Dipartiment ta' l-Artijiet — Qbila - Reġistrazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-bdiewa, li qabel l-aħħar ta' Frar laħqu għamlu l-arranġamenti kollha mad-dipartiment tal-biedja biex ikunu konformi ma' l-iskema tar-reġistrazzjoni ta' qbila tar-raba' iżda ma laħqux irreġistraw l-applikazzjonijiet tagħhom minħabba l-queue kbir li qed ikun hemm fid-dipartiment ta' l-artijiet, jingħataw iċ-ċans li jirreġistraw ir-raba' bħal bqija tal-bdiewa li għad iridu jiġu reġistrati l-applikazzjonijiet tagħhom għal pagamenti?
Peress li ġimgħa qabel il-Ministru rċieva ittra mis-segretarju permanenti dwar id-diffikultajiet li nħolqu fl-aħħar ġimgħa ta' l-għeluq ta' l-iskema, jista' ġentilment jinformana biċ-ċirkostanzi ġenwieni u li ġaladarba l-proċess min-naħa ta' l-agrikoltura kien sar tant qabel l-aħħar ta' Frar, jawtorizza lid-dipartiment ta' l-artijiet biex ma jiċħadx dawn l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern laqgħet kull applikazzjoni li ġiet imwassla fil-Berġa tal-Baviera qabel l-aħħar ta` Frar 2001, dan wara li l-għeluq ta` l-istess skema ġie mġedded b`xahar mill-aħħar ta` Jannar. Peress li fl-aħħar jumejn tax-xahar ta` Frar ġew imwassla fil-Berġa tal-Baviera elf disa` mija u erbgħa u tmenin (1984) applikazzjoni, nħasset il-ħtieġa illi tmien mija u ħdax (811) minnhom jiġu rreġistrati biss, bil-ħsieb illi jiġu aċċettati aktar tard. Dan sar biex in-nies li kien hemm preżenti ma jibqgħux jistennew għal sigħat twal. Peress li l-iskema issa għalqet mhux possibli li jiġu aċċettati aktar applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienet il-policy tal-Gvern għas-suq tal-Belt matul dawn l-aħħar sentejn u dik tal-mument? Kemm huwa numru ta' ħwienet fil-mument li hemm fis-suq tal-Belt u kemm minnhom għandhom kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Ma tbiddlet l-ebda 'policy' tal-Gvern għas-Suq tal-Belt f`dawn l-aħħar sentejn.
Fil-preżent hemm 28 ħanut fis-Suq tal-Belt, li kollha għandhom kuntratt ta` kirja.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23832, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra jew jgħaddili kopja kunfidenzjalment dwar l-arranġament ta' esportazzjoni li ntlaħqu ma' l-esportaturi Olandiżi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma sar ebda tibdil għal ftehim dwar l-esportazzjoni tal-patata lokali matul 1999-2000 li kien rivedut fil 31 ta' Jannar 2000.
Iżda din is-sena kawża tal-mard tal-bhejjem li qiegħed jaħkem fl-Ewropa inħolqot skarsezza tal-mezzi tal-ġarr fiċ-ċirkulazzjoni. Għaldaqstant kien meħtieġ li isir qbil mal-kuntratturi Olandiżi biex jinbidel il-mod ta' tagħbija għal parti mill konsenja totali.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23831, jista' l-Ministru jwieġeb għas-sena 1999 u 2000? Jista' jgħid għaliex ma kien hemm ebda pjan f'dawn is-snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23831.
Jista' l-Ministru jgħid lid-Dipartiment tas-Sajd jinfurmani bis-sitwazzjoni taż-żewġ koperativi dwar it-tender tat-tonn separatament?
Jista' jinfurmani jekk ikkomunikax xi forma ta' proposta partikolari lil xi waħda mill-koperattivi?
Jekk fl-affermattiv, x'kienu l-proposti u l-iżviluppi?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni mitluba diġa ingħatat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24074.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret bejn id-Dipartiment tas-Sajd u żewġ kooperattivi bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-ġid taż-żewġ koperattivi dwar il-kwistjoni li nqalat fuq it-tender tat-tonn?
X'proposti saru u x'deċiżjoni finali ttieħdet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saru laqgħat separati u kuntatti bit-telephone ma kull koperattiva. Ma kienx hemm ħafna x'wieħed jistgħa jagħmel, għaliex il-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd ħarġet sejħa għall-offerti u l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd Ltd qabdet u ffirmat kuntratt għar-rasha fl-istess perjodu. Għall-iktar informazzjoni nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24074.
Jista' l-Ministru jgħid minn huma l-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd li nfurmaw lis-sajjieda lokali li l-ICAT naqsilhom il-kwota tal-qbid tat-tonn għal is-staġun ta' din is-sena?
Jista' d-direttur tas-sajd ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relattivi ċioe meta l-ICAT informat, imponiet u ordnat lill-Gvern Malti biex inaqqas il-kwota tal-qabda tat-tonna?
Kemm fil-fatt tnaqset il-kwota tat-tonn għas-sajjieda Maltin u Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ICCAT issuġġeriet tnaqqis fil-qabda tat-tonn ta' l-Atlantiku tal-Lvant u tal-Mediterran minn 32,000 tunnellata fis-sena 1999 għal 29,500 tunnellata fis-sena 2000. It-tnaqqis propost għas-sena 2001 ma ġiex approvat f'laqgħa ta' Marakesh f'Novembru 2000. Għaldaqstant, il-kwota baqgħet bħal dik tas-sena 2000. Din il-kwota tinħadem fuq regolamenti ta' l-ICCAT u din ma tordna lill-ħadd, speċjalment jekk mhux membri. Id-doveri ta' kull pajjiż lejn il-Komunita Internazzjonali jobbligaw lil Malta li timxi ma regolamenti ta' konservazzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni Internazzjonali. Malta taċċetta u taddotta r-regolamenti tal-ICCAT għaliex dawn jiġu mressqa u mgħoddija kull sena fil-GFCM li Malta hija membru sħiħ tagħha. Il-kwota hija 35% inqas mill-aħjar qbid tas-sena 1993 jew 1994.
Jista' l-Ministru jinfurmani minn huma l-uffiċjali tad-Dipartiment tas-sajd li verbalment informaw lil uħud mill-membri taż-żewġ koperattivi li kien il-GFCM li mpona biex is-sajjieda Maltin u Għawdxin titnaqsilhom il-kwota tal-qbid tat-tonn u tal-pixxi spad?
Jekk huwa l-każ, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti li juru li l-GFCM naqqas bl-awtorita' tiegħu l-kwota tal-qbid tat-tonn għas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Jekk le, jista' jara li ma jingħatax dan it-tagħrif bla sens minn xi uffiċjali li għandhom l-għan li jpinġu ħażin il-politika Laburista ta' Malta Svizzera fil-Mediterran?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jidher li hemm xi nuqqas ta' ftehim. Il-GFCM hija kummissjoni reġjonali u din ma tinponix nuqqasijiet għas-sajjieda Maltin u Għawdxin iżda tapprova riżoluzzjonijiet, li mbagħad il-membri tagħha, fosthom Malta, għandhom id-dover li jaddottaw. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fil-Mediterran ma hemmx kwota tal-pixxispad, u l-kwota tal-qbid tat-tonn li tiġi fformulata kif spjegajna fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24184 fuq risoluzzjonijiet tal-ICCAT, issir dover tal-pajjiżi tal-Mediterran minħabba li l-GFCM taddotta risoluzzjonijiet tal-Kummissjoni ICCAT. Fir-rapport tal-25 Laqgħa tal-GFCM li sar Malta f'Settembru tas-sena 2000 fil-paġni 10 sa' 13 hemm ir-risoluzzjonijiet tal-ICCAT li ġew addottati mill-GFCM.
Ma hemmx il-konnessjoni bejn iż-żewġ Kummissjonijiet tas-Sajd imsemmija iktar kmieni, u l-Politika Laburista ta' Malta Svizzera fil-Mediterran li hija politika vis-a-vis l-Unjoni Ewropea. L-Onor. Interpellant suppost li jaf li la l-ICCAT u lanqas il-GFCM ma huma relatati ma' l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, kif suppost li jaf, u kif diġa kelli l-okkażżjoni ngħidlu kemm -il darba, Malta hija membru sħiħ fil-GFCM.
B'riferenza għal-mistoqsijiet parlamentari 22932 u 23821, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi, u cioe jekk il-Gvern issussidjax il-prezz tas-soya bean issa li l-kriżi tar-raħħala u produtturi kompliet teskala li kif ikkonferma l-Ministru hemm pagament tal-BIS ta' Lm 400,000? Jista' jinfurmani għaliex għadu ma introduċa ebda skema ta' sussidju fuq is-soya bean?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma kien hemm ebda żviluppi minn l-aħħar risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23821 fis-27 ta' Frar 2001, jiġifieri ġimgħatejn ilu.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-periklu li hemm fi Triq San Silvestru l-Mosta fil-parti d-dejqa li tiġi n-naħa ta' isfel mall-Knisja peress li dik il-parti tat-triq mhux one way u barra li hija dejqa u mudlama qed tikkawża perikolu serju w kontinwu għar-residenti u l-pedestrians?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li ssir sleeping policeman jew xi forma ta' protezzjoni oħra mmedjatament. Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li rappreżentant tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għamlu survey fuq il-post u ser jitolbu lill-Kunsill Lokali tal-Mosta biex jagħmel sleeping policeman fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jara li tiddawal aħjar il-parti ta' Triq San Silvestru (il-parti d-dejqa) peress li l-anzjani fl-inħawi ilhom jilmentaw x-xhur għal dan il-bżonn?
Peress li din it-triq mhux one way minkejja li hija dejqa ħafna, jista' jara li x-xogħlijiet jsiru urġentement sabiex jiġi evitat kull perikolu għall-anzjani, tfal u residenti ta' l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex f'dawn l-aħħar tlett snin is-ceiling ta' l-allowance supplimentari, ma ġietx miżjuda b'kemm il-pensjonanti ħadu żieda ta' l-għoli tal-ħajja?
Kemm kienu dawk li minħabba f'din il-miżura, sew koppji kif ukoll persuni li jgħixu weħedhom, ma baqgħux jibbenefikaw minn din l-
allowance
supplimentari
?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Artikoli 90A u 90B ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jirregolaw dwar liema pensjonijiet, benefiċċji, għajnuniet u allowances għandhom jiżdiedu meta tingħata żieda għall-għoli tal-ħajja. Ir-rati ta' l-Allowance Supplimentari kif ukoll id-dħul massimu annwali li hemm stipulat fit-test tal-meżżi mhumiex regolati mill-artikoli msemmija. Mhux magħruf in-numru ta' dawk li minħabba din il-miżura setgħu ma baqgħux jibbenefikaw minn din l-Allowance, għaliex qatt ma nħasset il-ħtieġa li tinżamm statistika tar-raġunijiet li minħabba fihom il-persuna ma tibqax tikkwalifika għall-Allowance Supplimentari.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid, sew matul is-sena 1999 kif ukoll is-sena 2000, jew aħjar meta id-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali beda juża is-sistema tal-PAYE, kemm kien in-numra ta' pensjonanti kopji u singli, li jħallsu taxxa fuq id-dħul u kemm hi somma totali li għaddiet jew trid tgħaddi lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali beda jnaqqas it-taxxa minn ras il-għajn (FSS) għal-ewwel darba fis-sena 2000. L-ammont li nġabar kien ta' Lm746,746.116 imqassmin hekk:
Lm501,511.239 minn pensjonanti miżżewġa (5087)
Lm245,234.877 minn pensjonanti mhux miżżewġa (3104)
Nenfasiżża l-fatt li l-FSS hija sistema li tevita illi t-tax payer jispiċċa s-sena finanzjarja (sena bażi) b'ammonti dovuti lil/jew mingħand il-Kummissarju tat-Taxxi Nterni. Għalhekk din il-proċedura hi ta' vantaġġ għall-persuni kkonċernati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-pensjoni Kanadiza sew ta' bord mediku kif wkoll ta' l-irtirar għandu pendenti Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? X'inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għal pensjoni Kanadiża, jiġifieri għal invalidita', għal min jirtira kif ukoll għar-romol, ma jinżammux pendenti fid-dipartiment. Meta d-dipartiment jirċievi dawn it-talbiet jintbagħtu malajr kemm jista jkun bl-informazzjoni meħtieġa li tkun normalment mitluba mill-awtoritajiet Kanadiżi. Minn dawn it-talbiet id-dipartiment kellu 58 is-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa ħalli Triq Qalet Marku, Baħar iċ-Ċagħaq tiġi asfaltata ħalli ma tibqax inħarbta bi djar jiġu ffladjati meta tagħmel ix-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tat-Toroq qed jindaga l-problema u jistabilixxi x'l-aħjar li jsir,fl-area kollha ta' Baħar iċ-Ċagħaq.
Jista' l-Ministru jinfurmana x'inhija s-sitwazzjoni taż-żewġ koperattivi dwar it-tender tat-tonn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat illi d-Direttur tas-Sajd u Akwakultura, waqt laqgħa tal-Bord tas-Sajd f'Settembru 2000 kien iddikjara l-pożizzjoni dwar it-tender tat-tonn. Id-deċiżjoni hija li jekk is-sajjieda ma jurux lid-Dipartiment li għamlu kuntratt wieħed għat-tonn kollu tagħhom, huwa kien ser jilqa' l-liċenzji ta' l-esportazzjoni kollha neċessarji. Iż-żewġ koperattivi għamlu kuntratti ma esportaturi differenti, waħda wara ħruġ għas-sejħa tal-offerti u l-oħra kuntrattazzjoni diretta wara li kienu infettħu l-offerti tal-ewwel Koperattiva. Fid-dawl ta' dawn iż-żewġ kuntratti d-Dipartiment huwa kostrett li joħroġ żewġ liċenzji ta' l-esportazzjoni. Dawn ser joħroġhom liż-żewġ kuntratturi rispettivi ta' kull Koperattiva fuq dawn il-kriterji:
il-qabda tas-sena li għaddiet
skond in-numru ta' membri li kienu preżenti bħala membri tal-koperattiva meta sar il-kuntratt.
Jista' l-Ministru jgħid taħt liema kundizzjonijiet l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija ġiet trasferita minn-naħa ta' l-Universita' ta' Malta mal-Partit Nazzjonalista?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna indikata ma ġietx trasferita mill-Universita` għal mal-Partit Nazzjonalista. Hi ġiet mogħtija leave bla ħlas mill-Universita` għal perjodu ta' sentejn biex marret taħdem mal-Partit Nazzjonalista. Hemm każ ieħor ta' persuna oħra li ġiet mogħtija l-istess konċessjoni u kien hemm persuna oħra li kienet mogħtija wkoll leave bla ħlas biex marret taħdem mal-Partit Laburista.
Jista' l-Ministru jgħid:
1) Kemm daħlu studenti din is-sena akkademika 2000-2001 fl-Universita' ta' Malta?
2) Mil-liema lokalita' ġejjin dawk li daħlu?
3) Kemm irriżenjaw minnhom, kors, kors?
4) Għal-liema raġuni kull wieħed irriżenja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li daħlu l-Universita` fis-sena akkademika 2000/2001 huwa ta' 1766 nisa u 1436 irġiel b'total ta' 3207.
Lista bl-informazzjoni mitluba fit-tieni u t-tielet parti tal-Mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Informat ukoll li normalment l-istudenti ma jagħtux raġuni għaliex ikunu rriżenjaw.