Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21358 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Power Station — Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew lill-Enemalta l-ħsarat fil-Power Station ta' Delimara matul 1999 u din is-sena? Kemm swew lill-Enemalta l-ħsarat fil-Power Station tal-Marsa matul l-istess perijodu? Jista' jagħti din l-informazzjoni separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li t-terminu "ħsarat" huwa wiesgħa ħafna u jkun aħjar li wieħed jgħid "nefqa fuq manutenzjoni ta' l-impjant". Din in-nefqa tikkomprendi overhauls programmati, manutenzjoni preventiva u naturalment manutenzjoni ordinarja li tkun meħtieġa ta' kuljum f'impjant ta' dan il-kobor. L-ispejjeż konnessi ma' "nefqa fuq manutenzjoni", li jinkludu l-pagi tal-ħaddiema tal-Maintenance Workshop fiż-Zewġ Power Stations kienu kif ġej: Sena finanzjarja mill-1 ta' Ottubru 1998 sat-30 ta' Settembru 1999 - Power Station tal-Marsa Lm2,995,513 Power Station ta' Delimara Lm1,112,679 Sena Finanzjarja mill-1 ta' Ottubru 1999 sal-31 ta' Awissu 2000 - Power Station tal-Marsa Lm1,883,676 Power Station ta' Delimara Lm1,215,613
Leg 9 PQ #21359 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mosta — Ta' Mliet - Karozzi skrappjati

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħew il-karozzi skrappjati li hemm jiżgumbraw fl-inħawi tal-qasam tad-djar Ta' Mliet, il-Mosta peress li qed iħammġu l-ambjent u qed ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #21360 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Mellieħa — White sharks

Question

Jista' l-Ministru jinformani jekk jirriżultalux li d-Dipartiment tas-Sajd li fl-inħawi magħrufa Sikka l-Bajda, 3 mili 'l bogħod mill-inħawi tal-Mellieħa, qed ikun hemm rapporti li qed jidhru l-white sharks fl-inħawi? Jekk fl-affermattiv, meta saru dawn ir-rapporti u x'passi ttieħdu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Agrikoltura u Sajd ma rċieva l-ebda rapport ta' dak li qed jindika l-Onor. Interpellant.

Toroq — Triq tal-Manikata

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir it-Triq tal-Manikata matul is-sena d-dieħla 2001? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tas-surveys li saru matul 1999 u din is-sena mid-Dipartiment tat-Toroq sabiex tiġi rranġata u mwessa' t-Triq tal-Manikata? Kemm fil-fatt hija l-ispiża meħtieġa biex ir-residenti tal-Manikata jkollhom triq deċenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għadu kif ta kuntratt għal resurfacing tat-triq li mit-triq ta' Għajn Tuffieħa tagħti għal Manikata, wara li sar survey tal-kundizzjoni ta' din it-triq mid-Dipartiment tat-Toroq. L-ispiża għal din it-triq ser tammonta għal madwar Lm100,000. Dan barra xogħol ieħor li qed jipprepara biex jagħmel il-Kunsill biex il-Manikata tkun servuta tajjeb f'dawk li huma toroq u servizzi.
Leg 9 PQ #21362 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Qammieħ, Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet irrapportati lill-WSC li l-ispieri tal-ilma tal-bdiewa fl-inħawi tal-Qammieħ l-Mellieħa qed ikollhom ilma tad-drenaġġ matul din is-sena? X'passi ttieħdu u x'inhija l-pożizzjoni ta' dawn il-bdiewa u tal-kwalita' tal-ilma ta' l-ispieri fl-inħawi tal-Qammieħ, il-Mellieħa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma m'għandhiex rapporti ta' spieri ta' l-ilma tal-bdiewa fl-inħawi tal-Qammieħ li qed ikollhom ilma tad-drenaġġ. Dawn l-ispieri huma proprjeta' privata u għaldaqstant il-Korporazzjoni mhix f'pożizzjoni li tieħu passi dwar il-kwalita' ta' l-ilma fl-imsemmija spieri.
Leg 9 PQ #21363 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Spieri llegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' rapporti dwar spieri llegali li saru lill-WSC matul l-1999 u din is-sena? X'passi ttieħdu u kemm ġew magħluqa boreholes ta' l-ilma matul l-istess perijodu fuq ordni tal-WSC?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba, li tkopri spieri kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, hija kif ġej: Bejn Jannar u Diċembru 1999 kien hemm rapporti dwar 32 spiera illegali. Ittieħdet azzjoni legali dwar 7 każi li rriżultaw li verament kien hemm tħaffir illegali. Ingħalqu 6 spieri illegali. Bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena saru rapporti dwar 19-il spiera illegali. Wara li rriżulta li kien hemm tħaffir illegali, ittieħdet azzjoni legali f'4 każi. Ingħalqu 5 spieri illegali.
Leg 9 PQ #21312 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' żwiemel li ddaħħlu jinqatlu l-biċċerija matul din is-sena? Jista' jispjega x'sistema tintuża sabiex jinqatlu ż-żwiemel fil-biċċerija? Liema kienu dawn l-animali l-oħra li ddaħħlu biex jinqatlu fil-biċċerija matul l-istess perijodu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill Onor Iinterpellant illi n-numru ta' żwiemel li nqatlu fil-biċċerija bejn l-1 ta' Jannar 2000 sal-31 ta' Ottubru 2000 kien ta' 282. Dawn ġew maqtula permezz tal-Captive Bolt (Humane Killer). Barra minnhekk ġew maqtula l-annimali li normalment jinqatlu fil-biċċerija għall-konsum uman.
Leg 9 PQ #21320 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament wara li ħallset madwar Lm1,000 f'taxxi, reġgħet ġiet mitluba tħallas aktar taxxi mid-Dipartiment tat-Taxxi? Jista' jara li jiġi mistħarreġ mill-ġdid dan il-file sabiex jiġu riveduti l-pagamenti żejda li setgħu saru?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista jmur it-Taxpayer Service u jkun jista’ jinqeda minn hemmhekk.
Leg 9 PQ #21325 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta' oġġezzjonijiet li saru lid-Dipartiment tat-Taxxi bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? Kemm minnhom saru minn ħaddiema tal-pagi u self-employed separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ oġġezzjonijiet kontra stimi ta’ taxxa dwar is-snin ta’ stima sas-sena ta’ stima 1998 magħmulin minn Jannar sa Ottubru 2000 kien 4,820. Minn dawn 4,324 saru minn individwi filwaqt li 496 saru minn kumpaniji. Ma teżisti l-ebda statistika li tiddistingwi bejn oġġezzjonijiet magħmulin minn ħaddiema impjegati u minn ħaddiema self-employed.
Leg 9 PQ #21355 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Xogħol f'Wied Qannota, Baħrija

Question

Jista' l-Ministru jinformani u ċioe' jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tar-rapport ta' l-ispezzjoni li saret mill-Planning Authority fuq ix-xogħlijiet li kienu qed isiru f'Wied Qannota, l-Baħrija? Jista' jinformani x'inhija l-pożizzjoni tal-Planning Authority dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Biex inkun f`qagħda li nagħti tweġiba adekwata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-każ li qed jirreferi għalih.
Leg 9 PQ #21356 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Mtarfa Bypass

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' l-ispezzjoni li l-Planning Authority għamlet dwar ħajt tal-konkos li tela' fl-Imtarfa Bypass? Jista' jinformani x'inhija l-pożizzjoni llum ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 19841 u Nru. 16687, ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet applikazzjoni PA 3110/00 għal xogħolijiet ta` titjib ġenerali fil-Bypass ta` l-Imtarfa li tinkludi wkoll l-imsemmi ħajt tal-konkos. Ninsab infurmat ukoll illi l-Uffiċjal inkarigat minn din l-applikazzjoni kkonsulta ma` l-Environmental Management Unit fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar stess, ġew identifikati n-nuqqasijiet fis-sottomissjonijiet, u dawn ġew ikkomunikati lill-applikant. Din l-applikazzjoni issa ġiet evalwata mid-Direttorat u ser tiġi determinata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fil-ġranet li ġejjin. Ir-rakkomandazzjoni tad-direttorat hija waħda pożittiva skond il-pjanti sottomessi.

Manikata — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' ilment li tressqu mir-residenti tal-Manikata dwar it-trasport pubbliku? X'passi ttieħdu u x'inhija s-sitwazzjoni llum kemm tal-awtorita' u tar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħala numru ta` każijiet ta` ilmenti mresqa, minn diversi lokalitajiet, fl-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku ma jinżammux dawn it-tipi ta` records. Għal dak li jirrigwarda l-ilmenti mir-residenti tal-Manikata, l-Awtorita` ilha ma jkollha lmenti li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant, u għalhekk nitolbu jagħtini aktar dettalji.
Leg 9 PQ #21287 Sitting 440 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Korsijiet ta' l-Ingliż

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bl-iżviluppi tal-mistoqsija parlamentari nru. 20016?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna li isimha ntbagħat separatament qiegħda l-għaxar waħda fuq il-waiting list u għalhekk ma tantx hemm ċans li jmissha li tidħol fil-klassi li għażlet. Id-dipartiment offra lil din il-persuna post fi klassi oħra, f'ġurnata differenti fl-istess skola.
Leg 9 PQ #21291 Sitting 440 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Donazzjoni ta' Siġar

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm inġiebu siġar b'donazzjonijiet mill-Libja u/jew pajjiżi oħra matul l-1999 u 2000? Jista' jgħid fejn tħawwlu dawn is-siġar u x'tip ta' siġar kienu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat mill-uffiċjal inkarigat illi matul l-1999 u l-2000 ma rċevejna l-ebda siġra b'donazzjoni mill-Libja.
Leg 9 PQ #21293 Sitting 440 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produzzjoni Agrikola Organika

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bil-policy tal-Gvern dwar il-produzzjoni agrikola organika?

Response (ZAMMIT, NINU)

Sa issa ma jidirx li qatt ġiet formulata policy dwar l-organic farming. Pero l-passi li qiegħed jieħu dan il-gvern f'dan ir-rigward huwa li jinkoraġġixxi li bdiewa li jaddottaw kontrol aktar meqjus fl-użu ta' pestiċidi. Sa dan it-tant il-Gvern qiegħed joffri sussidju lil dawk il-bdiewa li jagħżlu li jipproteġu l-uċuħ tagħhom b'sistema ta' Biological Control fejn insetti bioloġiċi u ta' l-ebda ħsara għal prodott jeliminaw dawk l-insetti li jagħmlu ħsara u b'hekk jonqos l-użu tal-kimika valenuża fuq prodotti ta' l-ikel. Dwar l-"Organic Farming" il-Ministeru joffri assistenza lil kull min irid ikabbar xi prodott taħt din is-sistema bill jagħti it-tgħarif u pariri meħtieġa.
Leg 9 PQ #21303 Sitting 440 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — CAP

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-bdiewa u raħħala matul l-1999 u 2000 sabiex il-Ministeru tal-Biedja u Sajd jfehemhom aktar dwar il-politika komuni tal-biedja tal-UE, il-CAP? Fejn saru dawn il-laqgħat u kemm kien in-numru ta' bdiewa li attendew għalihom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Saru diversi laqgħat mal-bdiewa u raħħala, kemm formali kif ukoll informali. Dawn il-laqgħat ġew organizzati kemm mill-Ministeru kif ukoll minn għaqdiet diversi u li xorta attendew għalihom uffiċjali ta' dan il-Ministeru. Ma nżammitx statistika ta' dawn il-laqgħat kollha u lanqas rassenja ta' l-attendenza.
Leg 9 PQ #21309 Sitting 440 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tat-Taxxi Interni — Oġġezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' oġġezzjonijiet li għandu pendenti d-dipartiment tat-taxxi interni fil-preżent? Kemm minnhom saru minn ħaddiema bil-pagi u kemm saru min self-employed? Kemm huma l-ammonti f'ċifra ta' flus separatament taż-żewġ kategoriji li qed jitlob li jiġu eżentati li jħallsu lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ oġġezzjonijiet li għandu pendenti d-Dipartiment tat-Taxxi Interni fil-preżent huwa 52,464. In-numru ta’ oġġezzjonijiet pendenti minn individwi jammonta għal 44,505 filwaqt li dak minn kumpaniji huwa 7,959. Ma teżisti l-ebda statistika li tiddisdingwi bejn in-numru ta’ oġġezzjonijiet magħmulin minn ħaddiema impjegati u minn ħaddiema self-employed. Lanqas ma teżisti statistika li turi totali separati ta’ taxxa li hija in kwistjoni.
Leg 9 PQ #21220 Sitting 439 2000-11-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Meat Sellers Association

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana x'passi ttieħdu wara l-ilmenti li ressqu l-Meat Sellers Association nhar il-21 ta' Settembru lil Mr Mark Xerri, rappreżentant tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu, dwar kif ikun imnaddaf il-majjal? X'inhija s-sitwazzjoni llum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-aħħar parti tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 21134 waqt is-Seduta numru 436.
Leg 9 PQ #21229 Sitting 439 2000-11-29 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Meat Sellers Association

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana x'passi ttieħdu dwar l-ilmenti li tressqu lill-Ministru fil-21 ta' Settembru, 2000 mill-Meat Sellers Association dwar il-grad u piż tal-majjal li għandu jiġi mniżżel bi professjonalita' fuq tabella sabiex ma jkun hemm ebda abbużi? X'passi ttieħdu u x'inhija s-sitwazzjoni llum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-aħħar parti tat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 21134 waqt is-Seduta numru 436.