Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mix-xogħlijiet li kellhom isiru fil-Winery tal-Buskett? X'kienu jinvolvu dawn ix-xogħlijiet li saru matul l-1999, 2000 u 2001? Kemm kienet is-somma vvutata għall-kull sena u x'intefaq?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jindika għal liema xogħlijiet qed jirreferi kif ukoll l-ammont ta' flus li kien ġie vvutat fl-Estimi għas-snin 1997 u 1998, li għalihom kien responsabbli huwa bħala Ministru, biex jitwettqu dawn ix-xogħlijiet. Qiegħed jitfassal pjan ta' azzjoni għall-ġonna tal-Buskett li jinkludi ukoll il-winery.
Jista' l-Ministru jinfurmani meta se tibda topera l-container scanner fid-Dipartiment tad-Dwana?
Kemm tħarrġu uffiċjali u personnel tad-dwana sabiex iħaddmu din is-sistema ġdid biex ikun ikkontrollat il-kuntrabandu fil-gżejjer tagħna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għadhom qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex il-container scanner, li se jingħata mill-Gvern Amerikan, jinġieb Malta u jitqiegħed fis-sit magħżul u biex jingħata t-taħriġ neċessarju lill-uffiċjali tad-Dwana li ser iħaddmu dan l-apparat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' kuntrabandu li interċettat id-Dwana f'Malta u Għawdex matul l-ewel 6 xhur ta' din is-sena? X'każijiet kienu w x'passi ttieħdu u kemm tressqu persuni l-Qorti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub qed nagħtih hawn taħt:
a. Numru ta' każijiet (mill-1 ta' Jannar 2001 sal-21 Ġunju 2001) - 27
b. Il-każijiet kienu konnessi ma' kuntrabandu ta':
Droga, 'mobile phones', prodotti kosmetiċi, kullani tal-korall, għasafar u annimali ħajjin, għasafar u annimali bbalzmati, 'smart cards', artikoli tal-fidda, sigaretti, sigari u tabakk fost affarijiet oħra.
c. X'passi ttieħdu:
Inħarġet Nota ta' Qbid (fejn kien il-każ); uħud mill-persuni allegatament għadhom qegħdin jiġu nvestigati, u, persuna ddeċidiet li tissetilja l-każ tagħha amministrattivament (taħt Sezzjoni 63A tal-Ordinanza tad-Dwana, Kap 37 tal-Liġijiet ta' Malta).
d. Numru ta' persuni li tressqu 'l Qorti - 20
e. Numru ta' persuni li ssetiljaw il-każ barra 'l Qorti - 1
f. Numru ta' persuni li għadhom qegħdin jiġu nvestigati - 12
Jista' l-Ministru jgħid min huma r-rappreżentanti tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u ta' l-istitut ta' l-agrikoltura ta' l-Universita' fuq il-Kumitat Ngħozzu l-Biedja li jieħu ħsieb fost l-oħrajn il-Hands on Farming.
Response (ZAMMIT, NINU)
Ġie maħtur uffiċjal ġdid sabiex jieħu ħsieb fost xogħol ieħor il-programm Hands on Farming għax l-uffiċjali li kienu inkarigati ħarġu bil-maternity leave. Bi ħsiebni nwaqqaf il-kumitat "Ngħożżu l-Biedja" matul is-sajf.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-varjetajiet il-ġodda ta' ħxejjex u frott li ddaħlu l-Pitkalija Ċentrali f'Ta' Qali matul l-1999, 2000 u 2001?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma għandi xejn xi nżied mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24051.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li filwaqt li l-Gvern qed jgħid li l-protezzjoni tal-Biedja trid tispiċċa minħabba r-regoli tal-WTO sa sena 2010, jirriżulta li hemm 37 pajjiżi fosthom l-Amerika, l-Awstralja, Norway, New Zealand, Tunisia, Polonja u Israel li talbu għall-Tariff Quotas li tipperemitti WTO stess sabiex il-pajjiżi tad-dinji jipprotteġju l-biedja tagħhom?
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt il-Ministru, li filwaqt li l-Gvern qed jgħid li l-protezzjoni tal-Biedja trid tispiċċaw minħabba r-regoli tal-WTO sa sena 2010 jirriżulta li hemm 378 pajjiżi fosthom Svizzera u Liechtenstein, Ungerija, Rep. Ċeka, Marocco u Bulgarija li talbu għall-special safeguards provisions li tippermetti WTO stess sabiex il-pajjiżi tad-dinja jipprotteġju l-Biedja tagħhom ?
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt il-Ministru li filwaqt li jgħid li ma' jeżistux toroq oħra għall-Malta ħlief dik ta' sħubija ta' Malta fl-UE, mill-1995 l-UE għamlet diversi association agreements mal-pajjiżi tal-Mediterran bħal dawk li diġa għandha ma' Malta, fejn saħansitra l-ħut tal-fish farms tat-Tunesija qed jiġi esportat bl-eżenjoni ta' 15% tad-dazju li timponi l-UE fuq Malta minkejja li pajjiżna qabel l-1995 kellha applikazzjoni attiva għas-sħubija sħiħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehim li UE għandha mat-Tunesija jkopri il-prodotti agro-alimentari kollha u huwa reċiproku. Dan kien possibli għaliex il-prodotti agrikoli Tuneżini kienu bi prezz li jistgħu jikkompetu mal-prodotti Ewropej.
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li Malta kienet laħqet ftehim sabiex tneħħi l-levy tal-15% fuq il-ħut ta' l-Akwakultura kif wkoll kien jinvolvi d-dullieħ, patata, gallettini u birra. Dan kollu kien waqqaf mal-iffriżar tal-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija. Fil-preżent in-negozjar tat-tneħħija tal-levy jinsab fi stadju avanzat.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-impatt tar-rapport ta' l-istitut agronomiku ta' Bari dwar l-impatt fuq il-Biedja fil-gżejjer tagħna wara li Malta ssir membru ta' l-UE?
Jista' jgħid minn fejn il-Gvern se jġib il-fondi sabiex iżomm il-wegħda tiegħu lill-bdiewa raħħala u sajjieda ċioe li jkunu x'jkunu iċ-ċirkustanzi bis-sħubija ta' Malta fl-UE, l-bdiewa, raħħala u sajjieda mhuma se jitilfu xejn għaliex il-Gvern se jikkompenshom għall-flus jekk ikun il-każ li jitilfu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naħseb li r-rapport imsemmi huwa ċar biżżejjed. Jiddependi mill-eżitu tan-negozjati.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li rapport ta' l-UE dwar il-Biedja jikkonferma li l-Gvern lanqas policy tal-biedja u dik ta' l-iżvilupp rurali ma' kellu mindu rrijattiva l-applikazzjoni ta' Malta għall-sħubija fl-UE?
Jikkonferma l-Ministru li din l-amministrazzjoni sabet imwaqfa sezzjoni ġdida l- Urban u Rural Landscaping, u l-proġetti ta' żewġ serrer speċjalizzati f'tal-Kmand ħalli jiproduċu siġar tal-frott u dwieli ħielsa mill-mard għall-bdiewa u l-proġett ta' rijabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejjgħa fost xogħol u inizjattivi oħra u dan meta ikkritika lill-Gvern preċedenti li m'għamel xejn?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jirraporta li f'Malta ma
hemmx politika agrikola jew ta' żvilupp rurali li hija kompatibbli ma dik
ta' l-Unjoni Ewropeja.
Le ma nistax nikkonferma li ġiet imwaqqfa xi sezzjoni ġdida, iżda lis-sezzjoni
tal-Ġonna u Msaġar inbidlilha isimha.
Il-Proġett ta' tal-Kmand f'Ħal Lija bdih il-Gvern Nazzjonalista u l-proġett ta'
riabilitazzjoni ta' żoni naturali kien maħsub mill-Gvern Nazzjonalista u kellu
jibda minn Ħad-Dingli, iżda billi l-Onor. Interpellant kien Ministru u hu kien
mir-Rabat beda minn Wied il-Qlejjgħa u wettaq biss il-fiddien xogħol li kien bdih
il-Gvern Nazzjonalista bil-għajnuna tal-Gvern Taljan permezz tal-Missjoni
Militare Taljana f'Malta.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm inġabu annimali ġodda matul l-1999, 2000 u 2001 sabiex il-programm edukattiv Hands on Farming jkompli jikseb il-popolarita' tiegħu mal-istudenti lokali?
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt għola l-pagament tal-bolla tas-sigurta' soċjali għall-bdiewa, raħħala u sajjieda matul l-1999,2000 u 2001?
Kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda separatament li talbu għall-ħlas tas-sussidju fl-istess perjodu u kemm minnhom ġew aċċettati? Kemm baqa' pagamenti pendenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iz-zieda tal-bolla tas-sigurta' soċjali għall-bdiewa, raħħala u sajjieda hija determinata mill-Ministeru ta' l-Politika Soċjali. Għaldaqstant, l-Onor Interpellant għandu jirreferi l-ewwel parti tad-domanda lill-Ministeru kkonċernat.
Dwar statistika separata ta' rifużjoni ta' bolla għal-bdiewa, raħħala u sajjieda nirreferi lill-Onor Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6242 (li kien wieġeb hu stess) u għall-Mistoqsijiet Paramentari Nru 18160 u 18711 fejn ġie nfurmat li dan il-Ministeru qatt ma żamm statistika separata ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li jibbenefikaw mir-rifużjoni tas-sigurata' socjali u l-figuri tal-benefiċċjari dejjem kienu motgħija b'mod globali.
Nixtieq ninforma lill-Onor Interpellant, li n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li talbu għar-rifużjoni matul 1999 kien ta' 1076 u ġew aċċettati 1011.
L-applikazzjonijiet għas-sena 2000 għadhom qed jiġu vverifikati.
Bdiewa, raħħala u sajjieda japplikaw għar-rifużjoni tas-sigurata' socjali għas-sena 2001 matul is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija ċ-ċifra ta' flus f'sussidju li l-UE sa issa tat lill-Gvern Malti sabiex tingħata lill-bdiewa, raħħala, sajjieda u l-Agro Industrija għall-investiment li jridu jwettqa sabiex ikunu konformi mar-regoli tal-CAP?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minħabba li l-applikazzjoni ta' Malta kienet iffriżata Malta ma setgħetx tibbenefika minn programmi tal-Unjoni Ewropea għall-għan indikat mill-Onor. Interpellant. Dawn huma parti mill-flus li l-Partit Soċjalista fil-Gvern tellef lill-Malta meta iffriża l-applikazzjoni ta' Malta u dak kollu li ġġib magħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regoli l-ġodda ta' l-SKA ċioe s-sistema li qed tiġi applikata għal dawk li rriżulta li kellhom aktar jew anqas minn Lm 8,000 iżda kienu jaqbżu kemm l-Lm 4000 f'kaz ta' armel/a kif wkoll Lm 7000 f'kaz ta' kopja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ammont ta' riżorsi kapitali li jintitolaw persuna għall-għoti ta' l-Għajnuna Medika huma dawk stipulati fit-tieni taqsima tat-tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Il-massimu applikabbli hu ta' Lm4000 fil-każ ta' familja ta' persuna waħda, u Lm7000 fil-każ ta' familja li tkun tikkonsisti f'mhux anqas mill-kap tal-familja u martu. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant ma kien hemm ebda emenda fil-liġi fir-rigward tat-test tal-meżżi.
Kien hemm każi ta' benefiċċjarji li dwarhom saru nvestigazzjonijiet mit-taqsima tal-Frodi li ġiet imwaqqfa fid-Dipartiment is-sena l-oħra, u li rriżultaw f'dikjarazzjonijiet skoretti dwar, fost ħwejjeġ oħra, l-ammont ta' kapital li kienu jippossjedu.
Bħal ma għidt diversi drabi f'din il-Kamra, ridna li l-ewwel naraw li jiġu regolariżżati dawk il-każijiet fejn l-ammont mhux dikjarat kien ta' l-anqas qed jeċċedi l-massimu stabbilit bil-liġi b' Lm4000 jew aktar. Għaldaqstant ma kien hemm ebda regoli ġodda dwar it-test tal-meżżi.
Dan ikompli jikkonferma kemm dan il-Gvern mhux qed jimmira lejn iż-żgħir, iżda lejn dak li b'eluf li jippossedi, żgur m'għandux bżonn ta' ebda Għajnuna Soċjali.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk huwiex vera li l-ħalib tat-trab xkumat qed jimbiegħ għall-prezz ta' lm 1.80c il-kilo meta qabel kien jimbiegħ bla sussidju għall-prezz ta' 80c l-kilo? Jista' jara jekk huwiex possibli li jsiru arranġamenti maċ-Ċentri tas-Saħħa jew mall-distributuri tal-MDP ħalli l-konsumatur jkollu aċċess għall-dan il-prodott bi prezzijiet aktar kompettitivi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif intqal diversi drabi fil-parlament l-iskimmed milk ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi għalhekk nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet fuq il-By Pass ta' l-Imtarfa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu ħsieb jipprepara l-pjan biex ix-xogħol ikun jista jiġi esegwit, skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu quddiemu d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jikkonferma li din is-sena t-3000 tunnellata patata tal-varjeta Alpha bikrija ġabet prezz aktar mill-2000 tunnellata Sante?
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-prezzijiet li ġabet il-patata Sante bikrija u l-Alpha bikrija din is-sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Skond il-ftehim eżistenti dwar l-esportazzjoni tal-patata Alpha u Sante, il-prezz gross medju ta' din is-sena tat-3,000 tunellata Alpha u tat-1,939 tunellata Sante kienu NLG30.60 u NLG30.69 kull xkora ta' 25 kilo rispettivament. Pero' inżid ngħid li l-kumplament tal-kuntratt tal-Alpha jispeċifika:
1000 tunnellata oħra bil-prezz ta' 25.60 NLG
1000 tunnellata oħra bil-prezz ta' 23.60 NLG
500 tunnellata oħra bil-prezz ta' 20.00 NLG u
500 tunnellata oħra bil-prezz ta' 18.00 NLG
li allura jfisser prezz medju għall-Alpha ta' 26.66 NLG.
Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għad irid jirċievi d-dettalji sħaħ u finali dwar il-bejgħ kollu tal-Alpha, fejn inbagħad tkun tista tingħata iktar informazzjoni dettaljata.
Minħabba xi każijiet ta' urgenza kif wkoll xi inċidenti tat-traffiku li jista' jkun hemm fi triq ta' quddiem Monte Carmeli f'Ħat-Attard fejn jgħaddu numru sostanzjali ta' ambulanzi sia għall-istess sptar u sia għad-Djar tal-Anzjani ta' l-Imtarfa u tar-Rabat, jista' l-Ministru jara huwiex possibbli li ic-centre strip kbira li hemm tkun irranġata b'mod li tista' tintuża mill-ambulanzi li jistgħu jinqabdu fil-kongestjoni tat-traffiku? Jekk iva, x'passi se jieħu? Jekk le, għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li jiġu rranġati t-toroq li minnhom tidħol għal Baħrija u l-Imtaħleb peress li nħolqu ħofor kbar li qed joħolqu perikolu kbir fis-sistema tat-traffiku f'dawn l-inħawi tal-kampanja li ssebbaħ ir-Rabat ta' Malta?
Jista' l-Ministru jieħu dawn il-passi immedjatament qabel ma jseħħ xi inċident fatali?
Billi fil-parti tat-tarf ta' ġewwa ta' l-Imtaħleb, cioe' fil-parti tat-triq qabel ma tmiss mal-konfini tal-Baħrija, qed jibda jinġema ħafna skart ta' l-oġġetti mkissra u fdalijiet oħra, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza li jsir it-tindif u jara li jiġi mwaħħal xi forma ta' avviż fl-entratura ta' l-Imtaħleb sabiex ħadd ma jarmi skart f'dawnl-inħawi?a
Response (GALEA, ĊENSU)
Id-Dipartiment tat-Toroq diġa ddiskuta din it-talba mal-Kunsill Lokali tar-Rabat, u ser jiġi deċiż x'għandu jsir dwarha sakemm ikun jista' jsir ix-xogħol totali li hemm bżonn isir.