Jista' l-Ministru ġentilment jinformana bl-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari nru. 24503?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ilmenti msemmija fl-ittra li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant kienu kkonfermati minn investigazzjoni li għamel id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent.
Dan id-Dipartiment informa lid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar dan u ssuġġerixxa illi jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jinformana għaliex bdiewa mill-inħawi taż-Żejtun ilhom għal dawn l-aħħar tliet xhur ma jirċievu ilma mill-impjant ta' San Antnin?
Jista' jara li jingħataw kumpens finanzjajru għall-ħsarat kawżati minħabba dan in-nuqqas li kkawża l-qerda ta' prodotti li kellhom fuq l-uċuh tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-provista tal-ilma reċiklat mill-Impjant ta' Sant' Antnin għax-xahar ta' Jannar laħqet 1,476m3 ekwivalenti għal 29.5 miljun gallun ilma.
Il-provista ta' ilma reċiklat għax-xahar ta' Frar leħqet 58m3 ekwivalenti għal 12,760 gallun ilma. Dan in-nuqqas ta' volum kien dovut għal ħsara teknika li kien hemm fuq il-main prinċipali li jissupplixxi id-drenaġġ lill-Impjant tar-reċiklaġġ ta' Sant' Antnin.
Għaldaqstant l-Impjant dam wieqaf kważi x-xahar ta' Frar kollu u beda jippompja l-ilma fil-ġibjuni fl-ewwel ġimgħa ta' Marzu. Dan id-dewmien ħoloq domanda kbira mill-bdiewa peress li m'għamlitx xita u kien diffiċli biex tirkupra d-domanda li kien hemm wara li beda jaħdem l-Impjant.
Mhux il-każ li jingħata kumpens minħabba dan.
Jista' l-Ministru jinformana x'ġara mill-Lm50,000 li l-Kabinett kien approva bħala kumpens lill-bdiewa, peress li minnhom kienu ngħataw biss Lm29,000? Jista' jara li l-bdiewa taż-Żejtun, li għal dawn l-aħħar tliet xhur ma kellhoms ilma minħabba l-ħsarat fl-impjant ta' San Antnin, jingħataw kumpens mill-bqija tal-flus li l-Kabinet kien approva għall-għajnuna tal-bdiewa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-istimi preliminari ta' l-art li saru minħabba l-maltempata u li fuqhom saret it-talba lill-kabinett kienu għal Lm50,000, iżda l-għajnuna ngħatat biss lil dawk li ssottomettew l-irċevuti għat-tiswijiet ta' xogħolijiet li saru u li kienu kawża tal-maltempata. Flus li ġew ipprovduti għal xi għan partikolari ma jistgħux jintużaw għal xi għan ieħor.
Fir-rigward għat-tieni parti tal-mistoqsija, nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24310.
Peress li persuni li għandhom opri tal-baħar reġistrati mal-MMA mhux jirnexxilhom jikkontattjaw il-met office fuq in-numru 543848 meta jċemplu mill-mobile phones, jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat dan in-nuqqas ħalli jkunu evitati inċidenti fatali li jistgħu jiġu kawżati kemm-il darba l-informazzjoni tibqa' ma tingħatax lil dawn il-persuni li jkunu bejn sema u ilma?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lill-Awtorita' tal-Komunikazzjoni tinvestiga il-kas biex din il-problema tissolva.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li talba għall-pensjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament tiġi milqugħa ħalli jsir il-ħlas dovut, li l-persuna qed tistenna? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament ġiet infurmata bir-riżultat ta' l-X-ray li ttieħdulha f'Novembru tas-sena l-oħra fl-14 ta' Marzu ta' din is-sena, meta ddaħlet mill-ġdid għall-kura fl-isptar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li talba għal pensjoni ta' l-invalidita' tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament titħaffef minħabba l-urġenza tal-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l każ tal-persuna minnu indikata ġie investigat u l-istess persuna qiegħda tkun infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Ministru jinformana xi provi ġodda saru fuq xtieli, pjanti u siġar fil-farm esperimentali ta' Malta, l-Għammieri, bil-għan li tiżdied id-diversifikazzjoni tal-prodotti lokali, matul l-1999 u s-sena 2000? X'riżultat u progress inkiseb u kemm kienu l-bdiewa nvoluti f'dan il-proċess u min kienu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fis-sezzjoni ta' l-Ortikoltura, fil-farm esperimentali fl-Għammieri, kull sena jsiru provi fuq xtieli u pjanti bil-għan li jiġu ppruvati varjetajiet ġodda ta' żerriegħa u jiġi stabbilt liema varjetajiet jagħtu l-aħjar riżultati taħt il-kundizzjonijiet lokali.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-snin 1999 u 2000 saru provi fuq diversi prodotti, kemm tas-serrer kif ukoll ta' barra, fosthom tadam, ħjar, qara'bagħli, bżar, basal, brunġiel, patata u fjuri.
Ir-riżultati miksuba min dawn il-provi jiġu kkomunikati lill-bdiewa nterresati mill-uffiċjali tas-sezzjoni kif ukoll mill-uffiċjali tal-Extension Service tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jinfurmana bil-pjan tal-gvern għal qasam tal-biedja fil-gżira ta' Għawdex għal din is-sena u s-sena d-dieħla? Kemm huma l-flus ivvotati għal dan il-pjan? Kemm hija mistennija li tgħola l-produzzjoni u liema produzzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinfurmana x'investigazzjoni saret mid-dipartiment tas-saħħa dwar ir-rapport li deher fil-ġurnal "l-orizzont" f'paġna 3, nhar il-Ġimgħa 23 ta' Marzu, dwar ħut mejjet taħt il-gaġġeġ tat-tonn, kif esebit b'filmati, mill-koperattiva nazzjonali tas-sajd?
Response (DEGUARA, LOUIS)
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 24734, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll fuq 'Coastal Waters' huwa responsabilita` tal-Ministru ta` l-Ambjent, waqt li l-kontrol fuq trobbija tal-ħut huwa tal-Ministru responsabbli minn l-Agrikoltura u Sajd. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li tali mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministri kkonċernati.
Jista' l-Ministru jinformana fiex wasal il-proċess ta' l-applikazzjoni għall-agricultural foremen li ħareġ mid-dipartiment ta' l-agrikoltura f'Novembru ta' l-1999?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Bord ta’ l-Għażla bagħat il-konklużjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u dawn qegħdin jiġu diskussi.
Jista' l-Ministru jinfurmana x'ġara mill-pjani ta' l-esportazzjoni tal-basal għal din is-sena? Kemm ġie esportat basal fil-fatt u kemm kienet il-produzzjoni f'Għawdex u f'Malta separatament għal din il-produzzjoni? Kemm kien in-numru ta' bdiewa li kabbru dan il-basal għall-esportazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kif kien tħabbar xi xhur ilu, din is-sena qegħdin isiru provi fuq varjetajiet ġodda tal-basal bl-iskop li fil-futur tkun tista terġa tibda l-esportazzjoni ta' dan il-prodott minn Malta. Naturalment, parti minn dan il-programm jinkludi wkoll is-safar tal-prodott miksub minn dawn il-provi, liema provi qed isiru mill-privat.
Madankollu, kif suppost jaf l-Onor. Interpellant, għadu ma wasalx żmien il-basal niexef. Infatti il-basal niexef issibu għall-ħabta tal-bidu ta' Ġunju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti lid-dipartiment ta' l-agrikoltura dwar in-nuqqas tal-kwalita' tal-patata taż-żriegħ? X'miżuri ħa d-dipartiment u x'inhija s-sitwazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat mill-uffiċjal inkarigat illi d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura eżamina l-ilmenti kollha li kien irċieva mingħand il-bdiewa dwar il-patata taż-żriegħ.
Ninforma l-Onor. Interpellant li fit-tlett każi li kien hemm, ir-risultati xjentifiċi li saru kkonfermaw li l-ħsara rrappurtata ma kienitx kawża taż-żerriegħa. Naturalment, f'kull każ il-bidwi kkonċernat kien infurmat bir-riżultat u ngħata pariri addattati biex jevita aktar ħsarat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformana x'kienu r-raġunijiet li matul l-1999 u s-sena 2000 ma' nbdewx ix-xogħlijiet fuq id-dar ta' l-anzjani tal-Mellieħa? Jista' ġentilment jara li x-xogħlijiet jibdew din is-sena ħalli l-anzjani tal-Mellieħa, Manikata u Mġarr ikollhom dar ta' l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Billi sa wara l-elezzjoni tal-1998 ma kienu għadhom saru ebda pjanti u permessi meħtieġa dwar id-Dar tal-Anzjani fil-Mellieħa u fid-dawl tal-interess li dejjem qiegħed jikber tas-settur privat f'investimenti ġodda fil-qasam tal-anzjani, il-Ministeru għall-Politika Soċjali flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa bdew jaraw kif seta' jingħata bidu għall-proġett li fih kien jinkludi l-bini tad-Dar tal-Anzjani bħala joint-venture mas-settur privat. Huwa maħsub li dan il-proġett, li għandu jinvolvi mhux biss l-area li kellha fuqha tinbena d-dar iżda area kbira ta' art li tmiss magħha, jinkorpora fih kemm l-aspett soċjali kif ukoll l-aspett kummerċjali u turistiku. Mill-aspett soċjali il-ħsieb huwa li minn barra Dar tal-Anzjani, jkun hemm ukoll sheltered homes u Day Centre mhux għall-anzjani biss iżda wkoll għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. It-taħdidiet mal-Planning Authority diġa' nbdew u qegħdin fi stadju avvanzat. Huwa ttamat li l-pjanti neċessarji u l-permessi meħtieġa għal dan il-proġett ikunu finaliżżati fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jara li jsiru xogħlijiet biex jissewwew il-ħsarat fir-residenza 88, Azzopardi Street, Marsa, ikkawżati mis-sistema tad-drenaġġ tal-gvern? Peress li l-anzjana in kwestjoni qed tgħix f'diffikultajiet kbar, jista' d-dipartiment jara li x-xogħlijiet meħtieġa jsiru immedjatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħlijiet meħtieġa ser isiru immedjatament mid-Dipartiment tad-Drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid, skond id-dipartiment ta' l-istatistika, x'kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam aħmar f'Malta u Għawdex, separatament matul dawn l-aħħar ħames snin , sena b'sena u x'tip u kwalita' ta' laħam kien?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb wieħed jinnota li l-figuri mogħtija huma tal-laħam ipproċessat fil-Biċċerija tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid, skond it-tagħrif ta' l-uffiċċju ta' l-istatistika, kemm tipproduċi annwalment waste - demel u skart - l-industrija lokali tat-trobbija tal-laħam tat-tjur u l-bhejjem f'Malta u f'Għawdex separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tip ta' informazzjoni mitluba ma tinżammx mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika. Madanakollu jekk wieħed jikkonsulta paġna 32 tal-Consultation Document imsejjaħ "A Solid Waste Management Plan for Malta" pubblikat mill-Ministeru ta' l-Ambjent f'Jannar tas-sena l-oħra, jsib li huwa stmat li l-produzzjoni annwali ta' demel ta' l-annimali hija ta' 116,000 tunnellata.
Jista' l-Ministru jgħid, skond it-tagħrif li għandu l-uffiċċju ta' l-istatistika, x'tip ta' għalf għat-tjur u l-bhejjem ġie importat għall-industrija tal-biedja u l-akwakultura f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Minn liema pajjiżi u kemm kwantitajiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min jinnota li l-figuri mogħtija huma f'kilogrammi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-valur fi flus tax-xogħlijiet/proġetti li qed isiru fil-mument mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu fuq talba tal-kunsilli lokali f'Malta u f'Għawdex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul din is-sena, id-Dipartiment tal-Agrikoltura wettaq xogħol ta' manutenzjoni u ta' ġardinaġġ b'kuntratt ma' diversi kunsilli lokali f'Malta. Dan għal valur ta' madwar Lm29,000.
Rigward xogħlijiet/proġetti f'Għawdex li jirrigwardjaw l-Agrikoltura, nissuġġerixi l-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.