Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26349 Sitting 553 2001-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejt taż-Żebbuġ — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien is-sussidju ta' l-export refund fuq l-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġ fil-gżejjer tagħna ġejja mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropa matul dawn l-aħħar ħames snin., sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 26346 waqt is-Seduta ta' llum stess.
Leg 9 PQ #26350 Sitting 553 2001-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ross — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien is-sussidju ta' l-export refund fuq l-importazzjoni tal-materja prima tar-ross fil-gżejjer tagħna ġejja mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 26346 waqt is-Seduta ta' llum stess.

Għar Barka — Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jaġġornana dwar l-estensjoni tas-servizz tal-karozzi tal-linja għar-residenti ta' Għar Barka? X'kienu r-raġunijiet li minn Ottubru 1998 ma sarux l-arranġamenti kollha li talbu x-xufiera sabiex ir-residenti ta' dawn l-inħawi jkunu provduti bis-servizz mixtieq? Jista' l-Ministru jinformana meta l-venda tal-karozzi tal-linja tar-Rabat se tirritorna lura fi Triq Santa Rita? Meta se jibda mill-ġdid is-servizz bil-karozza tal-linja dirett għal San Pawl il-Baħar sabiex il-familji ta' l-Imtarfa, Rabat u l-Baħrija jkollhom aċċess sabiex igawdu s-sajf ħdejn il-baħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari Nru. 22307, 22683 u 26252.
Leg 9 PQ #26340 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Rabat — Triq Riebu Well

Question

Peress li l-persuna b'disabilita' residenti f'31 "I" Riebu Well Street, Rabat, qed issib inkonvenjent kbir, kawża ta' xogħlijiet li saru fejn tkissret il-bankina, jista' l-Ministru ġentilment jara li d-dipartimenti konċernati jirrimedjaw is-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għal-mistoqsija parlamentari nru.19922 seduta 392.

Rabat — Parking

Question

Peress li numru ta' persuni b'disabilita' u persuni li jużaw iċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat jilmentaw mill-inkonvenjent u l-problema tal-parking, jista' l-Ministru jinvestiga kif jista' jtaffi ftit is-sitwazzjoni ta' dawn il-persuni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mall-Kunsill Lokali għamlu arranġamenti biex ikun hemm numru ta' reserved parking bays quddiem iċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat li jinkludi żewġ bays għall- użu ta' persuni b'diżabilita'. Peress li l-ispazju għal parking f'Misraħ il-Paroċċa huwa ristrett ħafna, il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku huwa ta' l-opinjoni li żewġ spazji (riservati għal persuni b'diżabilita') jirrapreżentaw persentaġġ aċċetabli minn numru ta' parking spaces li hemm għall-użu fil-pjazza.

Rabat — Parking

Question

Peress li numru ta' persuni b'disabilita' u persuni li jużaw iċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat jilmentaw mill-inkonvenjent u l-problema tal-parking, jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga kif jista' jtaffi ftit is-sitwazzjoni ta' dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward il-problema tal-parking għaċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat għall-persuni b'diżabilita', fil-fatt hemm Reserved Parking għall-persuni b'diżabilita' li għandhom il-Blue Sticker. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ġiet infurmata li hemm il-ħsieb li tintalab biex isir parking space ieħor għall-persuni b'diżabilita'. Il-Kummissjoni ukoll ser tikteb kemm il-Kunsill Lokali tal-lokal kif ukoll lill-Pulizija tal-lokal biex jassiguraw li dan l-ispazju jiġi utiliżżat b'mod tajjeb. Il-Kummissjoni minn żmien għal żmien tagħmel appelli biex dawn il-postijiet jintużaw kif suppost. Il-Kummissjoni kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija u lid- Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex il-pulizija u l-gwardjani lokali jaraw li dawn l-ispazji ma jiġux abbużati. Il-Kummissjoni ukoll ser tagħmel kampanja mal-Kunsilli Lokali kollha biex dawn l-ispazji jiżdiedu f'kull lokalita' skond il-ħtieġa. Hu importanti li l-pubbliku jikkopera billi: a) l-użu tal-Blue Sticker isir minn min verament għandu problemi ta' mobilita'; u b) persuni li ma għandhomx l-Blue Sticker ma jużawx dawn l-ispazji riservati għall-persuni b'diżabilita'.

Rabat — Parking

Question

Peress li numru ta' persuni b'disabilita' fir-Rabat jilmentaw mill-inkonvenjent u l-problema tal-parking, jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga kif jista' jtaffi ftit is-sitwazzjoni bil-għan li dawn il-persuni jkollhom aktar aċċessibbilta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26342 f'din l-istess Seduta.

Rabat — Parking

Question

Peress li numru ta' persuni b'disabilita' fir-Rabat jilmentaw mill-inkonvenjent u l-problema tal-parking, jista' l-Ministru jinvestiga kif jista' jtaffi ftit is-sitwazzjoni bil-għan li dawn il-persuni jkollhom aktar aċċessibbilta'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-traffiku ser jitlob lill-Kunsill Lokali tar-Rabat biex jiddentifika postijiet għar-reserved parking għall-persuni b'diżabilita' f'postijiet li jkunu addatati għal blue sticker holders. Ta' min isemmi li fir-Rabat diġa' hemm sitt postijiet riservati għall-persuni b'diżabilita'.
Leg 9 PQ #26314 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni b'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25808 sax-xahar ta' Mejju ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija nru. 25808 tasal għand id-Dipartiment permezz tas-sistema tal-FSS. Id-dettalji dwar l-impjegati u x'ammonti ta' taxxa u kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali jkunu nżammu, jkunu sottomessi mill-employees fil-bidu tas-sena sussegwenti. Għalhekk l-informazzjoni mitluba għas-sena 2001 tkun għand id-dipartiment is-sena d-dieħla.
Leg 9 PQ #26334 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jinformana bil-progress li sar dwar l-iżvilupp taċ-ċimiterju ġdid għall-komunita' tar-Rabat, Baħrija u Mtarfa? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li t-talba ġenwiena ta' dawn il-komunitajiet għall-ċimiterju ġdid tittieħed bis-serjeta' meta tqies li kważi ġew akkomodati l-ibliet u l-irħula kollha għal talbiet simili u r-Rabtin baqgħu b'xejn? Jista' l-Ministru jara kif jerġa' jintervjeni ħalli fid-dawl li issa nstabet art għall-pompa tal-petrol fil-Mellieħa, minkejja li hija ta' ħsara għar-residenti, inħarġu permessi għal lukanda li nbniet bla permess u f'zona fejn hemm (ro tal-Marfa) tinstab ukoll art għall-iżvilupp ta' dan iċ-ċimiterju fir-Rabat jew il-madwar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li minn l-aħħar risposta għal mistoqsija parlamentari numru 24062, is-sitwazzjoni għada l-istess. Waqt li nfakkar li, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hija l-Awtorita` kompetenti li tiddeċiedi dwar għoti ta` permessi, kif ukoll dwar lokazzjoni, jkun aktar opportun jekk tali mistoqsija tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #26335 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċimiterju — Rabat - Art

Question

Jista' l-Ministeru jintervjeni fil-problema li qed tiffaċċja l-komunita' tar-Rabat, Baħrija u l-Imtarfa, cioe' li jiġi żviluppat ċimiterju ġdid ħalli jiġu akkomodati l-familji li qed jitolbu dan il-bżonn? Billi din il-problema ilha pendenti għal aktar minn 20 sena, jista' l-Ministru jinvestiga kif tista' tinsab art għall-iżvilupp ta' dan iċ-ċimiterju fir-Rabat jew il-madwar ħalli talba pendenti tal-poplu Rabti tittieħed bis-serjeta'?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern għadu għaddej bl-isforzi tiegħu biex jidentifika biċċa art li tkun tista` tintuża biex jiġi żviluppat ċimiterju ġdid għal bżonnijiet tal-poplu tar-Rabat u l-inħawi.
Leg 9 PQ #26336 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Rabat — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jaġġornana dwar is-sitwazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat u cioe' meta din se terġa' tiftaħ fuq bażi ta' 24 siegħa kif kien ġie mwiegħed? Jista' l-Ministru jinformana kemm-il darba saru laqgħat bejn il-kunsill tar-Rabat u d-dipartiment tas-saħħa dwar din il-kwestjoni u xi żviluppi kien hemm? Jista' l-Ministru jara li mill-aktar fiss possibbli d-dipartiment tas-saħħa jlaqqa' d-deputati parlamentari li jirrappreżentaw il-poplu tar-Rabat sabiex tiġi diskussa immedjatament din is-sitwazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat li twalet iż-żejjed?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat ikun jista` jinfetaħ fuq bażi ta` 24 siegħa kuljum meta fid-Dipartiment tal-Kura Primarja ikun hemm tobba biżżejjed sabiex dan is-servizz ikun sostenibbli. Id-Dipartiment qiegħed jiddiskuti u jistħarreġ il-possibiltajiet kollha biex tkun solvuta il-problema tan-nuqqas ta` tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa iżda sa issa għada ma nstabitx soluzzjoni sodisfaċenti. Ma saret l-ebda laqgħa bejn il-Kunsill tar-Rabat u d-Dipartiment tal-Kura Primarja. Id-deċiżjoni fuq l-għeluq taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat kienet waħda amministrattiva bbażata fuq nuqqas ta` tobba u ma nara l-ebda skop biex din tingħata dimensjoni politika.
Leg 9 PQ #26337 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Baħrija/Imtaħleb

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu rranġati t-toroq li minnhom tidħol għal Baħrija u l-Imtaħleb peress li nħolqu ħofor kbar li qed joħolqu perikolu kbir fis-sistema tat-traffiku f'dawn l-inħawi tal-kampanja li ssebbaħ ir-Rabat ta' Malta? Jista' l-Ministru jieħu dawn il-passi immedjatament qabel ma jseħħ xi inċident fatali? Billi fil-parti tat-tarf ta' ġewwa ta' l-Imtaħleb, cioe' fil-parti tat-triq qabel ma tmiss mal-konfini tal-Baħrija, qed jibda jinġema ħafna skart ta' l-oġġetti mkissra u fdalijiet oħra, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza li jsir it-tindif u jara li jiġi mwaħħal xi forma ta' avviż fl-entratura ta' l-Imtaħleb sabiex ħadd ma jarmi skart f'dawnl-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministri koncernati.

Rabat — Malta - Triq Borg Olivier

Question

Jista' l-Ministru jinformana x'ġara mill-arranġamenti li wiegħed, kemm-il darba li se jsiru, dwar it-talba tar-residenti ta' Triq Borg Olivier ir-Rabat, Malta? Peress li d-dar ta' l-anzjani ta' Saura tinstab fl-istess triq, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-parking jitħalla mill-ġdid fejn kien matul il-prova ta' sitt xhur one way li suppost se ssir iminentament fi Triq borg Olivier, ir-Rabat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat flimkien mall-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qegħdin jiffinaliżżaw sistema tat-traffiku li tinkludi 'One Way' fi Triq Borg Olivier. Hekk kif is-sistema l-ġdida tibda titħaddem il-Bord ikun f'pożizzjoni aħjar biex jikkunsidra t-talba magħmula mill-Onor. Interpellant għar-reserved parking bay ħdejn id-dar ta' l-anzjani, Ta' Sawra.
Leg 9 PQ #26253 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dual Citizenship

Question

Peress li jien informat li l-każ tad-dual citizenship li qed jintbagħat separatament ilu pendenti s-snin, jista' l-Ministru jinvestiga u ġentilment jara li t-talba tiġi rimedjata kemm jista' jkun malajr?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar il-każ li qed jirreferih għalih peress illi mir-referenza tal-każ li ngħata separatament, ma setgħax jiġi identifikat il-każ mid-Dipartiment ikkonċernat.
Leg 9 PQ #26303 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Tal-Ħemsija — Żbruffar ta' Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga xi ħsarat ikkawża lill-bdiewa l-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Ħemsija, l/o Rabat? Jista' jara l-possibbilta' li l-bdiewa jingħataw xi kumpens?

Response (ZAMMIT, NINU)

Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura diga' irċieva mingħand id-Dipartiment tad-Drenaġġ sabiex issir stima tal-ħsara li ġiet ikkawżata fir-raba il-Ħemsija meta far id-drenaġġ. Qegħda ssir il-proċedura normali sabiex issir stima tal-ħsara lil dawn il-bdiewa. Din l-istima tintbagħat lid-Dipartiment tad-Drenaġġ sabiex jikkumpensahom.
Leg 9 PQ #26304 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tal-Ħemsija — Fawran ta' Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'qed jikkawża l-fawran tad-drenaġġ fil-Ħemsija, l/o Rabat? Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata l-ħsara immedjatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-fawran fil-Ħemsija, l/o. Rabat qiegħed jiġi kkawżat minn bowsers li jarmu d-drenaġġ fid-'discharge point' li hemm f'dak il-post. Ta' min isemmi illi din id-'discharge point', hija temporanja sakemm isir il-main il-kbir tar-Rabat li hemm fil-'Master Plan'.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex jiġi aċċertat jekk għandhiex tirċievi aktar f'arretrati dovuti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-persuna minnu ndikata ser tiġi nfurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni li hi qed tirċievi.
Leg 9 PQ #26306 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jara li jsir il-progress meħtieġ u cioe' l-kuntratt li hemm pendenti tal-każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi peress li l-proprjeta` in kwistjoni ma hix inkluża fl-Annex 8 tal-Ftehim ta` l-1991 bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede, għaddej proċess biex din tiġi nkluża. Il-kuntratt jkun jista` jsir hekk kif jintemm dan il-proċess.
Leg 9 PQ #26307 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Mosta — Ċentru Tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex ċerti ċittadini li qed jirrikorru għall-pilloli fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, qed jingħataw pilloli li jkopru l-perijodu ta' Ġunju u Lulju b'konsegwenza li l-pilloli għax-xhur ta' Lulju qed ikunu skaduti, kif jikkonfermaw il-fatti li qed nibgħat kopja tagħhom separatament minn din il-mistoqsija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-proċedura tat-taqsima tal-mediċini fl-ispizeriji taċ-Ċentru tas-Saħħa issa ilha aktar minn sentejn stabbilita` li l-mediċini ta` rutina jingħataw f'ammonti ta` xahrejn u mhux xahar. Dan kemm għall-konvenjenza tal-pazjent kif ukoll biex jitħaffef ix-xogħol ta` l-ispiżerija, u jkun hemm queue anqas. S'intendi dejjem jittieħdu prekawzjonijiet illi l-mediċini ma jkunux skaduti sal-ġurnata ta` l-użu tagħhom, inkluż it-tieni xahar. Meta mediċina tkun ser tiskadi wara l-ewwel xahar, jingħata biss ammont ta` xahar wieħed biss u formula "to collect" sabiex wara jinġabar l-ammont tat-tieni xahar bid-data ta` skadenza li taqbeż dak ix-xahar. Id-Dipartiment jieħu il-miżuri kollha possibbli sabiex jiggarantixxi li l-mediċini dispensati ma jkunux skaduti u jinvestiga kull każ li jista` jissuċċedi f'dan ir-rigward u jieħu il-passi korrettivi kollha neċessarji dwar xi nuqqas. Jekk xi pazjent jinnota li bi sviżta ingħata pilloli li jkunu se jiskadu, kemm għall-ewwel jew għat-tieni xahar, il-pazjent għandu jikkuntattja lill-ispiżerija u dawn jiġu mibdula. Jkun tajjeb ukoll li javża lid-Dipartiment sabiex jieħu l-passi neċessarji sabiex dan ma jeġax jiġri. Il-każ imsemmi fil-mistoqsija ġie mistħarreġ u rriżulta li l-mediċina ġiet dispensata mill-ispiżerija ta` l-Isptar San Luqa u mhux mill-ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Ir-raġel tal-pazjenta mar l-ispiżerija tal-Mosta biex jibdel il-pilloli skaduti, iżda dawn ma setgħux jinbidlu il-Mosta peress li kienu 'special items' u allura jiġu dispensati biss mill-Isptar San luqa.