Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' liċenzji għal stabilimenti kummerċjali li ħarġet il-pulizija matul ix-xahar ta' Ottubru ta' din is-sena? X'tip ta' liċenzji inħarġu? Kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li għandha quddiemha l-pulizija fil-preżent għal liċenzji ta' stabilimenti kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Ottubru 2000, il-Pulizija ħarġet 65 liċenzja għal stabbilimenti kummerċjali. Dawn l-istabbilimenti kienu jinkludu aġenziji, ħwienet għall-bejgħ bl-ingrossa, bl-imnut, u għall-eżerċizzju ta` sengħa jew arti. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 474 talba pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet fuq djar, karozzi, stabilimenti tad-divertiment u ħwienet kummerċjali rapportati lill-pulizija matul ix-xahar ta' Ottubru ta' din is-sena? Kemm tressqu persuni l-qorti akkużati b'dawn il-każi ta' ksur ta' liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Ottubru 2000, il-Pulizija kellha 91 rapport dwar serq minn residenzi, 280 rapport dwar serq minn vetturi u 64 rapport dwar serq minn vetturi u 19-il rapport ta` serq minn ħwienet kummerċjali, li jinkludu wkoll rapporti ta` serq minn individwi waqt li kienu ġo dawn l-istabbilimenti. Ma tinżammx statistika separata dwar stabbilimenti ta` divertiment. Matul l-istess perijodu 10 persuni ġew imressqa quddiem il-Qorti b`konnessjoni ma` uħud minn dawn ir-rapporti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' għalliema f'Malta u f'Għawdex li fallew milli jattendu l-iskola matul ix-xahar ta' Ottubru?
X'kienu r-raġunijiet għaliex fallew? Kemm kien hemm fuq sick leave u vacation leave jew għaliex kienu msiefra fuq xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informazzjoni dwar assenza ta' għalliema b'ċertifikat mediku ta' mard matul ix-xahar ta' Ottubru fl-iskejjel Primarji, Sekondarji, Junior Lyceum u Skejjel tas-Snajja' ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol f'Ottubru?
Kemm minnhom huma żgħażagħ u nisa u kemm irġiel?
X'tip ta' xogħol irreġistraw għalih dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol f'Settembru 2000 kien ta' l,358 u li kien magħmul minn 249 żagħġugħ, 226 mara u 883 raġel.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi x'tip ta' xogħol bdew jirreġistraw għalih dawn il-persuni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet, hold-ups u abbużi sesswali fuq tfal, nisa u rġiel u vjolenza fuq anzjani matul ix-xahar ta' Ottubru rapportati lill-pulizija? X'passi qed jittieħdu mill-pulizija u kemm tressqu nies il-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Ottubru 2000, il-Pulizija kellha 772 rapport ta` serq, rapport wieħed ta` hold up, 2 rapporti ta` abbuż sesswali fuq tfal u 1 fuq mara , u 3 każi ta` vjolenza fuq anzjani. In-numru ta` persuni li ġew imressqa quddiem il-Qorti in konnessjoni ma` uħud minn dawn ir-reati kien ta` 18.
Jista' l-Ministru jinformani jekk huwiex possibbli li l-Imdina Rehabiliation Committee jiltaqa' mar-rappreżentanti ta' kuċċiera ta' l-Imdina peress li qed jirriżultaw diversi nuqqasijiet li qed jikkreaw perikolu għal kuċċiera u jistgħu wkoll ikunu ta' periklu għat-turisti u ta' tbatija għaż-żwiemel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qatt ma saret talba mir-rappreżentanti tal-kuċċiera ta' l-Imdina biex issir laqgħa ma' l-Imdina Rehabilitation Committee.
Meta ssir it-talba, l-Imdina Rehabilitation Committee lest li jiltaqa' mar-rappreżentanti tal-kuċċiera ta' l-Imdina.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinformani bil-pożizzjoni tad-Dipartiment tas-Siġurta' Soċjali fid-dawl tal-petizjoni preżentata mill-ħaddiema tal-Malta Drydocks dwar l-anomalija tal-liġi dwar il-pensjonijiet li qed jikkontestaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-diversi spjegazzjonijiet u tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari, partikolarment għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 15843 li jien tajt f'Seduta 289, dwar tibdil li jkun jidher meħtieġ fil-liġi tas-Sigurta' Soċjali, inkluż dak fil-qasam tal-pensjonijiet.
Bħal ma għamilt f'okkażjonijiet oħra, ntenni l-istedina tiegħi lill-Oppożizzjoni biex hi wkoll tieħu sehem fil-proċess tar-riforma meħtieġa f'dan il-qasam.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jinformani kemm huwa n-numru ta' pensjonanti li matul din is-sena beda jinqatgħalhom direttament il-PAYE mill-pensjoni li jirċievu mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?
Kemm fil-fatt kien l-ammont f'ċifra ta' flus li tnaqqas bejn il-perjodu ta' Jannar sa Settembru ta' din is-sena minn dawn il-pensjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' pensjonanti tas-sigurta' soċjali li tnaqqsitilhom direttament it-taxxa mill-pensjoni tagħhom matul is-sena kurrenti huwa ta' 6831.
L-ammont ta' taxxa miġbura minn Jannar sa Settembru ta' din is-sena huwa ta' Lm563,963.77.
Jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi li l-Air Malta kellha rigward it-talbiet pendenti għal kundizzjonijiet aħjar li għandhom il-bdoti/kaptana u l-Ist officers reġistrati ma' l-Air Malta? Jista' l-Ministru jara li dawn it-talbiet jiġu rimedjati sabiex tintem din il-problema li teżisti bejn il-bdoti, kaptana, eċċ. u l-Air Malta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li bħalissa għaddejjin negozjati bejn l-Air Malta u l-union tal-Piloti dwar ftehim kollettiv ġdid, ma naħsibx li jkun prudenti li f'dan l-istadju jingħataw dettalji.
Jista' l-Ministru ġentilment jara li ssir investigazzjoni sabiex ikun stabilit għaliex l-ispiera fl-inħawi ta' Sanok fi Vjal il-Ħaddiema, Rabat, qed tfur wara li tagħmel ix-xita? Peress li dan il-fawran jirriżulta li nħoloq wara li saru xi xogħlijiet fl-inħawi, jista' l-Ministru jara min kien responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li saru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma irriżulta li l-ispiera li qed issir riferenza għaliha mhix spiera ta' l-ilma tax-xorb iżda spiera tad-drenaġġ.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' bexx, sustanzi artifiċjali, kimika, eċċ. li għal fini ta' l-agrikoltura huma projbiti u/jew ristretti abbażi ta' importazzjoni f'pajjiżna?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ġiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta' l-21 ta' Mejju 1999. Dawn huma nklużi taħt l-ewwel u t-tieni skedi.
Jista' l-Ministru jaġġornana dwar mistoqsija parlamentari nru. 17187 u jekk kienx hemm xi għajnuna addizjonali lil dawn il-persuni li jbatu bil-parkinson disease?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ngħarraf l-Onor. Interpellant illi d-DTC qiegħed jiddibatti l-possibilta' li jiġi introdott l-Entacapone. Din id-deċizjoni tkun ibbażata fuq l-evidenza klinika barra li hi magħrufa u ppubblikata f'rivisti speċjaliżżati sa issa.
Għalhekk f'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mar-risposta għal PQ 17187 li tajt fis-seduta 327 (26/7/00).
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-iskola Sir Temi Zammit, Mtarfa ma hemmx maintenance team, ġardinar u purtinara biżżejjed biex ilaħħqu mal-bżonnijiet taż-żamma ta' l-iskola?
Jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat dan il-bżonn sabiex din l-iskola jkollha u toffri ambjent aħjar għall-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Sir Temi Żammit fl-Imtarfa hemm tlett purtinara 'under complement' u għalhekk saret talba lill-Management & Personnel Office biex toħroġ applikazzjoni għall-ingaġġ ta' Part Time Cleaners biex jintlew il-postijiet vakanti kollha fl-iskejjel statali.
Informat ukoll li qegħdin nippruvaw insibu general hand fuq maintenance. Rigward ġardinar pero`, is-surmast jista' jitlob l-għajnuna tal-Gardeners' Unit fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura li jagħmel parti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jinformani fejn huwa mqabbad id-drenaġġ ta' l-iskola Sir Temi Zammit fl-Imtarfa fejn qabel kien l-ex-sptar tas-servizzi Ingliżi?
Jista' d-dipartiment jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni tas-sistema tad-drenaġġ f'din l-iskola?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-sistema tad-drenaġġ ta' l-iskola Sir Temi Zammit fl-Imtarfa taqleb kollha lejn in-niżla ta' l-Istazzjon. Din is-sistema għadha kif ħallewha s-Servizzi Ngliżi, imma xi għeruq tas-siġar ta' ħdejn il-main eżistenti kif ukoll xi ġebel, kultant jimblukkaw parti minn dan il-main. Minħabba f'hekk ta' spiss isir tindif mill-Maintenance Section.
Jista' l-Ministru jassigura li l-problemi ta' l-irwejjaħ li qed jirriżultaw fl-iskola ta' Sir Temi Zammit, l-Imtarfa m'humiex kawżati mis-sistema tad-drenaġġ li hemm fl-iskola?
Meta saru spezzjonijiet sabiex ikun assigurat li din is-sistema tad-drenaġġ mhux tikkawża dawn l-irwejjaħ ta' gassijiet f'din l-iskola?
Fejn fil-fatt hija mqabbda s-sistema tad-drenaġġ ta' din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-awtoritajiet ta' l-iskola u uffiċjali mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li spezzjonaw il-bini u l-artijiet ta' madwar nhar il-Ħamis 9 ta' Novembru 2000, l-irwejjaħ li kienu jinxtammu fl-Iskola Sekondarja Sir Temi Żammit, Mtarfa ma kienux irwejjaħ li wieħed normalment jassoċja mad-drenaġġ iżda ma' dawk li s-soltu joħroġu mill-bokok tal-ventilazzjoni tal-Quality Mushrooms Farm li jinsab taħt l-imsemmija skola.
Minn kopji ta' pjanti tal-post u minn informazzjoni minn ħaddiema tal-manutenzjoni fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, is-sistema tad-drenaġġ ta' l-imsemmija skola hija mqabbda mas-sistema pubblika ta' l-inħawi. Is-sitwazzjoni f'din l-iskola qgħeda tinżamm taħt attenzjoni kontinwa.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti sabiex is-sena d-dieħla tinfetaħ għassa ġdida tal-Pulizija fl-Imtarfa?
Peress li dan is-servizz għar-residenti tal-Imtarfa kull ma jmur qed jinħass dejjem aktar il-bżonn tiegħu, jista' ġentilment jara li jirrimedja għal din it-talba?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proposta ta` l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani bl-iżviluppi tat-trasferimenti tal-plots ta' Għar Barka bejn il-Gvern u l-Knisja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment responsabbli mit-trasferiment ta' art lill-Gvern ma jaqgħax taħt ir-responsabbilita' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 16810 ta' Ġunju ta' din is-sena dwar tħammil ta' Wied il-Għasel fil-parti ta' Burmarrad, jista' l-Ministru ġentilment jinfurmana bl-iżviluppi peress li l-Ministru kien infurmana li se jara x'passi jistgħu jittieħdu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saru xogħlijiet f'Wied Babu, Wied il-Kbir u Wied Għomor. Xogħol ta' tindif f'Wied il-Għasel għadu ma nbediex pero' dan irid jiġi maħsub mas-sistema kollha tal-widien, li tibda minn Wied il-Liemu, tinkludi Wied il-Qlejgħa u tibqa' sejra sa Burmarrad, fejn tingħaqad ma' Wied Għajn Riħana. Barra minn hekk Wied il-Għasel għandu valur ekoloġiku partikolari u kwalunkwe xogħlijiet iridu jiġu ppjanati sew u b'dan il-mod sħiħ. Iridu wkoll jiġu stabbiliti l-prioritajiet fuq id-diversi widien skond iċ-ċirkostanzi li jinqalgħu minn żmien għall-ieħor.