Jista’ l-Ministru jinfurmani x'passi ħa dwar l-ilmenti tal-Meat Sellers Association li din l-għaqda f'isem il-bejjiegħa tal-laħam resqet dwar nuqqas ta' ndafa fil-Biċċerija nnifisha fil-21.9.2000?
X'inhija s-sitwazzjoni llum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-aħħar parti tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 21134 waqt is-Seduta ta' llum stess.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet is-somma li ngħatat bħala sussidju b'servizz ta' għajnuna speċjali mill-Assistance Apparatus Fund, lil persuni b'diżabilita' f'dawn l-aħħar 5 snin sena b'sena?
Kemm kien in-numru ta' dawk li applikaw fl-istess perjodu u x'kienet id-diżabilita' tagħhom u kemm minnhom baqgħu fuq il-waiting list?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba, minbarra dik dwar in-natura tad-diżabilita' li statistika dwarha ma tinżammx, hi kif tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'bidliet iridu jsiru sabiex il-merħla Nazzjonali ta' l-industrija tal-baqar u ta' għoġġiela tkun skond ir-regoli ta' l-UE tal-waste management?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-bidliet iridu jsiru fil-mod ta' kif jinżammu l-baqar u l-għoġġiela, jridu jsiru fl-aħjar interess ta' l-iġjene, tal-kwalita' tal-prodott u ta' saħħet il-konsumatur, u dan irrispettivament mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Dawn l-ammeljoramenti jinvolvu bidliet fil-housing u fil-prattika ta' kif jinżammu l-annimali nvoluti. Dawn il-bidliet, li għalihom tista' tintalab għajnuna mill-Unjoni Ewropea, jistgħu jsiru fuq medda ta' żmien u ma jinvolvux diffikultajiet kbar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija prattika tad-densita tal-merħliet tal-baqar u l-għoġġiela fil-pajjiżi tal-EU fil-preżent?
Xi zviluppi jew riformi qed jiġu proposti fl-Agenda f'dan ir-rigward?
X'diskussjonijiet qed isiru bejn id-Dipartiment għall-Ambjent u dak ta' l-Agrikoltura dwar dan il-qasam u x'intoppi rriżultaw?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-densita tal-merħliet tal-baqar u għoġiela fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma hijiex prattika għal Malta minħabba li l-baqar m’għandhomx raba fejn jirgħu. Minkejja dan il-Ministeru xorta waħda se jinnegozja għajnuna.
Qed isir studju ta’ Waste Management Programme flimkien mad-Dipartiment tal-Ambjent. Dan jinkludi household refuse (compost) sewage sludge u demel tal-bhejjem. Dan l-istudju se jkun bbażat fuq id-direttivi relatati mal-kompost u demel fuq ir-raba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li hija l-kwantita' ta' produzzjoni tad-demel naturali li tipproduċi l-Merħla Nazzjonali ta' l-għoġġiela u tal-Baqar f'Malta u f'Għawdex separatament fuq bażi ta' sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba għad trid tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li hija l-kwantita' ta' produzzjoni tad-demel naturali li tipproduċi l-industrija lokali tat-trobbija tal-majjal f'Malta u Għawdex separatament fuq bażi ta' sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba għad trid tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li hija l-kwantita' ta' produzzjoni tad-demel naturali li tipproduċi l-industrija tat-tjur f'Malta u Għawdex separatament fuq bażi ta' sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba għad trid tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tal-problemi li nqalgħu bejn Malta u l-Eġittu u l-Libja sabiex tiġi stabbilita linja ta' gwida għaċ-ċittadini Eġizzjani u Libjani li jidħlu Malta?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadhom għaddejin diskussjonijiet bejn il-Ministeru tiegħi u dak ta' l-Intern sabiex jiġu stabbiliti linji gwida dwar id-dħul f'Malta ta' ċittadini minn pajjiżi tan-Nord Afrika li m'għandhomx bżonn ta' viża biex jidħlu Malta. Bis-saħħa t'hekk huwa ttamat li jiġu evitati, sa fejn possibbli, problemi f'dan ir-rigward.
Nixtieq nippreċiża li d-deċiżjoni finali dwar il-ħruġ ta' dawn il-linji ta' gwida hija f'idejn il-Ministru ta' l-Intern.
Peress li l-bejjiegħa tal-laħam li jbigħu l-laħam lill-konsumaturi lokali, is-self employed iż-żgħar u d-dipartiment tal-protezzjoni tal-konsumatur huma fis-responsabilitajiet tal-Ministeru tiegħek, jista l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentati nru. 20617?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-mistoqsija numru 2ċ617 kienet dwar 'il-kundizzjoni tal-laħam tal-majjal lokali'. Peress li din il-materja, u cioe' id-dipartiment li huwa responsabbli mill-kundizzjoni tal-laħam tal-majjal ma jiffurmax parti mid-dekasteru li għalih jiena responsabbli, kien għalhekk li jiena weġibt li l-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar ir-rapport li għalih qed issir riferenza, u jirriżulta li r-rapport jikkonċerna xi dipartiment jew entita' li tifforma part mid-dekasteru li huwa fir-responsabbilta' tiegħi, inwieġeb il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tie up li saru matul dawn l-aħħar 10 snin sena b'sena skond il-mistoqsija parlamentari nru. 20675 u kemm fil-fatt kienet il-kwota għal kull sena għas-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nħass il-bżonn li jiġi ordnat ebda tie-up f'dawn l-aħħar għaxar (10) snin.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kienu l-kwantitajiet ta' dundjani u ta' partijiet/cuts tad-dundjan li ġew importati bl-eżenzjoni tal-levy matul dawn l-aħħar 5 snin sena b'sena?
Jista' jinfurmani bl-istess informazzjoni għal perjodu ta' bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kwantitajiet ta' dundjani u partijiet tad-dundjan li ġew importati bl-eżenzjoni tal-levy kienu hekk:
Sena Valur LM Piż nett Kg
1995 39,367.00 35,298.78
1996 57,210.00 39,570.80
1997 102,812.00 80,007.77
1998 87,166.00 69,206.00
1999 77,720.00 66,550.00
2000 51,181.00 55,603.85
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kienet il-kwantita' tal-majjal frisk u partijiet / cuts tal-majjal li ġew importati bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena u li kienu eżentati mil-levy?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li il-kwanitita' tal-majjal frisk u partijiet tal-majjal li ġew importati bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena kien ta' 173,873.15 kilogram f'valur ta' Lm179,308.00.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' kuntrabandu li ġew rapportati lill-pulizija matul din is-sena? X'tip ta' natura ta' kuntrabandu kienu dawn il-każi u kemm huwa n-numru ta' każi li qed jiġu nvestigati u kemm diġa' ttellgħu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru 2000, il-Pulizija kellha 26 rapport dwar kuntrabandu. F`sitt każijiet l-investigazzjoni irriżultat fin-negattiv, f`seba` każi inbdew proċeduri quddiem il-Qorti, filwaqt li żewġ każijiet ġew konklużi amministrattivament skond l-artikolu 63 ta` l-Ordinanza tad-Dwana. Il-każijiet l-oħra għadhom qed jiġu nvestigati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' kuntrabandu rapportati lill-pulizija matul l-1999? X'tip ta' kuntrabandu kienu dawn il-każi? X'passi ttieħdu u qed jittieħdu mill-pulizija dwar dawn il-każi u kemm ittellgħu persuni l-qorti akkużati b'dawn il-każi ta' kuntrabandu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-1999, il-Pulizija nvestigat 59 każ li jinvolvi kuntrabandu, li kienu jinkludu fost l-oħrajn apparat elettroniku, għamara, arloġġi, armi u munizjon, deterġenti, sigaretti, spare parts ta` karozzi, xorb, żraben u ħwejjeġ. Minn dawn, 22 każ ġew konkużi u tressqu 23 persuna quddiem il-Qorti. Każ ieħor ġie konkluż amministrattivament skond l-artikolu 63 ta` l-Ordinanza tad-Dwana. Hemm ukoll 16-il każ fejn il-Pulizija ikkonkludiet l-investigazzjoni u ser jinbdew proċeduri quddiem il-Qorti hekk kif il-Pulizija ikollha l-awtorita` sabiex tipproċedi mingħand il-Kontrollur. Infurmat ukoll li 18-il każ irriżultaw fin-negattiv filwaqt li 2 każi oħra għadhom qed jiġu nvestigati.
Jista' l-Ministru jinformani x'sar matul dawn l-aħħar sentejn sabiex il-koperattivi tal-bdiewa, sajjieda u raħħala jkunu aktar aġġornati dwar l-iżvilupp tal-agrituriżmu fil-gżejjer tagħna?
Min huwa l-konsulent tal-ministeru fuq l-agrituriżmu u kemm ġew organizzati laqgħat mal-bdiewa u s-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom dwar l-agrituriżmu fl-istess perijodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-iktar żvilupp li sar f'dan ir-rigward kienet l-introduzzjoni li għamel il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd fuq il-website bl-indirizz http://agriculture.magnet.mt f'Mejju ta' din is-sena. Il-kalendarju tal-attivitajiet ta' l-Agrikoltura kif ukoll dawk tas-Sajd jagħmlu parti integrali ta' dan il-Website li għalih, għandi l-pjaċir ngħid, li l-NGOs kollha kienu
mitluba biex jikkontribwixxu.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-Ċirkolari relevanti li kienet
ħarġet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 20671?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-sajjieda Part Timers huma diġa regolati mil-liġi eżistenti dwar is-sajd. Din is-sitwazzjoni ma hix fi ħsieb li tinbidel meta l-Liġi l-ġdida tas-Sajd tiġi in vigore. L-Onor. Interpellant japprezza li r-regolamenti tas-Sajd ta' pajjiżna għandhom ikollhom standard internazzjonali bħal dak Ewropej, u dan iżjed w'iżjed meta kullħadd jagħraf li din l-industrija trid tkompli tinbena fuq pedamenti sodi kemm il-darba rridu li l-istess industrija tibqa sostenibbli.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 20641 abbażi ta' l-artiklu li huwa rrifera għalih matul il-ħin tal-mistoqsijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza il-parti tad-domanda tiegħu dwar prezzijiet lill-Ministru kkonċernat.
Dwar il-provvista tal-majjal frisk, niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant għad-diversi tweġibiet li diġa tajtu fuq din il-materja. Pero' nfakkar li l-provista u d-domanda ta' kwalunkwe prodott huma marbuta ma xulxin u kull fattur li jinfluwenza waħda ser jolqot lill-oħra. Din hi l-liġi fundamentali tas-suq.
Pero', nerġa' nfakkar lill-Onor. Interpellant li, kif suppost li jaf hu, kulħadd jista jimporta l-majjal u għalhekk mhux il-każ li "l-KIM ma tħallitx timporta l-majjal". Il-kwistjoni hi dwar l-eżenzjoni tal-levy kif diġa spjegajtlu fir-risposta parlamentari numru 17595. Infakkar l-Onor. Interpellant li l-levy hija ntiża biex tipproteġi l-interessi u s-suq ta' min irabbi l-majjal lokalment. Peress li kien huwn nuqqas ta' provvista lokali, importazzjoni ta' ammonti speċifiċi għall-ipproċessar, b'levy mnaqqsa, kif sar fil-passat, ma hi ta' l-ebda dannu għall-produtturi.
Għaldaqstant il-Ministeru tiegħi irrikomanda tnaqqis ta' levy fuq ammonti stipulati lil kull proċessur, liema ammonti nħadmu abbażi ta' konsum tagħhom tal-prodott lokali.
Nispera li l-Onor. Interpellant japprezza l-għaqal u l-galbu li wasslu għal soluzzjoni xierqa fl-ispirtu ta' djalogu u konsultazzjoni mal-partijiet kkonċernati.