Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23647 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti fil-kulleġġ tal-biedja li tħarrġu fuq l-analiżi tal-ħamrija u ta' livelli ta' l-ilma matul l-1999 u s-sena 2000? Min ikkordina t-taħriġ tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti kollha tal-kulleġġ jitħarrġu fuq l-analiżi tal-livelli ta' l-ilma u tal-ħamrija kemm fil-kulleġġ kif ukoll fil-laboratorji fl-Għammieri. Is-suġġett "Soil Science" qiegħed fl-ewwel sena tas-sillabu waqt li s-suġġett mikroboloġija fit-tielet sena.
Leg 9 PQ #23648 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti fil-kulleġġ tal-biedja li tħarġu fuq il-produzjoni agrikola organika matul 1999 u 2000? Fuq liema varjetajiet tħarġu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Produzzjoni agrikola organika huwa suġġett ġdid u s'issa f'dan il-qasam sar biss xi xogħol fuq id-dwieli. Il-Kulleġġ bħalissa qiegħed f'kuntatt ma' l-Italja biex fil-futur qrib l-istudenti jmorru ġo Bologna biex jitħarrġu iktar f'dan il-qasam. Il-Kulleġġ qed jistħarreġ kif dan it-taħriġ jista' jsir permezz tal-programm Leonardo da Vinci.
Leg 9 PQ #23829 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Survey Agriekoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa li jesportaw il-patata, li baqalhom isiru s-survey agriekoloġiku? Meta se jsirilhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23827.
Leg 9 PQ #23830 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Survey Agriekoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Eng Emile Mouchazel ma baqax responsabbli milli jkompli s-survey agriekoloġiku

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-Eng. Emile Mouchazel qatt ma kien responsabbli mis-survey agri-ekoloġiku jew xi survey ieħor b'konnessjoni mad-Dipartiment tal-Biedja.
Leg 9 PQ #23831 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Widien — Riabilitazzjoni

Question

Peress li l-gvern preċedenti Laburista kien beda pjan ta' riabilitazzjoni tal-widien ħalli tikber il-ħażna ta' l-ilma ġiri bil-għan li l-prodotti agrikoli lokali jissaqqew b'ilma ġiri flok bl-ilma ta' l-irrigazzjoni, jista' l-Ministru jinfurmana liema huma dawk il-proġetti li saru matul l-1999 u 2000 sabiex jitkompla dan il-pjan?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li fil-files tal-Ministeru jew tad-Dipartiment tal-Biedja ma jirriżultax li kien hemm xi pjan ta' riabilitazzjoni tal-Widien ħalli tikber il-ħażna ta' l-ilma. Kien hemm proġett wieħed ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa u dan tlesta sa fejn kien ippjanat.
Leg 9 PQ #23832 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li l-Ministeru rabat l-esportazzjoni ta' l-2000 tunnellata Sante' ma' perijodu ta' erba' ġimgħat? X'jiġri jekk il-bdiewa ma tibqalhomx patata f'dan il-perijodu u min se jagħmel tajjeb għat-telf li jista' jkun kawżat? Kemm minn din il-patata trid tinġarr fuq reefer trailer biex tasal fil-perijodu miftiehem u min se jagħmel tajjeb għad-differenza fil-prezz li tvarja l-esportazzjoni bikrija ta' l-Alpha li tinġarr b'container reefer?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minħabba li s-Sante' tilħaq qabel l-Alpha, inħolqu żewġ swieq separati għal dawn iż-żewġ varjetajiet u sabiex dawn ma jfixklux in-negozju ta' xulxin fl-Olanda ikun hemm intervall ta' ġimgħa bejn l-egħluq tas-Sante' u l-ftuħ tal-Alpha. Dan sar mhux biss biex ikunu jistgħu jiġu esportati 7,000 minflok 6,000 tunellata, kif kien miftiehem oriġinalment, iżda fuq kollox biex jiżdiedu l-prezzijiet tal-patata ta' Malta għall-benefiċċju ta' min ikabbarha. It-tip ta' ġarr li jintuża biex tinġarr il-patata jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-mument u jekk il-patata titgħabbiex fuq road trailers jew containers dan ma jaffettwax il-prezz tagħha. Infatti filwaqt li l-prezz tal-Alpha huwa marbut mat-tunellaġġ dak tas-Sante' jiddependi mid-data fuq il-Bill of Lading jew tas-CMR, jiġifieri meta ikun telaq minn Malta.
Leg 9 PQ #23868 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Baħrija

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx proposti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex din tibdel l-iskeda taz-zona tal-Baħrija u l-periferija tagħha u tinvolvi r-raba' tal-bdiewa tal-Baħrija?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet numru ta` talbiet sabiex tibdel l-iskema taż-żona tal-iżvilupp tal-Baħrija. Sadanittant l-Abbozz tal-Pjan Lokali għall-Majjistral ta` Malta (NWLP) se jkun pubblikat fi żmien qasir għall-konsultazzjoni pubblika. Ma jfissirx illi kull talba li ssir lill-Awtorita` għal bidla fl-iskema tkun aċċettata.
Leg 9 PQ #23898 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Wied il-Għajn — Triq il-Batterija taż-Żonqor

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk cabin cruiser li jinsab fi Triq il-Batterija taż-Żonqor f'M'Scala faċċata ta' dar numru 73 jistax jinżamm fit-triq għal xhur sħaħ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-cabin cruiser in kwistjoni titneħħa mit-triq.
Leg 9 PQ #23823 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija — Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar pagament ta' l-overtime tal-biċċiera fil-biċċerija? Kemm jammonta f'ċifra ta' flus l-overtime dovut lil dawn il-ħaddiema? Meta se jsiru l-pagamenti dovuti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi: i. l-aħħar pagament ta' l- overtime tal-biċċiera li jaħdmu l- Beef Intervention Scheme kien f'Marzu 2000; ii. l-ammont ta' pagamenti tal-overtime b'lura huma Lm17,357.95; iii. qegħdin isiru l-arranġamenti biex il-pagamenti tal-overtime isiru fl-iqsar żmien possibbli.
Leg 9 PQ #23824 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Impjegati - Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas diġa' overtime lill-ħaddiema li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-flus ivvotati fl-estimi ta' din is-sena? Kemm minnhom tħallsu f'arretrati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-overtime li tħallas lill-ħaddiema li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd, mill-flus ivvotati fl-estimi ta' din is-sena, jammonta għal Lm5,085.15. Minnhom Lm1,812.83,0 kienu f'arretrati.
Leg 9 PQ #23825 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċanga — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-kwantita' ta' ċanga ta' 30 xahar, 24 u 18-il xahar li ġiet importata wara li l-gvern ħareġ ir-regoli ta' kontroll fuq l-importazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, lokalment, qatt ma ġie ffissat il-limitu ta’ eta' ta’ tletin xahar bħala l-eta' tal-qatla taċ-ċanga impurtata. L-ewwel limitazzjoni, jiġifieri fl-14 ta’ Novembru 2000, kienet dik fuq ċanga impurtata minn Franza, li permezz tagħha ma kienetx titħalla tidħol ċanga f'pajjiżna minn dan il-pajjiż, li jkollha iktar minn 24 xahar meta nqatlet. Ġew importati 19,932 kilogramma maqtula taħt l-24 xahar. Fil-15 ta’ Jannar 2001, ġiet illimitata l-importazzjoni kollha taċ-ċanga f’pajjiżna għal eta ta’ qatla maqtula taħt it-18-il xahar. Skond l-aħħar informazzjoni li għaddewli mid-Dipartiment tas-Servizzi Veternarji, ġew importati 51,666kgs ċanga maqtula taħt it-18-il xahar.
Leg 9 PQ #23826 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċanga — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-kwantita' taċ-ċanga ta' fuq minn 30 xahar żmien li ġiet importata lokalment qabel ma nħarġu r-regoli ta' kontroll fuq l-importazzjoni? X'kontrolli qed isiru biex ikun assigurat li din iċ-ċanga mhux se toħroġ għall-bejgħ? X'kumpens se jagħti l-gvern lill-importaturi lokali li nnoċentement inqabdu f'din il-problema li ġabet magħha l-marda tal-BSE fil-gżejjer tagħna?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi sa meta ġew introdotti l-kontrolli fuq l'eta tal-qatla tal-laħam impurtata, kemm f'Malta kif ukoll f'pajjiżi oħra, ma kienx ikun hemm distinzjoni ta' l-eta fuq laħam ħlief fil-każ tal-vitella. Nfakkar li r-riskju fil-każ ta' laħam impurtat (jiġifieri l-muskoli) huwa limitat ħafna u negliġibli.
Leg 9 PQ #23827 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Survey Agriekoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li sarilhom is-survey agriekoloġiku bejn l-1999 u 2000? X'ġara mill-informazzjoni ta' madwar 300 bidwi li kienet inġabret mill-amministrazzjoni preċedenti sabiex isirilhom dan il-proċess? Kemm minn dawn il-bdiewa tlestitilhom din l-analizi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-survey agri-ekoloġiku li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien biss pilot project li sar bil-ħsieb li l-bdiewa nvoluti f'dan il-proġett ikollhom informazzjoni dwar il-proprjetajiet tal-ħamrija fir-raba tagħhom. Dawk il-bdiewa kollha li jixtiequ jkollhom informazzjoni bħal din jistgħu jagħmlu użu mis-servizz ta' analiżi tal-ħamrija li jingħata mill-laboratorju tad-Dipartiment tal-Biedja. Fil-fatt fl-1999 u fl-2000 ġew analizati l-fuq minn 1500 kampjun ta' ħamrija. Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda ħsieb jew ħtieġa li jsir xi survey agri-ekologiku speċifikament għal dawk il-bdiewa li jesportaw il-patata.
Leg 9 PQ #23828 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa — Survey Agriekoloġiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' bdiewa li ġew intervistati sabiex isir l-ewwel rapport tas-survey agriekoloġiku bejn l-1999 u sena 2000? Kemm minn dawn il-bdiewa jkabbru patata għall-esportazzjoni? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema responsabbli minn dawn l-ntervisti u testijiet xjentifikiċi li saru lill-bdiewa bejn l-1999 u 2000?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23827.
Leg 9 PQ #23804 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Santa Venera - Bini Illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat li qed isir bini illegali fi Triq Kanonku Bonnici, Santa Venera? Jaf li fost l-oħrajn hemm stalel ta' l-annimali? X'passi se jieħu biex jara li din l-illegalita' u abbuż jieqaf?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma jirriżultaliex li qed isir xi bini llegali fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant. Rigward l-allegazzjoni dwar stalel t`annimali, ninsab infurmat illi fit-triq imsemmija hemm garaxx fejn qed jinżamm żiemel u karrozzin minn persuna li hi liċenzjata mill-Pulizija sabiex topera ta` kuċċier bil-karrozzin minn dan il-post.
Leg 9 PQ #23818 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Beef Intervention Scheme — Pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana meta sar l-aħħar pagament tal-Beef Intervention Scheme (BIS) lir-raħħala Maltin u Għawdxin? Kemm jammonta l-pagament b'lura li għandhom jieħdu r-raħħala Maltin? Kemm jammontaw il-pagamenti b'lura tal-BIS li għandhom jieħdu r-raħħala Għawdxin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li talab hija kif ġej: 1. L-aħħar pagament sar f'Marzu 2000 2. Il-pagamenti b'lura jammontaw għal Lm400,424.59 3. Ir-raħħala Għawdxin qegħdin pagamenti b'lura ta' Lm9460.
Leg 9 PQ #23819 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċanga Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla taċ-ċanga lokali, f'irjus u tunnellaġġ, għax-xahar ta' Diċembru u Jannar ta' din is-sena? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-istess xahar għas-sena preċedenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li talab tinstab fit-tabella hawn taħt: Heads kgs Dicembru 2000 311 87049 Jannar 2001 386 99392 Dicembru 1999 442 123118 Jannar 2000 633 171856
Leg 9 PQ #23820 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Beef Intervention Scheme — Ċanga lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtrat ċanga lokali bl-iskema tal-Beef Intervention Scheme għax-xhur ta' Diċembru u Jannar ta' din is-sena? Kemm minnha nbiegħet u kemm minnha tinsab maħżuna fil-cold rooms tal-biċċerija? Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għall-istess xhur preċedenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li talab tinstab fit-tabella hawn taħt: XIRI Dicembru 1999 26944 kgs Dicembru 2000 25200 kgs Jannar 2000 57585 kgs Jannar 2001 49045 kgs BEJGĦ Dicembru 1999 34879 kgs Dicembru 2000 11247 kgs Jannar 2000 11247 kgs Jannar 2001 6519 kgs
Leg 9 PQ #23821 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Soya Bean

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għoliet is-soya bean matul is-sena 2000? X'kumpens ta l-gvern sabiex jissusidja l-prezz għoli tas-soya bean?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onor. Interpellant diġa tajta lilu stess fir-risposta għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 22932 fil-31 ta' Jannar, jiġifieri ġimgħatejn u nofs ilu. Ġentilment nitlob l-Onor. Interpellant biex jaqra r-risposti tad-domandi li jkun għamel hu stess.
Leg 9 PQ #23822 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Apprendisti biċċiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' apprendisti biċċiera li daħlu fil-biċċerija? Min huwa l-uffiċjal inkarigat mit-taħriġ ta' dawn l-apprendisti? Minn liema lokalita' ta' Malta u Għawdex jiġu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' apprendisti biċċiera huma ta' 12. It-taħriġ tagħhom hu f'idejn l-ETC b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tas-Servizz Veterinarju. Il-lokalita huma minn fejn ġejjin: Għargħur, Marsa, Qrendi, Żurrieq u Victoria (Gozo). Infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-ħruġ ta' l-applikazzjonijiet kienet għal kulħadd u kull min applika ġie aċċettat għall-apprendistat.