qasam tad-djar Ta' Mlit li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Ministru jara li fl-inħawi tal-HE Ta' Mlit, fil-Mosta jsir landscaping aħjar ta' din l-area? Jista' l-Ministru jara li immedjatament jintbagħtu uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Ambjent sabiex iwettqu l-preparamenti meħtieġa għall-programm tal-landscaping f'dawn l-inħawi tal-Mosta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minkejja li r-responsabbilita għax-xogħol li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant ma taqax direttament taħt il-Ministeru tiegħi, qiegħed nieħu nota ta’ s-suġġeriment biex nirreferih lill-awtorita kompetenti.
Leg 9 PQ #20145 Sitting 402 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Wardina — Wied Qannotta - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinformani min huwa responsabbli mill-kordinament tax-xogħlijiet li qed isiru f'Wied Qannotta, fil-Wardija? Għaliex qed isir xogħol fid-dlam minn kuntratturi privati? Ma jħoss id-dipartiment li dawn ix-xogħlijiet aħjar isiru matul id-dawl tal-jum u mhux matul il-lejl?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Min stħarriġ li sar ma jirrriżultax li dan ix-xogħol qed issir min xi dipartiment li jaqa' taħt dan il-Ministeru. Dan il-kaz gie mgħoddi lil Awtorita ta' l-Ippjanar fejn irrizulta li l-Awtorita diġa kienet ħarġet 'stop/enforcement notice' fuq dan is-sit. L-Awtorita ta' l-Ippjanar ser tkompli tinvestiga dan il-kaz.
Leg 9 PQ #20146 Sitting 402 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Modifikazzjoni Ġenetika — Żriegħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-varjetajiet ta' żriegħ li daħlu f'Malta u kienu ġenetikament modifikati matul 1999 u din is-sena? X'riċerka saret mid-Dipartiment tal-Agrikoltura u jista' l-Ministru jpoġġi dawn ir-rapporti ta' riċerka fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Matul l-1999 u f'din is-sena ma ġewx irrapurtati varjetajiet ta' żriegħ li kienu ġenetikament modifikati. It-tieni parti tal-mistoqsija għalhekk ma treġġix.
Leg 9 PQ #20026 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/raħħala/sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li applikaw għal xi forma ta' għajnuna matul din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li applikaw għal xi forma ta' għajnuna matul din is-sena kienu ta' 1,089.
Leg 9 PQ #20027 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu fl-emerġenza ta' l-Isptar San Luqa matul din is-sena xahar b'xahar? Kemm minnhom kienu tfal u anzjani?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-numru ta' persuni li daħlu fl-emerġenza ta' l-Isptar San Luqa matul din is-sena xahar b'xahar huma: Jannar 8529 Frar 8379 Marzu 9289 April 8797 Mejju 9258 Ġunju 8945 Lulju 9389 Awissu 9249 Dawk li kienu tfal huma: Jannar 1068 Frar 1195 Marzu 1303 April 1025 Mejju 1058 Ġunju 1000 Lulju 866 Awissu 722 L-istatistika li tinżamm hija għat-tfal u adulti, u għalhekk ma hemmx records ta' l-anzjani.

Impjiegi — Inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni rrapportati li weġgħu fuq il-post tax-xogħol matul din is-sena, xahar b'xahar, f'Malta u Għawdex separatament? Kemm minnhom kienu ħaddiema mal-gvern, mal-privat u/jew self-employed separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' persuni li għamlu talba għall-benefiċċju tal-korriment mill-1 ta' Jannar, 2000 sa l-aħħar ta' Settembru, 2000 huwa ta' 3881 f'Malta u 125 f'Għawdex. Minn dawn, 371 kienu ħaddiema tal-Gvern, 2532 mal-privat u 209 self-employed. Il-kumplament kienu ħaddiema tat-Tarzna u kumpanniji parastatali.
Leg 9 PQ #20029 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħruq ta' siġar/għelieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' ħruq ta' siġar u għelieqi rrapportati lill-pulizija matul din is-sena? Kemm kien hemm każijiet fejn il-pulizija ressqet nies il-qorti għaliex instabu li kkawżaw xi vandaliżmu li wassal għal dan il-ħruq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-30 ta` Settembru 2000, il-Pulizija kellha ħamsin (50) rapport li b`xi mod jirrelata dwar ħruq ta` siġar jew għelieqi. Minn investigazzjonijiet tal-Pulizija s`issa, ma kienx hemm lok li jinbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra xi persuni.
Leg 9 PQ #20030 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qbiela tar-Raba' — Bord ta' l-Għażla

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min se jkun kompost il-bord ta' l-għażla tat-titolu ta' l-iskema ġdida tal-qbiela tar-raba'?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Membru huwa mitlub jikkjarifika xi jrid ifisser bil-“bord ta` l-għażla tat-titolu".
Leg 9 PQ #20031 Sitting 401 2000-10-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qbila — Skema ġdida tal-ħlas

Question

B'riferenza għall-iskema ġdida tal-ħlas tal-qbila u ta' l-imħażen tal-bdiewa, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati applikazzjonijiet s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s`issa ġew irreġistrati 5 applikazzjonijiet taħt l-Iskema Ġdida tal-Qbiela.

Ġustizzja u Gvern Lokali — Safar

Question

Jista' l-Ministru jinformana f'liema dati matul is-sena 1999 u s-sena 2000 kien imsiefer fuq xogħol ministerjali? Jista' jgħid ukoll kemm kienu l-persuni li kienu jifformaw kull delegazzjoni u x'kien l-għan taż-żjara u x'kienu r-riżultati ta' kull żjara?

Response (GATT, AUSTIN)

Matul is-sena 2000, kont imsiefer fuq xoghol ministerjali f'zewg okkazjonijiet : 2000 (Bejn 4-5 April ) - It-12 -il Konferenza ghall-Ministri Ewropej responsabbli minn Gvern Lokali . Id-delegazzjoni kienet tinkludi is-Sur Anthony Mifsud Bonnici , s-Sur Claudio Grech u s-Sur Maurice Caruana . Il-Konferenza saret f'Istanbul. (Bejn 7-9 ta' Gunju) - It-23 Konferenza tal-Ministri Ewropej tal-Gustizzja. Is-Sur Anthony Mifsud Bonnici u Dr. Anthony Borg Barthet kienu fid-delegazzjoni. Il-Konferenza saret f'Londra. Matul l-1999, ma kontx imsiefer fuq xoghol.
Leg 9 PQ #20017 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Watchmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huwa n-numru ta' watchmen mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u tas-Sajd? X'inhija l-pożizzjoni tagħhom illum u x'se jiġri minnhom fid-dawl li ħafna watchmen qed jiġu nformati li baqgħalhom biss erba' xhur u wara se jmorru jaħdmu xogħol ieħor? X'inhuma fil-fatt dan ix-xogħol ieħor li se jiġu mogħtija u kemm se titnaqqsilhom il-paga jekk jiġri dan?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat illi fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura hemm żewġ persuni li għandhom il-grad ta' watchman, filwaqt li fid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji hemm persuna waħda biss fl-istess grad. Fid-Dipartimenti l-oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd ma hemmx iżjed nies li għandhom il-grad ta' watchman. Hemm numru ta' ħaddiema li għażlu li jagħmlu x-xogħol ta' watchman għalkemm għandhom grad differenti. Għażlu hekk minn jeddhom. Il-pożizzjoni ta' dawn il-ħaddiema għad trid tiġi regolarizzata. Biss ma nafx li nħarġu x'instruzzjonijiet lil dawn il-ħaddiema li erba' xhur oħra ser jispiccaw. Min ma jibqax jagħmel xogħol ta' watchman, dak il-ħaddiem jibqa' jirċievi paga skond il-grad tiegħu u ma titnaqqaslu xejn mill-paga tiegħu. (Jitnaqqsu biss l-Allowances.)
Leg 9 PQ #20018 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Parlament — Lift tal-palazz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu sejjer ix-xogħol fuq il-lift tal-Palazz tal-Parlament? X'qed jikkawża l-waqfien ta' dan il-lift ġdid li sar fil-Parlament? X'passi qed jittieħdu mad-ditta sabiex tiġi rranġata l-ħsara u jew jinbidel dan il-lift?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-Lift tal-Palazz tal-Parlament ilu sejjer minn Ġunju 1999. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija niffereri l-Onor. Interpellant għat-twegiba li tajt għal-mistoqsija parlamentari numru 20099 seduta 399.
Leg 9 PQ #20022 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prodotti ta' l-Ikel — Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm kien in-numru ta' prezzijiet ta' prodotti ta' l-ikel u x-xorb li ġie rrapportat li għola l-prezz tagħhom mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta isegwi l-prezz ta' prodotti varji li huma meqjusa bħala l-aktar popolari fis-suq lokali u li jistgħu ikunu dominanti. Fost dawn hemm 329 prodott ta' l-ikel u xorb. Minn dawn il-prodotti, bejn Settembru 1998 u Settembru 2000, kien hemm żieda fil-prezz ta' 86 prodott. Matul l-istess perjodu kien hemm tnaqqis fil-prezz ta' 20 prodott filwaqt li fil-każ ta' 223 prodott segwit mill-istess Uffiċċju ma ġie reġistrat ebda ċaqliq fil-prezz.
Leg 9 PQ #20023 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każijiet ta' swat/vjolenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' swat u vjolenza fuq l-anzjani rrapportati matul l-1999? Kemm minnhom irriżultaw f'inċidenti fatali? X'passi qed tissokta tieħu l-pulizija sabiex isir ġustizzja ma' min wettaq dawn ir-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każi ta` swat u/jew vjolenza fuq anzjani rrapurtati lill-Pulizija matul l-1999 kienu omiċidju 1, hold ups 4, offiżi fuq il-persuna, inkluż feriti ta` natura ħafifa 13. Infurmat ukoll illi l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni dwar l-omiċidju u dwar żewġ każi ta` hold ups. Fil-każijiet l-oħra kollha inbdew proċeduri quddiem il-Qorti.
Leg 9 PQ #20024 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każijiet ta' swat/vjolenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' każijiet ta' swat u/jew vjolenza fuq anzjani rrapportati lill-pulizija matul din is-sena? Kemm minnhom irriżultaw f'inċidenti fatali? X'passi qed jittieħdu u kemm itellgħu nies il-qorti mill-pulizija konnessi ma' dawn l-abbużi?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub għall-ewwel disa` xhur ta` din is-sena huwa kif ġej: Tip ta` każi Jannar Frar Marzu April Mejju Ġunju Lulju Awissu Settembru Omiċidju - 2 - - - - - - - Offiża fuq 3 1 2 2 5 4 - 1 1 persuna ta` anzjan, inklużi feriti ta` natura ħafifa Hold up - - - 3 - - 1 - - Minn dawn kien hemm każ wieħed fatali – dak ta` l-omiċidju. Dwar dan il-każ tressqu żewġ persuni quddiem il-Qorti. Żewġ persuni oħra tressqu quddiem il-Qorti dwar il-każ ta` hold up. Infurmat ukoll illi dwar seba` każi ta` offiżi fuq il-persuna, kien hemm talba sabiex ma jittieħdux passi kriminali mill-vittma stess, filwaqt li dwar il-każijiet l-oħra tressqu quddiem il-Qorti tnax-il persuna.
Leg 9 PQ #20025 Sitting 400 2000-10-19 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/raħħala/sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li qed jibbenefikaw minn skemi ta' sussidju finanzjarju fuq l-imgħax tad-diversi skemi li ħarġu fi snin differenti rispettivament? Kemm minnhom f'Għawdex u kemm f'Malta?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #19951 Sitting 399 2000-10-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Bdiewa - Qbiela

Question

Jista' l-Ministru jinformana fuq liema kriterji u raġunijiet id-Dipartiment ta' l-Artijiet għolla l-kirja ta' l-imħażen tal-bdiewa għal Lm3 kull metru kwadru fuq imħażen li huma akbar minn 30 metru kwadru? Jista' jgħid għaliex ma kkonsultax ma' l-għaqdiet tal-bdiewa qabel ma ħareġ dawn ir-regolamenti/skemi ġodda?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment ta` l-Artijiet ma għolliex il-kirja tal-imħażen għall-bdiewa. Ir-rata ta` tlett Liri Maltin (Lm3) għal kull metru kwadru aktar minn 30 metru kwadru kienet ġiet iffissata f`April ta` l-1997, u baqgħet l-istess.