Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27185 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Mosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li r-residenti ta' Triq l-Inkurunazzjoni l-Mosta jilmentaw li ma jistgħux jipparkjaw wara djarhom minħabba skomdu ta' stabbiliment li hemm fl-inħawi, jista' l-Ministru jinvestiga l-każ u l-possibilta li jsiru arranġament sabiex jitteffa l-inkonvenjent tar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex tassigura li ma jkunx hemm ksur tar-regolamenti tat-traffiku fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Żieda

Question

Peress li l-armla li qed nibgħat kopjat tad-dettalji tagħha separatament qed tilmenta li jistħoqqila aktar żieda u ħlas aktar ħlas ta' arretrati biex il-pensjoni tagħha tkun korretta. jista l-Viċi Prim Ministru jara li jinvestiga l-ilment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 26305, f'Seduta Numru 550, ninfurmah li l-persuna ndikata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi tal-każ tagħha permezz ta' ittra li ġġib id-data tat-8 ta' Ġunju 2001.

Mtarfa — Djar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara li jirrimedja għat-talba tal-kopja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex l-anzjani inkwistjoni jiddaħlu fl-Imtarfa Home jekk fl-affermativ meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment irċieva l-applikazzjoni tal-Koppja msemmija biex tidħol residenti fid-Dar ta' l-Imtarfa nhar l-20 ta' Frar 2001. Ftit wara, nhar it-2 ta' Marzu 2001, sarilha assessment minn social worker filwaqt li ftit ġimgħat wara, nhar id-9 ta' April 2001, ġiet invistata minn tabib. Għalkemm fid-dawl ta' dawn l-assessments jidher li din il-koppja hija eliġibbli biex tidħol, pero' preżentament m'hemmx post vakanti fid-Dar mitluba u għalhekk il-koppja msemmija tinsab fuq il-waiting list.
Leg 9 PQ #27087 Sitting 575 2001-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mosta — Triq Ġuże Dalli

Question

Jista' l-Ministru jara x'qed jikkawża d-dewmien tal-kontinwazzjoni tal-bini li ilu abbandunat fi Triq Patri Guże Dalli l-Mosta għal żmien twil? Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa għaliex uħud mir-residenti qed jilmentaw dwar din is-sitwazzjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #27088 Sitting 575 2001-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Agro-Industrija — Levies

Question

Jista' l-Ministru jinformana jekk huwiex verita li l-levies ta' protezzjoni li għandha agro-industrija se jitneħħew kollha fis-sena 2002? Jekk iva, ma' min saru l-konsultazzjonijiet? Jekk le, meta huwa previst li jitneħħew fid-dawl ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li fl-1999 il-Gvern ippubblika skeda dettaljata għat-tneħħija tal-levies fuq l-importazzjoni ta' prodotti manifatturati li huma ta' natura industrijali. Pero' din l-iskeda ma tinkludix il-prodotti manifatturati li huma ta' natura agrikola u dan speċifikament għaliex dawn il-prodotti għadhom ma jgawdux minn aċċess ħieles fis-suq Ewropew bħal fil-każ tal-prodotti industrijali. Minn dakinhar il-pożizzjoni ta' Malta ma nbidlitx. Tajjeb li wieħed jgħid li is-suġġett tal-levies fuq il-prodotti agro-industrijali huma parti minn negozjati ma' l-UE dwar settur agrikolu u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jagħti aktar dettalji.
Leg 9 PQ #27089 Sitting 575 2001-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Imtarfa - Siringi tad-Droga

Question

Jista' l-Ministru jinformana kemm irċevew telefonati l-għassa tar-Rabat dwar rapporti li qed ikun hemm siringi tad-droga fl-inħawi tal-gym u tal-knisja ta' l-Imtarfa matul dawn l-ewwel xhur tas-sena? X'passi ttieħdu u x'irriżulta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-rekords fl-Għassa tar-Rabat ma jirriżultax li saru telefonati dwar dak li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Madanakollu l-Pulizija tar-Rabat ġew mogħtija struzzjonijiet sabiex l-inħawi ndikati jiġu mgħassa kemm jista` jkun ta` spiss dwar dan l-allegat abbuż.

Imtarfa Road — Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jinformana meta se jingħata t-tarmac fil-partijiet ta' Imtarfa Road u parti ta' St David Road? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għadu għaddej bil-konsultazzjonijiet mal-Utilities sabiex ikun stabbilit x`servizzi jridu jitqegħdu jew jinbidlu qabel ix-xogħol tat-tarmac ikun jista' jsir. Tajjeb jingħad li dawn il-kontribuzzjonijiet inbdew b'inizjattiva ta' l-istess Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni.

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament meħtieġ sabiex tiġi rranġata l-bankina zdinkata li hemm fi Triq Alan Fenech? Peress li r-residenti nkluz it-tfal u l-anzjani qed jiffaċjaw inkonvenjent kbir, jista' jara li l-Awtoritajiet konċernati jwettqu x-xogħlijiet meħtieġa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat jaqa` taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.
Leg 9 PQ #27019 Sitting 574 2001-07-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Mosta — Taz-Zokkrija

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex isir it-tindif meħtieġ fi Triq Ta' Bistra l-Mosta, fl-inħawi Taz-Zokkrija, fejn hemm plot vojt li qiegħed jintrema skart fih u li qed jikkawża ntejjen u periklu għar-residenti? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (seduta 530), nixtieq inżid li l-plot imsemmi huwa propjeta privata.
Leg 9 PQ #27020 Sitting 574 2001-07-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Mosta — Taz-Zokkrija

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi nvestigat l-ilment li fl-inħawi Taz-Zokkrija, u partikolarment ta' Triq Ta' Bistru, qed ikun hemm ħafna ġrieden? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li għalkemm ma jirriżultax li kellna rapporti simili minn din it-triq matul din is-sena, l-ħaddiema mis-Sezzjoni tal-'Pest Control', fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, għamlu trattament intensiv ta` tqegħid ta` velenu fil-lok indikat, fit-3 ta` Lulju. Il-problema ser tibqa` tiġi segwita sakemm l-infestazzjoni tal-ġrieden tiġi kkontrollata.
Leg 9 PQ #27021 Sitting 574 2001-07-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mosta - Taz-Zokkrija

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pulizija tieħu l-passi neċessarji sabiex fl-inħawi ta' Triq Ta' Bistra, fiz-Zokkrija, Mosta, ma jibqax jintefa' skart fi plots vojta, bir-riskju ta' danni għar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa.

Mosta — Triq Patri Ġuże Delia

Question

Peress li Triq Patri Ġuże' Delia, il-Mosta ilha żmien twil fi stat ħażin, jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata ħalli jispiċċa l-inkonvenjent għar-residenti? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat jaqa` taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li l-armla li qed nibgħat kopja tad-dettalji separatament, qed tilmenta li suppost irċeviet żieda akbar fil-pensjonijiet minħabba l-aħħar reviżjoni, jista' jara li jitħarreġ mill-ġdid il-każ tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata ġie investigat u l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Leg 9 PQ #27010 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani fejn wasal l-ilment bl-affidavit li għamel il-bidwi konċernat lid-Dipartiment ta' l-Artijiet u lill-Avukat tar-Repubblika dwar il-permess tal-PA 02893/01 fl-inħawi ta' Daħlet ix-Xmajjar l-Aħrax tal-Mellieħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-25 ta' Gunju, 2001, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar irceviet oggezzjoni kontra l-applikazzjoni PA2893/01, liema applikazzjoni tirreferi ghall-'access improvement to diving site'. L-oggezzjoni tinghata l-kunsiderazzjoni xierqa matul il-process ta' l-applikazzjoni skond il-procedura stabbilita. Infurmat ukoll illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet ma rcieva ebda ilment b'affidavit dwar l-imsemmija applikazzjoni.

Mosta — Taz-Zokkrija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jirrimedja għat-telqa li hemm fl-inħawi Taz-Zokkrija, l-Mosta? Jista' jinformana għaliex f'Binja Bidnija Esperanza, fiz-Zokkrija, il-Mosta, hemm żewġ ground floor flats vojta bla bibien tant li spiċċaw jintużaw bħala latrina b'detriment li jikkawża inkonvenjent lir-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-ilment fl-ewwel parti tal-Mistoqsija jikkonċerna l-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li m'hemm ebda ground floor flat miftuħ fil-Binja ndikata. Iżda jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-ħwienet enumerati l sa 5, dawn huma mikrija lill-Kunsill Lokali tal-Mosta għall-perijodu ta' għaxar snin b'seħħ mill-21 ta' Ottubru 1999.
Leg 9 PQ #27012 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Zokkrija

Question

Jista' l-Ministru jara li jitnadfu l-inħawi ta' Triq il-Katakombi ta' Bistra iz-Zokkrija mill-ħaxix ħażin?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Leg 9 PQ #27013 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Upgrading

Question

Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment ta' l-Ambjent jikkordina programm ta' upgrading tat-toroq u tal-Ambjent fl-inħawi taz-Zokkorija l-Mosta sabiex dawn l-inħawi residenzjali jkollhom ambjent aħjar? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Leg 9 PQ #27014 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Lukanda Verdala

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru l-pagamenti dovuti lil ex-ħaddiema ta' l-ex-lukanda Verdala, issa li l-MDC biegħet il-lukanda Verdala? Billi l-GWU għandha d-dokumenti tal-pagamenti pendenti, jista' l-Ministru jara li l-MDC tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex isiru l-pagamenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-kredituri ipotekarji tal-kumpanija li kienet is-sid tal-Lukanda Verdala qabel ma xtratha l-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta, tħallsu kollha.
Leg 9 PQ #27015 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija — Power Washer

Question

Jista' l-Ministru jara li tissewwa u jew tinxtara power washer ġdida sabiex il-produtturi tal-majjal ikollhom biex jaħslu t-trakkijiet tagħhom meta jieħdu l-majjal għall-qatla fil-biċċerija? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-power washer diġa ssewwiet u tpoġġiet f'posta. Fin-nuqqas tal-pressure washer xorta jsir it-tindif tat-trakkijiet.
Leg 9 PQ #27004 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

The Great Spring Show

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li ma sarx The Great Spring Show mill-Malta Horticultural Society din is-sena?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien nfurmat li l-Kumitat tal-Malta Horticultural Society iddeċieda li x-show din is-sena ma jsirx minħabba bosta raġunijiet fosthom li fin-Naxxar kien hemm il-"Green Week".