Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-dawl tal-mistoqsija parlamentari nru. 21738, huwiex possibbli li l-ETC jew xi dipartiment ieħor tal-Ministeru jagħti l-informazzjoni dwar in-numru ta' ħaddiema involuti fil-materja tal-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa għidt fit-Tweġiba Numru 21738, l-informazzjoni mitluba tista' tingħata mid-dipartiment tat-Taxxi Interni u għalhekk din id-domanda għandha tiġi magħmula lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #22101 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — Oġġezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura oġġezzjonax għall-ħlas ta' Lm 125 it-tomna raba' li ntalab mid-Dipartiment tal-Artijiet lill-bdiewa li għandhom ir-raba' tagħhom f'Tal Qammieħ, l-Mellieħa? Jekk iva, jista jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra koppja ta' l-ittra? Jekk le, għaliex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ir-reviżjoni taċ-ċens annwali saret mit-Taqsima Proprjeta tal-Gvern skond il-kondizzjoni numru 3 tal-kuntratti li saru fl-1967. Id-Dipartiment tal-Agrikoltura ma ġiex ikkonsultat fuq din ir-riviżjoni taċ-ċens minħabba li legalment, hija r-risponsabilita tad-Dipartiment ta' l-Artijiet biex jiddeċiedi l-valur rivedut ta' ċens skond kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-bidwi. Ninsab infurmat li dan il-każ qed jiġi trattat fil-Qorti.
Leg 9 PQ #22102 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Qammieħ — Revisjoni taċ-Ċens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iħossx li rata' ta' Lm 125 it-tomna bħala riżultat tar-revisjoni taċ-ċens tal-bdiewa li għandhom ir-raba' fl-inħawi tal-Qammieħ m'hijiex ġusta? Jista' jara li tiġi riveduta din it-taxxa ndiretta mill-bdiewa sabiex dawn il-bdiewa almenu jħallsu Lm 4 it-tomna flok Lm 125?

Response (BORG, TONIO)

Ir-reviżjoni taċ-ċens tar-raba’ fil-Qammieh saret abbażi tal-kundizzjonijet fil-klawsola numru 3 tal-kuntratt ta’ ċens bejn il-Gvern u ċ-ċenswalisti. Din il-klawsola tipprovdi li: "L-imsemmi ċens (kanone) għandu jiġi rivedut mill-Gvern meta jagħlqu tlieta u tletin sena u wkoll meta jgħaddu sitta u sittin sena minn din il-konċessjoni u għandu jinġieb għal livell tal-valur ta’ din l-art mogħtija b’ċens kif ikun f’dawk iż-żminijiet rispettivament mingħajr, madankollu, ma jitqiesu l-benefikati permanenti li jkunu saru mill-enfitewta". Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-kera ta’ Lm4.00 it-tomna hija applikabbli fejn art agrikola tingħata b’kera u mhux b’ċens. Qed tiġi konsidrata l-possibilita` li min irid jaqleb minn ċens għal kera taħt l-Iskema tar-Raba` bil-Lm4 it-tomna bħala qbiela.

Ċens fuq raba'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iħossx li l-policy tal-Gvern fejn f'ċerti każi u ċirkostanzi jgħolli l-ħlas taċ-ċens tar-raba tal-bdiewa, bħal fil-każ ta' l-inħawi tal-Qammieħ, l-Mellieħa, minn Lm 1.00 t-tomna għal Lm 125 t-tomna hija inġusta? Jista' jara li dan il-ħlas li qed jintalab mill-bdiewa ta' l-inħawi tal-Mellieħa jiġi rivedut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #22104 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Policy tal-Gvern — Ċnus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ma jħossxli l-miżuri tal-Gvern li ċerti ċnus li qed jintalbu jħallsu l-bdiewa għar-raba' li jikkultivaw fejn minn Lm 1 it-tomna għolew għal Lm125.00 t-tomna, huwiex inaċċettabbli u se jikkawżaw sitwazzjoni fejn ħafna bdiewa part-time se jkollhom jabbandunaw ir-raba' b'detriment li jiġi abbandunat l-ambjent rurali tal-gżejjer tagħna? Jista' l-Ministru jikkunsidra li jintervjeni mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-Artijiet sabiex almenu dawn il-bdiewa jibdew iħallsu pagamenti ta' Lm 4 tomna, kif ġew stabiliti mill-istess awtoritajiet ċnus li għalqu f'partijiet oħra tal-Mellieħa stess?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #22106 Sitting 463 2001-01-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kunsilli Lokali — Kontijiet Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Kunsilli Lokali tal-11 u 12 id-distrett Elettorali li għandhom kontijiet pendenti mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura fuq xogħlijiet li d-Dipartiment wettaq f'dawn il-lokalitajiet rispettivament? Għal kemm żmien/snin ilhom pendenti dawn il-kontijiet lokal, lokal u kemm huma l-ammonti f'ċifra ta' flus li kull lokal separatament irid iħallas skond dawn il-kontijiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Hemm kont pendenti, li hu tal-Kunsill Lokali tal-Mosta li jammonta għal: Lm 20,034.06 għas-sena 1997 Lm 3,636.22 għas-sena 1998 Lm 5,454.33 għas-sena 1999 Lm 5,454.33 għas-sena 2000* Ma dawn iridu jiżdiedu il-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li miegħu hemm kont pendenti ta' xogħol li sar fl-1998 għall-ammont ta' Lm1559, u l-Kunsill Lokali tar-Rabat* li miegħu hemm kont pendenti ta' xogħol għall-ammont ta' Lm903.32. * l-ewwel disgħa (9) xhur
Leg 9 PQ #22064 Sitting 462 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Merħla Nazzjonali — Produzzjoni tad-Demel

Question

Jista' l-Ministru jinformani dwar il-mistoqsija parlamentari nru 21130?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-produzzjoni ta' demel li tipproduċi l-Merħla Nazzjonali tal-għoġiela u tal-baqar fil-gżejjer Maltin hi ta' madwar 100,000 tunnellata fis-sena.
Leg 9 PQ #22068 Sitting 462 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 21610?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-kompliment tal-ħaddiema fil-biċċerija fl-1999 u 2000 ma żdiedx. Nirreferi l-Onor Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22069.
Leg 9 PQ #22069 Sitting 462 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Apprendisti biċċiera

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana għaliex matul dawn l-aħħar sentejn l-apprendisti biċċiera baqgħu ma sarux tal-post? Jista' jinfurmana bil-pożizzjoni ta' dawn il-ħaddiema u meta se jsiru tal-post?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dawk li għamlu l-apprendistat ta' biċċiera u ssodisfaw il-kriteri kollha biex isiru tal-post, ġew appuntati bħala Butcher Group IV b'seħħ mill-24 ta' Novembru 2000. Ġew appuntati seba' biċċiera.

Servizz Ċivili — Principal Officer

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmana bl-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari nru. 21564?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata kienet trasferita għal Dipartiment ieħor f'Jannar 1996 u r-rekords tagħha mxew magħha. Peress li d-Dipartiment fejn ġiet trasferita ma jaqgħax taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru tiegħi nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Working Permits — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema barranin li talbu l-working permit u m'ngħatalhomx matul dawn l-aħħar sentejn, 1999 u din is-sena? X'sengħa kellhom u minn liema pajjiżi kienu ġejjien dawn l-applikanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Lukanda Verdala — Permess tax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid l-20 ħaddiema barranin li qed jaħdmu fuq il-proġett tal-lukanda Verdala humiex koperti mill-permess tax-xogħol f'pajjiżna? Meta saret l-aħħar spezzjoni mill-ETC fuq dan il-post u kemm huwa n-numru ta' ħaddiema Maltin li qed jaħdmu fuq dan il-proġett barra l-ħaddiema tat-trakkijiet? Għal kemm żmien se jdumu jaħdmu dawn il-ħaddiema barranin fuq il-proġett tal-lukanda Verdala u x'inhija s-sengħa tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt spezzjoni li saret riċentament fuq is-sit tal-proġett tal-lukanda Verdala kien hemm total ta' 17-il ħaddiem fuq il-post tax-xogħol. Ħamsa minn dawn il-ħaddiema huma barranin u huma koperti minn permess tax-xogħol. Is-sengħa ta' dawn il-ħaddiema huwa kif ġej: Iron Bender 1 Shutterers 5 General Duties 4 Drivers 3 Steel Fixer 1 Builders 2 Carpenter 1 Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ mhix responsabbli għall-ħruġ ta' permessi tax-xogħol lill-barranin.
Leg 9 PQ #22019 Sitting 461 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bexx/Kimika Perikolużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bdiewa u/jew persuni li nstabu li jużaw livelli għolja ta' bexx u kimika b'detriment għas-saħħa tan-nies li dwarhom tkellem l-Ministru fid-diskors tal-budget? Liema fil-fatt huma l-bexx u l-kimika li jintużaw f'pajjiżna u li jistgħu joqtlu n-nies meta jiġu applikati? Għaliex qed jiġu mportati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-pestiċidi li jiġu mpurtati f'pajjiżna huma kkontrollati skond dak li jidher fil-Gazzetta tal-Gvern fi skedi differenti skond il-kundizzjonijiet imposti fuqhom. Dawk il-pestiċidi li huma skedati li joffru riskju għoli għas-saħħa tal-bniedem huma kklasifikati fi Schedule I u ma jitħallewx jiddaħħlu u jintużaw. L-aħħar skedi ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta' nhar il-Ġimgħa 5 ta' Jannar 2001. Inżid ngħid li kull meta tkellimt dwar l-użu tal-pestiċidi jien qatt ma indikajt xi persuni li attwalment instabu li kienu għamlu użu eċċessiv ta' pestiċidi, pero' xorta jibqa l-fatt li anki pestiċidi li jitħallew jintużaw f'pajjiżna, jekk jintużaw ħażin jistgħu joffru riskju. Kull meta jkun hemm xi dubju, il-prodott jittieħed barra għat-testijiet. Ma naf li kien hemm l-ebda prodott li kien fih livell għoli żżejjed li joffri periklu għas-saħħa.

Bolla ta' l-NI — Ħlas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li fil-mument qed iħallsu l-bolla ta' l-NI għaliex d-dħul tagħhom jaqbeż t-Lm390 f'imgħaxijiet jew dħul ieħor fis-sena, iżda m'humiex ħaddiema full-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm il-ġbir, kif ukoll l-infurzar tal-ħlas, tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali kien għadda f'idejn il-Kummissarju tat-Taxxi Interni fl-1998. Għaldaqstant din l-informazzjoni għandha tintalab mingħand il-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #22059 Sitting 461 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ħlas Għal Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-pagamenti dovuti skond il-file W D 323/98 & W 99 / 98 jsiru fil-ġejjien qarib peress li l-persuna għadha ma tħalsitx minkejja li għamlet ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-files indikati mill-Onorevoli Interpellant ma jidhirx li hemm xi ħlasijiet li għad iridu jsiru.
Leg 9 PQ #22061 Sitting 461 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

L-Industrija tat-Tjur — Demel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 21132?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-produzzjoni ta' demel naturali li tipproduċi l-industrija tat-tjur f'Malta u Għawdex hija kkalkulata f'medja ta': Malta 384,158 TONS Għawdex 47,054 TONS
Leg 9 PQ #22062 Sitting 461 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Industrija tal-Majjal — Demel

Question

Jista' l-Ministru jinformani dwar il-mistoqsija parlamentari nru 21131?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-demel fl-industrija tal-majjal huwa kkalkulat kif ġej : Malta 49,654 tunnellata Għawdex 2,425 tunnellata
Leg 9 PQ #22063 Sitting 461 2001-01-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC — Bejgħ tal-Lukanda Verdala

Question

Jista' l-Ministru jinformani jekk sarx il-kuntratt uffiċjali tal-bejgħ tal-Lukanda Verdala bejn l-MDC u l-kumpannija privata? Jekk iva, meta u kemm tħallsu flus s'issa mill-kumpannija privata? Jista' jinformani jekk il-pagamenti li kellhom jieħdu l-ex-ħaddiema tal-lukanda Verdala humiex fil-fatt se jitħallsu, issa li l-kumpannija privata onorat il-ftehim tal-bejgħ tal-lukanda Verdala?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-kuntratt ta' bejgħ tal-lukanda Verdala kien ippubblikat fis-26 ta' Frar 1997. Mill-prezz globali ta' Lm2.75 miljun, is-socjetajiet kumpratiċi ħallsu s-somma ta' Lm1.25 miljun u l-bilanċ ta' Lm1.5 għadu dovut. Il-Kredituri ipotekarji tal-kumpanija li kienet is-sid tal-lukanda Verdala qabel ma' xtratha l-korporazzjoni għall-Izvilupp ta' Malta tħallsu kollha.
Leg 9 PQ #21929 Sitting 460 2001-01-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Kontaminazzjoni — Spieri, Qammieħ

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk ġewx spezzjonati prodotti tal-ħaxix li qed jikbru fl-inħawi tal-Qammieħ, il-Mellieħa peress li qed jirriżulta li hemm kontaminazzjoni tad-drenaġġ fl-ispieri tal-ilma? Jekk iva, x'irriżulta u x'rapporti saru lid-Dipartimenti konċernati sabiex jirranġaw il-ħsarat mid-Dipartiment tad-Drenaġġ?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 21929, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Mejju li għadda l-ispettur tas-Saħħa tad-distrett tal-Mellieħa kien irċieva xi lmenti dwar fawran tad-drenaġġ li kien sejjer ġo xi għelieqi li triq il-Qammieħ, limiti tal-Mellieħa, ħdejn St.Anthony Farm. Wara spezzjoni li kienet saret, ġie kkonfermat li d-drenaġġ pubbliku kien imblukkat u fi stat hażin ta` tiswija. Dak iż-żmien f'dawn l-egħlieqi ma kienx hemm uċuh għal prodotti tal-ħaxix. Kienu saru rapporti, kemm verbalment, kif ukoll bil-miktub lid-dipartiment tad-drenaġġ. Fl-istess xahar saru x-xogħolijiet meħtieġa (tibdil f'sezzjoni tad-drenaġġ pubbliku) biex l-inkonvenjent ġie eliminat. Minn dak iż-żmien 'l hawn ma daħal l-ebda ilment, la dwar fawran ta` drenaġġ u lanqas fuq xi kontaminazzjoni ta` xi spieri fl-inħawi tal-Qammieħ. Għaldaqstant biex neskludu kull possibilita` ta` kontaminazzjoni, l-ispettur tas-saħħa tad-distrett ġie mogħti struzzjonijiet biex jieħu kampjuni min l-ispieri ndikati.
Leg 9 PQ #21930 Sitting 460 2001-01-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dawl ta' Barra

Question

Jista' l-Ministru jara li t-talba tal-kunsill tal-Imtarfa sabiex jitwaħħlu żewġ bozoz ġodda ħdejn ir-residenza "John Mary House"u "Francis House" tiġi milqugħa peress li s-sqaq huwa mudlam ħafna u qed ikun ta' inkonvenjent kbir għal dawn il-familji? Jekk fl-affermativ, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba li qed nirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.