Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sistema ta' accounting elettronika li se tiddaħħal fil-Pixkerija din is-sena u kif taħdem meta mqabbla mas-sistema preżenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din is-sistema li għalissa hija msemmija Malta Fish Market Accounting System għandha l-iskop fl-ewwel fażi li tbiddel ix-xogħol kollu li jsir bl-idejn fil-voucher scheme għal sistema komputerizzata. Fit-tieni fażi huwa maħsub li nersqu lejn forma ta' point of sale system u għalhekk il-bejgħ tal-ħut fil-pixkerija jiġi rreġistrat direttament minn kull pitkal immedjatament u fejn il-voucher u l-irċevuta joħorġu fil-pixkerija b'apparati elettroniċi. It-tielet u l-aħħar fażi trid tindirizza s-sistema tal-ġbir tal-flus u s-sistema tal-ħlas tas-sajjieda. Meta wieħed iqabbel iż-żewġ sistemi jara li fil-bidu s-sistema qegħda tirreplika kull ma jsir bl-idejn sabiex dan ix-xogħol jitħaffef u jkun jista' jiġi iċċekjat aħjar. Fil-fażijiet sussegwenti għandu jkun hemm progress sabiex is-sajjied jitħallas qabel minn kif hi s-sistema preżenti.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Regolament tal-Kunsill 3690/93 msemmi f'paġna 129 tal-NPAA li miegħu r-Reġistru tal-Flotta Lokali jrid ikun konformi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Official Journal of the European Community No L341, tal-31 ta' Diċembru 1993 fejn ir-rgolament imsemmi jinsab ippublikat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jitkabbrux l-ibħra tas-sajd Maltin fejn ikunu jistgħu jistadu sajjieda Maltin biss meta fl-NPAA wkoll qiegħed jingħad li kemm is-sajjieda professjonali kif wkoll is-sajjieda dilettanti jistadu sa 200 mil 'il bogħod?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dan m'huwiex faċli daqshekk, fit-tramuntana hemm l-Italja u ma hemmx fejn wieħed iżid għaliex bejn iż-żewġ pajjiżi f'ċertu postijiet hemm inqas minn 50 mil nawtiku, fin-nofs in-nhar għandna lill-Libja u ma' dan il-pajjiż għad hemm xi diverġenzi sabiex huma jirratifikaw id-deċiżjoni tal-linja medjana kif kienet ġiet deċiża mill-Qorti Internazzjonali, u dan barra l-fatt li bejn pajjiżna u l-Libja tiffridna distanza ta’ 180 mil biss u għaldaqstant il-200 mil ifisser li art Libjana tiġi nkluża! Fil-Punent insibu immedjatament lill-Linosa, Pantallerija u Lampedusa li huma kollha ta' l-Italja. Jibqa biss il-lvant fejn qiegħdin nitkellmu fuq baħar fond ħafna u ma jiswiex għat-tip ta' sajd li jaħdmu s-sajjieda tagħna.
Jista' l-Ministru jgħid kif u kemm se jinħarġu liċenzji għas-sajjieda skond id-data bank imsemmija f'paġna 129 ta' l-NPAA li qiegħed jingħad li se tkun lesta sa l-aħħar ta' din is-sena u kemm se jħallsu s-sajjieda Maltin u Għawdxin għalihom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Databank imsemmi, li fid-Dipartiment tas-Sajd huwa magħruf bħala Malta Stat-Fisheries għaliex jkopri wkoll qabdiet, irkapti u affarijiet oħra, huwa kważi lest. Informazzjoni tar-reġistru tas-Sajd iddaħlu fih u l-liċenzji tas-Sajd għas-sena 2001 probabilment ser ikunu ġenerati minnu. Il-ħlasijiet huma l-istess bħal tas-sena 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kif se jkun u x'dettalji jkunu jridu jimtlew fid-dokument ta' żbark tal-ħut fil-Pixkerija u d-dokument tat-trasport imsemmi f'paġna 129 ta' l-NPAA?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fid-Dokument ta' Żbark jkun hemm: l-ispeċi, kwantita bħala rjus jew piż kif ikun possibbli, b'liema irkaptu ġew maqbuda, mil-liema bastiment u fl-liema żona, kif ukoll id-data ta' meta saret il-qabda. Fid-Dokument tat-Trasport jiżdiedu d-dettalji tal-persuna u vettura li tkun qiegħda ġġorrhom.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jingħad fl-NPAA li l-1000 tunellata ħut fis-sena li huma reġistrati li jitniżżġu l-art huma inqas mill-ħut li jinqabad?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħut li jinqabad jispiċċa jew mibjugħ mill-pixkerija jew ikkunsmat mill-familji tas-sajjieda stess, jew mibjugħ lill-mara tad-dar min-nisa tas-sajjieda, jew mibjugħ b'kuntrattazzjoni diretta lir-ristoranti/lukandi jew mibjugħ b'kuntratt bħal fil-każ tat-tonn.
Id-Dipartiment jkollu records ta' kuntratti kbar, jekk ikun involut, u ta' dak li jgħaddi mis-sistema tal-pixkerija. Mid-dikjarazzjonijiet fiskali li d-Dipartiment studja f'dawn l-aħħar xhur, ippreżentati mis-sajjieda għal finijiet ta' allokazzjoni ta' Duty Free Fuel jew ippreżentati mill-istess sajjieda waqt diskussjonijiet varji, huwa ċar li l-ħut maqbud huwa iktar mill-ħut reġistrat fil-pixkerija.
Fil-preżent din ir-reġistrazzjoni hija l-uniku sistema ta' dikjarazzjoni ta' qbid.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li talba għal benefiċċju taċ-children's allowance li qed nibgħat separatament tiġi approvata?
Jista' jinformani x'diffikultajiet qed jikkawżaw id-dewmien biex tintlaqa' din it-talba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministazzjoni tas-Sajd — Leġislazzjoni sussidjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija dik il-leġislazzjoni sussidjarja li se tiġi addottata skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd li se ddaħħal l-aspetti kollha ta' l-acquis?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant illi dawn huma regolamenti li jħarsu r-reġistrazzjoni tal-bastimenti, il-qisien tal-ħut kummerċjabbli, l-apparat tas-sajd u xi sajd partikolari bħal ma hu t-tonn u l-lampuki, kif ukoll is-sistema tal-bejgħ. Dawn ir-regolamenti ser ikunu tiġdid tar-regolamenti eżistenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex inġustizzja mas-sajjieda u mal-produtturi Maltin li waqt li ħut frisk u tal-friża mpurtat f'Malta ma jħallas edba dazju, tariffi jew VAT, prodotti tal-ħut Maltin esportati lejn l-UE iħallsu 15% tariffa ta' dazju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru: 20676, u cioe infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dan, kif spjegajna kemm il-darba, huwa r-riżultat tal-fatt li Malta iffriżat l-applikazzjoni tagħha fl-1996 u għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni li kien iwassal għat-tariffa 0% wara tlett snin waqaf ukoll. Il-pajjizi l-oħra li ma jħallsux tariffi għandhom xi arrangamenti ma l-Ewropa li jinkorporaw dawn il-prodotti. Il-ħut prodott fl-akwakultura tagħna jħallas it-tariffa ta' 15% meta dan il-prodott jiġi esportat fl-Ewropa għaliex l-amministrazzjoni preċedenti ffriżat l-applikazzjoni ta' Malta sabiex issir membru fl-U.E.
Nispera li l-Onor. Interpellant ma hux qed jissuġġerixxi li ndaħħlu dazju fuq din l-importazzjoni, liema dazju jispiċċa jrid jitħallas mill-konsumatur Malti.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex huwa fl-interess ta' Malta u s-sajjieda Maltin li mill-aħħar ta' din i-sena, l-Unjoni Ewropea se tingħata tagħrif, fost l-oħrajn, dwar liċenzji tas-sajjieda, iż-żamma ta' reġistru ta' bastimenti tas-sajd, u s-sottomissjonijiet ta' l-informazzjoni lil Eurostat minn Malta?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant illi dawn m'humiex xi ċifri siġriti iżda huma l-istess ċifri u statistiċi li jintbgħatu kull sena lill-istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħal ma hi l-FAO. Bis-saħħa tal-FAO, il-'Copemed' għamlet survey tal-qxur/bastimenti tas-sajjieda kollha f'pajjiżna. Dan l-iskambju ta' informazzjoni huwa importanti jekk irridu nibqgħu nippartecipaw f'fora internazzjonali ta' diskussjoni fuq materji li jikkonċernaw anki lill-pajjiżna fl-oqsma tal-ħut.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-responsabbilitajiet ġodda ta' monitoring u kontroll msemmija f'paġna 129 ta' l-NPAA li se jkollhom l-uffiċjali tas-sajd?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol jinkludi spezzjonijiet fuq bastimenti, ħut, tagħmir tal-qbid u swieq liema xogħol diġa suppost qiegħed isir.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk magħrufa bħala Producers Organisations jistgħux jirrifjutaw membri li ma jkunux ċittadini Maltin imma li jkunu ċittadini ta' l-UE jekk Malta tkun membru ta' l-UE?
Response (ZAMMIT, NINU)
Producers' Organizations ma jkunux jistgħu jirrifjutaw bħala membri dawk li jkunu qed ikabbru l-prodott tagħom fil-Gżejjer Maltin.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sajjieda dilettanti humiex se jkunu regolati wkoll mir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea jew regolamenti Maltin li jkunu konformi mar-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta tkunx tista' tirrifjuta li tirreġistra bastimenti tas-sajd minn Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea wara li Malta tkun membru ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta ma tirreġistrax bastimenti tas-sajd jekk ma jkunux ta' persuni residenti Malta jew ta' kumpaniji rreġistrati Malta. Dan jibqa japplika kemm jekk nissieħbu u kemm jekk ma nissieħbux fl-Unjoni Ewropeja.
Jirriżulta li l-Air Malta għamlet arranġamenti mal-HSBC Malta sabiex tnaqqas il-prezz jew tagħti skont lill-ħaddema ta' dan il-bank f'Malta?
Jekk huwa l-każ kemm huwa l-iskont jew rati ta' tnaqqis fuq dawn il-biljetti ta' l-ajru?
Kif fil-fatt din is-sistema se tolqot lit-travel agencies lokali?
Meta saru laqgħat mat-travel agencies lokali sabiex jiġi spjegat dan l-arranġament?
Hemm xi arranġamenti simili li qed jiġu negozjati ma' ditti oħra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma sar ebda ftehim ma' l-H.S.B.C. sabiex l-Air Malta tnaqqas it-tariffi tagħha għall-impjegati ta' dan il-Bank, iżda, bħalma hu komuni fl-industrija ta' l-avjazzjoni, hemm arranġament kummerċjali fir-rigward ta' vjaġġar fuq xogħol tal-Bank.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li t-talba għal benefiċċju taċ-children's allowances minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tiġi rimedjata?
Jista' jinformani x'diffikulta' qed jikkawżaw id-dewmien biex tintlaqa' din it-talba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bastimenti tas-sajd Maltin humiex se jkunu suġġetti għal dawk magħrufa bħala tie-ups, jiġifieri jkunu ordnati jibqgħu marbuta fil-port u ma joħorġux jistadu wara li Malta tkun membru u l-Unjoni Ewropea u tordna li jsir hekk?
Response (ZAMMIT, NINU)
Diġa tapplika kwota fuq il-qbid tat-tonn minn sajjieda Maltin. Jekk din il-kwota tinqabeż, diġa hemm lok li tiġi ordnata tie-up fuq il-bastimenti kkonċernati.
Dwar speċi oħra, tiġi ordnata tie-up f'każ li jkun hemm raġunijiet bijoloġiċi w xjentifiċi għal dan.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħut ta' l-akwakultura minn pajjiżi li m'humiex membri ta' l-UE ma jħallas ebda tariffi ta' dazju waqt li dak il-ħut esportat minn Malta għadu jħallas 15% minkejja li Malta applikat biex issir membru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dan, kif spjegajna kemm il-darba, huwa r-riżultat tal-fatt li Malta iffriżat l-applikazzjoni tagħha fl-1996 u għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni li kien iwassal għat-tariffa 0% wara tlett snin waqaf ukoll. Il-pajjizi l-oħra li ma jħallsux tariffi għandhom xi arrangamenti ma l-Ewropa li jinkorporaw dawn il-prodotti. Il-ħut prodott fl-akwakultura tagħna jħallas it-tariffa ta' 15% meta dan il-prodott jiġi esportat fl-Ewropa għaliex l-amministrazzjoni preċedenti ffriżat l-applikazzjoni ta' Malta sabiex issir membru fl-U.E.
B'riferenza għar-rapport li deher f'ġurnal lokali dwar il-problemi tal-bejjiegħa tal-laħam u ċioe' dwar il-kondizzjoni tal-laħam tal-majjal lokali, jista' l-Ministru jinformani bl-investigazzjonijiet li qed isiru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinformani għaliex tneħħa s-sinjal tar-reserved parking li kien hemm fejn id-dar ta' l-anzjani Nikola Saura, Rabat?
Jista' jara li dan l-aċċess tal-parking jerġa' jiġi rimedjat immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sinjal ta' reserved parking li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant tneħħa għar-raġunijiet ta' safety. Dan kien viċin wisq tal-Bus Stop u bus ħierġa mill-Bus Bay kellha toħroġ wrong side fi triq li hi dejqa u li minnha jgħaddi ħafna traffiku.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qiegħed f'kuntatt ma l-amministrazzjoni tad-Dar ta' l-Anzjani biex jingħata spazju alternattiv f'post fejn ma jinħoloqx periklu.