B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22352 u t-tweġiba tal-Ministru dwar ix-xogħlijiet fi Triq Barjol, Mosta ma jħossx li fid-dawl tas-sitwazzjoni li jinsabu fiha r-residenti jagħmel sens li jgħid meta se jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari Nru. 22555 li m'hemm xejn aktar x'inżid magħha.
Peress li r-residenti qrib l-appartament li qed jinbnew mill-ħaddiema barranin fil-lukanda Verdala, fir-Rabat, qatt ma raw il-permess tal-Planning Authority imdendel mal-ħajt, la qabel ma saret it-talba mis-sidien u lanqas issa li nħareġ il-permess, dejjem fir-rigward tal-block tal-flats, jista' l-Ministru jinfurmana bid-dettalji tal-permess kif maħruġ mill-Planning Authority u cioe kemm sulari huma permessi fuq il-livelli tat-triq jekk il-bini li ser jsir hemm, fit-tul 'il ġewwa, kif wkoll mat-triq, hux se jkun iżjed mill-flats li kien hemm? Jekk fl-affermattiv, kemm iżjed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permess qiegħed imwaħħal mal-lukanda u l-perit tal-proġett ingħata struzzjoni biex jitwaħħal ieħor mal-gate.
Ninsab infurmat ukoll illi l-bini ser ikun semi-basement, erba` sulari u livell ta`penthouses għoli mill-livell tat-triq. Qabel kien hemm erba` sulari u livell ta` washrooms. Il-bini ser jitla` fuq il-linja tat-triq eżistenti u huwa 58 metru fond fuq in-naħa tal-bini eżistenti u 60 metru fond minn naħa l-oħra. B`kollox ser ikun hemm 32 flat u 4 penthouses.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'se jsir mix-xogħlijiet li saru kontra l-permessi ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-by pass ta' l-Imtarfa meta nbena mostru ta' ħajt tal-konkos li kerraħ l-ambjent ta' l-inħawi kompletament barra li kkawża dannu ekoloġiku?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġibiet preċedenti li jien tajt dwar dan il-każ, ninsab infurmat illi fit-2 ta` Jannar 2001, ġiet approvata l-applikazzjoni PA 3110/00 għal titjib ġenerali tal-Bypass ta` l-Imtarfa. Fil-proċess ta` din l-applikazzjoni ġie kommess min-naħa tad-Dipartiment tat-Toroq, li dan il-ħajt jitneħħa u l-istess materjal jintuża għal ħitan ta` lqugħ oħra li jiffurmaw parti mix-xogħlijiet approvati fil-permess imsemmi. Dawn il-ħitan tal-konkrit imbagħad għandhom jiġu miksija bil-ġebel tas-sejjieħ kif indikat fil-pjanti approvati.
Meta l-ħajt temporanju tal-konkrit jitneħħa, fil-post għandu jiġi ntrodott soft landscaping.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħadet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar kontra l-persuni li jgħamlu x-xogħol mhux awtorizzat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fuq villa li tinsab f'Wied Qannota, l-Wardija matul is-sena li għaddiet?
Meta saret l-aħħar spezjoni sabiex ikun assigurat li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Minn huma l-inspectors tal-PA responsabbli mis-supervisjoni ta' dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ħadet il-passi neċessarji skond il-liġi fuq xogħol mhux awtorizzat fil-madwar u maġenb razzett eżistenti fil-Wied tal-Wardija. Fil-fatt fl-24 ta` Lulju 1999 kien inħareġ Avviż biex Tieqaf u ta` Twettieq bir-referenza ECF 630/99.
L-ispezzjonijiet fuq dan is-sit ilhom isiru minn Lulju ta` l-1999 u l-aħħar spezzjoni saret nhar is-Sibt 20 ta` Jannar 2001 iżda ma kienux għaddejjin xogħlijiet.
L-ispezzjonijiet imsemmija saru minn diversi uffiċjali ta` l-Awtorita`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' ajruplani li kriet l-Air Malta matul l-1995 u 2000? X'tip ta' ajruplani u kemm swew flus f'kull każ dawn l-ajruplani?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu 1995 u 2000 l-Air Malta kriet 24 ajruplan li l-maġġoranza tagħhom kienu mikrija għax-xhur tas-sajf. L-ajruplani kienu ta' dawn it-tipi
19 Boeing 737
1 Airbus 310
1 Airbus 320
1 Airbus 321
1 Avro RJ 70
1 Avro RJ 85
Żgur li l-Onorevoli Interpellant japprezza li informazzjoni dwar il-valur ta' dawn il-kirjiet hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma jkunx fl-interess tal-Kumpanija li tali nformazzjoni ssir pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' persuni mill-RSC li applikaw għall-postijiet urġenti ta' VAT Inspectors mad-Dipartiment tal-VAT?
Meta ħarġet is-sejħa u meta għalqet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li m'hemm l-ebda obbligu minn naħa ta' l-Armata li joħorġu sejħa għall-applikazzjonijiet biex suldat jiġi allokat xi dmirijiet partikolari.
Iżda f'dan il-każ ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet fl-4 ta' Jannar bid-data ta' l-għeluq sas-6 ta' Jannar.
Kull membru tal-RSC, anke dawk morda ġew infurmati b'dan. Kien hemm wieħed u sittin applikazzjoni inkluż anke minn Għawdex.
Jista' l-Ministru jinformani dwar l-aħħar żviluppi tal-problema industrjali bejn l-Air Malta u l-kaptani u l-1st officers tagħha dwar is-sitwazzjoni tas-salarji?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li d-diskussjonijiet dwar il-ftehim kollettiv bejn il-Kumpanija u l-Airlines Pilots Association (Malta) għadhom għaddejjin, ma jidhirlix li jkun prudenti li f'dan l-istadju jingħataw xi dettalji dwar xi klawsoli partikulari.
Jista' l-Prim Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbgħatu separatament tiġi trasferita għal outpost bix-shift?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fil-Forzi Armati hemm sistema ta’ kif membru jitlob li jkun trasferit.
Ninsab infurmat li l-Armata ġa kkunsidrat talba għal trasferiment mill-membru msemmi u nstab li, fiċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħata.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex il-canteen ta' Mount Carmel Hospital qed ikun magħluq meta xi persuna tkun bil-leave?
Jista' jgħid għaliex meta xi supervisors jidħlu overtime biex jagħmlu xogħol ta' cleaners mhux jidħlu ħaddiema oħra bi grad anqas biex jassistu fil-canteen sabiex il-pazjenti jisservew fl-isptar u mhux ikollhom joħorġu jixtru minn barra l-bini ta' l-isptar bil-periklu li dan iġib miegħu?
Jista' jieħu l-passi immedjatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti ta' d-domanda nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għad-domanda numru 22681.
Dwar it-tieni parti infurmat li s-Supervisors ma jidħlux overtime fuq xogħol ta' cleaning imma fuq superviżjoni ta' ħaddiema li jkunu qed jagħmlu xogħol ta' overtime.
Fid-dawl ta' allegazzjonijiet li saru dwar id-dħul fil-ġżejjer tagħna b'kuntrabandu, jista' l-Ministru jgħid meta se tinxtara container scanner sabiex ikun hemm sorveljanza aħjar mill-management tad-dwana fir-rigward tal-containers li jiddaħħlu f'pajjiżna?
Jista' jgħid kemm intbgħatu ħaddiema mid-dipartiment tad-dwana u pulizija sabiex jitħarrġu fl-operat ta' dan il-container scanner?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kien ġie mħabbar xi ftit żmien ilu, hemm ippjanat li container scanner jingħata lid-Dwana mill-Gvern ta' l-Istati Uniti. Dan l-apparat li jqum eluf kbar ta' liri għandu jservi biex tkun tista' issir sorveljanza aħjar fuq containers.
S'issa ma sarx taħriġ fuq
equipment
bħal dan għalkemm membri fid-Dwana diġa jħaddmu apparat ta' X-Ray fuq bagalji u merkanzija f'pakki ta' ċertu daqs.
Organisation of the Market in Milk and Milk Products
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-produtturi tal-ħalib Maltin u Għawdxin sabiex il-Gvern Malti jinfurmahom bis-sistemi u regoli ta' l-organisation of the market in milk and milk products ta' l-UE (l-OMMP) matul 1999 u 2000?
X'punti tqajmu mir-raħħala u/jew mill-kooperattiva tagħhom f' dawn il-laqgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar laqgħa saret fl-14 ta' Diċembru 2000 mal-KPH waqt meeting ta' l-S.I.M. fejn ġiet diskussa l'Acquis tal-Unjoni Ewropeja u punti relatati ma' l-istess Acquis.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għola l-prezz tas-soya bean f'Ġunju u f'Diċembru fis-sena l-oħra meta pparagunat ma' Jannar ta' l-istess sena 2000?
Jista' jgħid jekk il-Gvern huwiex se jissussidja din ż-żieda fil-prezz tas-soya bean sabiex ma jbatuhiex il-produtturi Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezz tas-Soya Bean Meal ivarja minn jum għall-ieħor skond is-suq. Minn
informazzjoni miġbura jidher li l-prezz tas-Soya Bean Meal żdied xi ftit minn
Jannar sa' Diċembru 2000 b'madwar US$30 it-tunnellata. F'Ġunju 2000 il-prezz
kien bejn wieħed u ieħor l-istess bħal ma kien f'Jannar.
Il-prezz sa' issa għadu ma jiġġudifikax sussidju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każi ta' CJD jew ekwivalenti rapportati fl-Isptar San Luqa u/jew f'xi ċentri tas-saħħa oħra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat illi mill-1997 'l hawn kellna każ wieħed ta` CJD li ġie notifikat lit-Taqsima Tħaris tal-Mard fl-1998.
Dan il-każ ma kienx tat-tip nvCJD, jiġifieri ma kienx relatat ma` konsum ta` laħam li kien infettat bil-BSE.
Fid-dawl li l-mard tal-BSE u CJD qed jinfirex, jista' l-Ministru jara li jingħata aktar tagħrif ta' informazzjoni dwar ir-riskji nvoluti fuq il-konsumaturi kemm-il darba jieklu laħam li jkun infettat bil-BSE?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22742, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk jinħoloq il-bżonn li tingħata aktar informazzjoni dwar BSE\CJD, din tingħata lil konsumatur mill-aktar fis.
Infakkar li nħarġu diversi press releases mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura kif ukoll saret press conference biex tiġi spjegata lill pubbliku s-sitwazzjoni reali.
Jista' l-Ministru jinformani għaliex illum it-Tnejn, 15 ta' Jannar, 2001 ċertu swali/wards tal-pazjenti tħallew maħmuġin? Jista' jara li dan in-nuqqas ma jerġax jirrepeti ruħu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Interpellant hija żbaljata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk beħsiebux d-Dipartiment tas-Saħħa jintroduċi s-sistema tal-bar coding mgħarufa bħala rasting sabiex il-konsumaturi jkollhom informazzjoni dwar kull cut tal-beef li jixtru biex jikkunsmaw u fid-dawl tal-protezzjoni li l-konsumaturi jeħtieġu sabiex ikun assigurat li l-laħam mhux infettat bil-BSE?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinfurmani dwar l-użu tal-bar coding magħruf bħala rasting li qed tintuża fil-pajjiżi kollha ta' l-UE sabiex il-konsumaturi jkollhom it-tagħrif tal-cut fuq il-biċċa tal-laħam li jikkonsmaw, fid-dawl tal-protezzjoni li l-konsumaturi jeħtieġu kontra l-periklu tal-BSE?
Response (BONNICI, JOSEF)
Miżuri għall-kontroll tal-kwalita' tal-laħam kontra l-periklu tal-BSE qed jiġu kkoordinati mid-Dipartiment għas-Servizzi Veterinarji fi ħdan il-Ministeru ta' l-Agrikultura u Sajd u mid-Dipartiment tas-Saħħa. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministri li d-dipartimenti msemmija jiffurmaw parti mid-dekasteru rispettiv tagħhom.
Jista' l-Ministru jaġġornana dwar il-pożizzjoni ta' l-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazjonisti tal-Mellieħa li applikaw sabiex jiżviluppaw range tal-plattini fil-Mellieħa għall-membri tagħhom?
Peress li minkejja li qed jingħad li l-art tinvolvi terżi persuni, jirriżulta mid-dokumenti li pprovda d-Dipartiment ta' l-Artijiet li dan mhux minnu, jista' l-Ministru jinvestiga u jgħarrafni bis-sitwazzjoni
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi l-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp iddiferiet l-applikazzjoni PA 4430/98 sabiex issir spezzjoni fuq is-sit in kwistjoni. L-ispezzjoni għandha ssir jew fit-2 ta` Frar, jew fit-2 ta` Marzu 2001, skond l-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ma tikkunsidra l-ebda talba għal żvilupp fuq proprjeta` tal-Gvern jekk qabel ma jinġabx permess tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Rigward l-involviment ta` terzi persuni, id-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjeta` għamel aktar investigazzjoni u rriżulta illi fil-fatt l-art in kwistjoni mhux soġġett għall-kirja imma għal ċens temporanju li għalaq.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex il-canteen tal-iSptar Monte Carmeli qed jinżamm magħluq meta jkun hemm xi ħaddiema bil-leave b'detriment għall-pazjenti li jkollhom joħorġu barra l-bini ta' l-isptar biex jixtru l-bżonnijiet tagħhom?
Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li meta xi ħadd mill-impjegati li jaħdmu ġewwa l-canteen ikun bil-leave jew bis-sick leave l-canteen ikollu jibqa` magħluq. Dan qiegħed isir għax mhux possibbli li tqabbad lil xi ħadd ieħor biex temporanjament imexxi il-canteen billi jkun hemm stocks u flus involuti.