Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20711 Sitting 426 2000-11-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

EU — Ħut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-politika ta' importazzjoni u esportazzjoni fil-qasam tal-ħut li se tiġi aġġustata ma' dik ta' l-UE wara li Malta ssir membru jfissirx li dawn il-prodotti li jkunu mpurtati minn pajjiżi li ma jkunux membri se jkollhom jibdew iħallsu dazju, tariffi u VAT skond kif tordna l-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, is-sajjied Malti jibda jgawdi mill-istess protezzjoni li jgawdi s-sajjied Ewropew minn importazzjoni ta’ ħut minn barra l-Unjoni.
Leg 9 PQ #20712 Sitting 426 2000-11-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-istandards tas-suq tal-ħut li jridu jiġu mwaqqfa u li jridu jkunu konformi ma' l-acquis? Kemm se jiswew lill-poplu dawn l-iżviluppi u kemm se tingħata għajnuna mill-UE għal dan l-iżvilupp?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-istandards imsemmija huma diġa milħuqa min uħud mid-ditti lokali li jesportaw prodotti ta' l-akwakultura. Bħalhom, min irid jesporta ħut frisk Malti, jrid iwaqqaf packing hall fuq l-istess livelli. Il-Gvern ser ikompli jirranġa il-pixkerija, u dan għall-ġid ta' kulħadd, u mhux għax hemm il-ħsieb li tiffunzjona ta' impjant għall-esportazzjoni. L-għajnuna, jew kemm jiswew proġetti ta impjanti ta' esportazzjoni, jvarjaw ħafna u kemm-il darba jkunu ippreżentati kif għandu jkun, jistgħu jiġu iffinanzjati sa 40% mill-UE. Infakkar lill-Onor. Interpellant li titjib fl-istandards ta' iġene, preżentazzjoni u żamma ta' prodotti ta' l-ikel huma fl-aħjar interess tal-poplu tagħna, li ma għandux ikun stmat inqas mill-poplu Ewropew. Dan ix-xogħol, li jirrigwarja il-food safety, għandu jsir irrespettivament nidħlux jew le fl-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #20701 Sitting 425 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NPAA — Spiża rikorrenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkonsidrax li l-ispiża rikorrenti ta' Lm240,000 msemmija f'paġna 132 ta' l-NPAA li l-poplu Malti se jkollu jagħmel biex jiġi nfurzat l-acquis, jiġifieri l-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-sajd fuq is-sajjieda Maltin minn fejn se tiġi kkumpensata?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ispejjes imsemmija f'dik il-kolonna huma l-pagi ta' esperti fl-Akwakultura u/jew Sajd u l-pagi ta' għaxar Fisheries Protection Officers, li d-Dipartiment qiegħed jittrenja bħal issa. Dawn l-esperti huma Bioloġista tas-Sajd, Patologu tal-ħut, żewġ Speċjalisti fiż-żamma tal-ħut, wieħed fil-kamp tan-nutrizzjoni u l-ieħor fil-qasam tat-tifqis. Il-Fisheries Protection Officers huma l-complement li hemm nieqes fis-Sezzjoni kkonċernata. Dan in-nuqqas ilu jinħass għal bosta snin. Peress li dawn huma impjegati tad-Dipartiment, huma responsabbilta tal-Gvern Malti.
Leg 9 PQ #20702 Sitting 425 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

EU — Pajjiżi tal-Magreb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu t-theddid għall-għixien tas-sajjieda Maltin jekk Malta ssir membru ta' l-UE imsemmi f'paġna 126 tal-NPAA minħabba l-ftehim ta' kummerċ ħieles li pajjiżi tal-Magreb għandhom ma' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

Bil-ftehim ta' kummerċ ħieles li pajjiżi tal-Magreb għandhom mal-Unjoni Ewropea dawn jistgħu jesportaw lejn pajjiżi membri u l-prodotti tagħhom ma jħallsux CET ta' 15% kif hu adottat għal kull ma jiġi minn pajjiżi terzi. Dawn il-prodotti jistgħu jiġu esportati jekk ikunu ġejjin minn impjanti jew dgħajjes li huma rikonoxxuti bħala aċċettabbli mill-Kummissjoni Ewropea. Dan ma jfissirx li l-ħut kollu tal-Magreb ser jiġi Malta. Il-prezzijiet tal-prodotti tal-akwakultura u prodotti tas-sajd ta' kwalita aċċettabbli għall-esportazzjoni huma għoljin u għalhekk mhux il-każ li wieħed jallarma ruħu. Saret referenza għal din l-eventwalita fl-NPAA biex l-istampa tkun kompleta u bil-għan li fin-negozjati nkopru kull problema li tista' tinqala.
Leg 9 PQ #20703 Sitting 425 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NPAA — Spiża kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispiża kapitali msemmija f'paġna 132 ta' l-NPAA tinkludix ukoll l-ispiża biex is-sajjieda Maltin iwaħħlu l-apparat ta' monitoraġġ bis-satellita ordnat mill-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-figura msemmija hija maħsuba li tinkludi kollox kif indikat fl-istess paġna. Din il-figura hija stima.
Leg 9 PQ #20704 Sitting 425 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tonn — Qbid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kwota stabbilita għal Malta jew jekk hemmx biss rakkmandazzjoni dwar il-qbid ta' tonn illum?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-ICCAT toħroġ kwota tat-tonn. Dik ta' Malta hija nkorporata fi kwota kollettiva tal-pajjiżi li ma humiex membri, liema pajjiżi huma magħrufa bħala Non-Contracting Parties.
Leg 9 PQ #20705 Sitting 425 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NPAA — Modernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif u b'liema mod se tiġi modernizzata l-flotta tas-sajd Maltija kif jingħad f'paġna 126 tal-NPAA u kif u minn min se tiġi ffinanzjata?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta jkun lest fid-dettal il-pjan kollu, fi ftit xhur oħra, dan jiġi ippreżentat f'dokument pubblikat. Il-finanzjament ikun ta' madwar 50% mill-UE skond ir-regolamenti li jkunu jkopru din il-modernizazzjoni.
Leg 9 PQ #20695 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda — Dikjarazzjoni tal-Ħut Maqbud

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dikjarazzjoni li mhux li l-ħut kollu jiġi ddikjarat taffettwax l-għajnuna li sajjieda Maltin jistgħu jingħataw mill-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20688 fejn spjegajtlu għaliex il-ħut mhux kollu jiġi rreġistrat fil-Pixkerija. Dan ma jfissirx li ma hux qed jiġi ddikjarat.
Leg 9 PQ #20696 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Conservation and Management of Straddling and High Migratory Fish Stocks Agreement

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju dwar kif ir-ratifika tal-Conservation and Managment of Straddling and Highly Migratory Fish Stocks Agreement li sar mill-esperti Maltin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #20697 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Conservation and Management of Straddling and Highly Migratory Fish Stocks Agreement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se taffettwa r-ratifika tal-Conservation and Management of Straddling and Highly Migratory Fish Stocks Agreement lis-sajjieda Maltin u lis-sajd tal-lampuki, fanfri, tonn u pixxispad mis-sajjieda Maltin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sajd li hu semma jkun dikjarat u regolamentat bħal ma dejjem kien dawn l-aħħar 30 sena f'pajjiżna.
Leg 9 PQ #20698 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

EU — Għajnuna lis-Sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika l-ammonti ta' għajnuna li qiegħed jingħad li sajjieda Maltin jingħataw jekk Malta ssir membru ta' l-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Inkunu nistgħu nagħmlu dan meta jkunu konklużi n-negozjati. Is-sajjieda Maltin ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta' modernizazzjoni tal-flotta, jistgħu jieħdu payments jekk jieqfu mis-sajd u jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-Young Fishermen Scheme fejn sajjieda ġodda jistgħu jiġu mgħejjuna biex jixtru dgħajsa.
Leg 9 PQ #20699 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Akwakultura — Settur

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex u jfisser għaliex qiegħed jingħad li jrid isir studju dwar is-sitwazzjoni li s-settur ta' l-akwakultura qiegħed jifaċċja?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dan l-istudju għadu ma ngħatax u fil-preżent m'huwiex il-ħsieb li jinħareġ. Jidher li l-problema, li hija l-fulkru ta' kull ma qiegħed jiġri fis-settur, huwa n-nuqqas ta' kompetitivita tal-prezzijiet tal-ħut Malti fl-Ewropa. Infakkar l-Onor. Interpellant li fost kollox dan il-ħut għad għandu l-handicap tal-landing tariff tal-15% li, sfortunatament ma waslitx għall-0% fis-sena 2000 għaliex l-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea ġiet iffriżata fl-1998.
Leg 9 PQ #20700 Sitting 424 2000-11-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bejjiegħa tal-ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa dak it-tibdil li jrid isir mill-bejjiegħa tal-ħut minħabba kwestjoni ta' saħħa msemmi f'paġna 131 ta' l-NPAA? Meta ġie spjegat lil dawn il-bejjiegħa dan it-tibdil?

Response (ZAMMIT, NINU)

It-tibdil li jrid isir minn kull min hu involut fil-bejgħ tal-ħut huwa bbażat fuq l-importanza li tigi mħarsa saħħet il-konsumatur. Dan ifisser li min jinnegozja l-ħut irid ikollu faċilitajiet ta’ kif iżomm il-ħut f’temperatura kiesħa biż-żejjed li dan il-prodott jibqa f’kundizzjoni tajba biex jittiekel min-nies.
Leg 9 PQ #20689 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd — Emendi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-emendi dwar il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran li Malta se taċċetta kif jingħad f'paġna 129 ta' l-NPAA? Jista' jgħid kif dawn se jaffettwaw lis-sajjieda Maltin u Għawdxin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Malta poġġiet uffiċjalment f'Ġunju li għadda l-aċċettazzjoni tagħha li l-General Fisheries Commission for the Mediterranean għandu jkollha budget awtonomu, miftiehem u approvat mill-membri kollha. L-għan ta' dan huwa li l-GFCM issir awtonoma u ma tibqax strument fi ħdan l-FAO, izda issir kommissjoni indipendenti u eżekuttiva. Fil-preżent din il-kummissjoni tista' tinnota ilmenti u oġġezzjonijiet pero ma għandiex poter biex tieħu azzjoni.
Leg 9 PQ #20690 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Catch Assessment Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex u x'informazzjoni se tinġabar mill-programm ta' valutar ta' qbid (catch assessment programme) li qiegħed jingħad li se tkun qed topera fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla u jekk l-informazzjoni hijiex se tingħata lill-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Catch Assessement Programme huwa sistema fejn bl-interview ta' numru ta' dgħajjes mill-Fisheries Protection Officer tkun tista' issir stima, kemm jista' jkun preċiża, tal-qabda totali għall-Malta skond it-tip ta' irkaptu, bastiment, staġun, speċi ta' ħut u forsi żoni. Din l-informazzjoni hija għodda sabiex wieħed ikun jista' jimmaniġja aħjar is-sajd, jikkompara l-andament tal-istocks tal-ħut minn sena għall-oħra u jqabbel il-qabda ma dak li jgħaddi mill-pixkerija. Dik l-informazjoni li tinġabar mill-Catch Assessment tiġi maqsuma ma' pajjiżi oħra għaliex il-Mediterran huwa ta' kulħadd u għalhekk tiġi mgħoddija anke' lill-Eurostat u organizzjonijiet oħra bħal FAO.
Leg 9 PQ #20691 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif id-dikjarazzjoni li l-ħut li jinqabad ma jiġix dikjarat kollu se tafettwa l-istatistika li se tingħata lill-UE permezz tal-Eurostat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-ħut li jinqabad qatt ma jgħaddi kollu mill-Pixkerija u dan għaliex parti minnu jiekluh is-sajjieda stess, parti oħra tinbiegħ direttament lill-mara tad-dar min-nisa tas-sajjieda u parti oħra tinbiegħ b'kuntratti diretti lir-restoranti u lukandi. Dawn l-attivitajiet kummerċjali huma kollha leġittimi u ma hemmx oġġezzjoni li jsiru. Tant hu hekk, li aħna nilqgħu dikjarazzjonijiet fiskali ta' bejgħ ta' ħut apparti dak li jgħaddi mill-Pixkerija fl-allokażżjoni ta' Duty Free Fuel. F'dawn l-aħħar 20 jew 30 sena Malta baqgħet tiġbor biss il-figura tal-ħut li jgħaddi mill-Pixkerija u kien isir estimu (u għalhekk żieda ta' 25% fil-valur u fil-kwantita ta' ħut irreġistrat il-Pixkerija) biex ikopri l-attivitajiet l-oħra. Din il-figura kienet tiġi meqjusa bħala total landings. Bil-Catch Assessment u Catch Declarations dawn il-figuri jkunu iktar eżatti u hemm lok għall-figuri kollha fil-EUROSTAT kemm il-qabda totali kif ukoll kemm minnha kien mibjuh dirett jew għadda mis-suq ġenerali. Barra minnhekk, nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20688.
Leg 9 PQ #20692 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Catch Data System

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jinbidlu s-sale notice u l-Catch Data System biex jikkonfermaw ma' l-acquis sas-sena d-dieħla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Sale Notice hija ekwivalenti għal voucher u s'issa ma hemmx bdil ippjanat ħlief li s-sistema fil-futur issir elettronika. Il-Catch Data System hija sistema parallel li tista tikkompara l-figuri tal-qabda ma' dik tas-Sale Notice.
Leg 9 PQ #20693 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċentru ta' Monitoring tas-Sajd — Attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawk l-attivitajiet li ċ-Ċentu ta' Monitoring tas-Sajd se jagħmel sa l-aħħar tas-sena 2002 biex ikun konformi ma'l-acquis kif jingħad f'paġna 130 ta' l-NPAA? Min huma l-uffiċjali responsabbli u kemm saru laqgħat dwar dan it-tibdil matul dawn l-aħħar sentejn u ma' minn saru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-laqgħat isiru kontinwament ma kull min ikun hemm bżonn. L-attivitajiet jew proġetti ppjanati huma identifikati fl-NPAA. Fil-maġġoranza tagħhom f'dawn l-ewwel sentejn hemm ir-riforma sħiħa fir-regolamenti sabiex dawn jinġiebu fl-istat li jaqdu l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet moderni ta' llum u l-formazzjoni, u struzzjoni ta' għaxar studenti fl-HND course for Fisheries Science. Barra dawn hemm il-ħsieb li titranġa l-pixkerija , tiġi mwaqqfa l-VMS, jiġu ntrodotti l-logbooks, tiġi komputerizzata l-Voucher Scheme, jiġi finalizzat ir-reġistru tas-sajd, tiġi mibdija l-Catch Assessment Scheme u l-Landing Declaration Scheme. Malta wkoll fi ħsieba tirratifika sa dak iz-żmien l-Agreement tal-Conservation and Management of Straddling and Highly Migratory Fish Stocks.
Leg 9 PQ #20694 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda Maltin — Studju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju u minn min, dwar kif jaffettwa lil Malta u lis-sajjieda Maltin jekk jiġi ratiifkat il-Ftehim tal-Ġnus Maqgħuda magħrufa bħal Conservation and Management of Straddling and High Migratory Fish Stocks?

Response (ZAMMIT, NINU)

Sa issa għadu ma sarx studju u dan jiġi kkunsidrat meta tiġi kkunsidrata r-ratifika ta' dan l-agreement fl-aħħar tas-sena 2002.