Jista' l-Ministru jinformana kemm swew s'issa x-xogħlijiet li saru mindu nbdew xogħlijiet fil-partijiet tat-triq f'Ħ'Attard minn ħdejn Wied Inċita u l-parti ħdejn Monte Carmeli?
Kemm minn dawn l-ispejjeż tħallsu matul dawn l-aħħar sentejn u għaliex dan ix-xogħol qed jieħu daqstant ħin sabiex jiġi finalizzat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħolijiet f'Ħattard fil-limiti ta' Wied Inċita, Monte Carmeli u Triq Tumas Chetcuti hu stmat li ser jiswew Lm357,000 u x-xogħol li sar s'issa jammonta għal Lm313,000 u minnhom tħallsu Lm257,000.
Ix-xogħol li jonqos li jsir huwa t-tqiegħed tal-wiċċ tat-triq f'Imdina Road. Dan irid isir meta jitlesta' x-xogħol tad-dranaġġ fi Triq Nutar Zarb biex il-main jibda jaħdem u fuqu jaqgħad il-main ta'Misraħ Kola li tagħqida għalih trid isir ħdejn Wied Inċita.
Jista' l-Ministru jinformana kemm kien in-numru ta' rapporti ta' fawran tad-drenaġġ li rċieva d-dipartiment tad-drenaġġ matul dawn l-ewwel xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament? F'liema lokalitajiet irriżultaw dawn l-iżbroffi? Jista' l-Ministru jikkunsidra fil-każi li nqerdu l-uċuh tar-raba' l-bdiewa konċernati jingħataw kumpens għal ħsara li sofrew?
Jista' l-Ministru jispjega l-kriterji ta' Artiklu 34 subclause 1 tal-Malta Maritime Act (No.XVII of 1999) u cioe' għaliex dan l-artiklu jispjeċifika li l-awtorita' tista' tieħu liċ-ċittadin il-liċenzja nawtika bla ebda raġuni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nassumi li l-Artiklu 34 subclause 1 li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hu dak inkluż fis-Small Ships Regulations 2001 u mhux fil-Malta Maritime Act (No XVII ta` l-1999).
Din il-proviżjoni fir-regolamenti fejn l-Awtorita` Marittima tista` tissospendi, tħassar jew tirrevoka l-liċenzji hija ntiża għall-każijiet estremi u mprevedibbli li jistgħu jinqalgħu. Din l-azzjoni minn naħa ta` l-Awtorita` tittieħed speċjalment biex tipproteġi l-ħajja tal-pubbliku ġenerali kontra xi perikli.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienet il-policy tal-Gvern għall-ġibjuni eżistenti tal-ilma tax-xita fil-gżejjer tagħna f'Malta u Għawdex matul 1999, 2000 u 2001? X'progress sar u f'liema ġibjuni ta' Malta u Għawdex saret manutenzjoni sabiex ikun riservat aħjar l-ilma tax-xita fil-gzejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-policy tal-Gvern għall-ġibjuni eżistenti tal-ilma tax-xita fil-gżejjer tagħna matul l-1999, 2000 u 2001, ma nbidlitx mis-snin ta' qabel.
Il-manutenzjoni mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura hija ristretta għat-tindif tad-dħul tal-ġibjuni (spralli). Bħal fi snin ta' qabel dan isir regolarment fix-xhur tas-sajf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew deportati barra minn Malta matul l-ewwel 6 xhur tas-sena? Ta' liema nazzjonalita kienu dawn il-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel xhur ta` din is-sena ġew deportati 145 persuni barra minn Malta, filwaqt li n-nazzjonalita` tagħhom kienet kif ġej:-
Bulgara, Bangladesh, Ċiniża, Eġġizjana, Ġermaniża, Ġordaniża, Lebaniża, Libjana, Marokkina, Palestinjana, Peruvjana, Philippina, Rumena, Russa, Sirjana, Sudaniża, Tuneżina, Ukrajina u Jugoslava.
Jirriżultalu l-Ministru li skond riżuluzzjoni 97/3 tal-G.F.C.M, mhux suppost li jintuża l-ispotter plane fix-xahar ta' Ġunju għas-sajd fil-Baħar tal-Mediterran? Jista' jinforma lill-kamra x'passi ħa l-Gvern Malti sabiex jiddefendi l-Liġijiet tal-pajjiż u dawk tax-xogħol tas-sajjieda u ħaddiema Maltin u Għawdxin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Malta International Airport ma għandha l-ebda informazzjoni mill-Flight Plans li jindikaw attivita' ta' spotter plane fix-xahar ta' Ġunju in konnessjoni ma' sajd fil-baħar Mediterran.
B'referenza għall-bżonn ta' ATM machine fil-Belt ta' l-Imtarfa li dwarha saru talbiet wkoll minni u mill-kunsill tal-lokali, jista' l-Ministru jinfurmani bil-progress ta' din it-talba? Jekk se tkun approvat meta? Jekk le, għaliex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lil Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 20836.
Tajjeb jingħad ukoll li t-twaħħil ta' magni ATM hija prerogattiva esklussiva tal-banek u għaldaqstant mhuwiex il-kompitu tal-Gvern li jidħol f'materji ta' din ix-xorta.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jikkawża l-imtejjen kbar ta' drenaġġ li hemm fl-Imtarfa? Jista' jinfurmani x'passi ħa d-Dipartiment dwar ir-rapport li għamel il-kunsill tal-lokal dwar dan l-inkonvenjent tar-residenti ta' l-Imtarfa li qed jikkawża kwantita ta' ġrieden fl-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika l-post eżatt fejn qegħdin jinxtammu l-irwejjaħ imsemmija fil-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-miżuri sabiex ikun kontrollat il-volum ta' ġrieden u wirdien li qed jiskomodaw ir-residenti ta' l-Imtarfa fl-mument? Jista' l-Ministru jara li jipprova t-talbiet tal-kunsill tal-lokal dwar din il-problema li nifhem li taqa taħt id-dekasteru tad-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat illi ħaddiema mis-sezzjoni tal-Pest Control għamlu trattament intensiv ta` tqegħid ta` velenu fil-post indikata, fis-7 ta` Lulju. Sar ukoll bexx kontra l-wirdien fit-trinek tal-Cables li jinstabu fl-istess lokalita`.
Ta` min jinnota li l-ewwel ilment ta` ġrieden irrapurtat minn din il-lokalita` din is-sena, kien fit-22 ta` Ġunju. L-għada, 23 ta` Ġunju, impjegati fi ħdan din is-sezzjoni poġġew velenu tal-ġrieden fil-lokalita` indikata.
Jista' l-Ministru jara jekk tistax tinsab alternattiva ta' l-ipparkjar fi Triq l-Inkurunazzjoni l-Mosta sabiex jiġi rimedjat l-inkonvenjent tar-residenti li qed jispiċċaw ma jistgħux jipparkjaw wara djarhom minħabba li l-parking qed ikun okkupat minn persunii oħra li ma humiex residenti lanqas ta' l-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-problema ta` parkeġġ għar-residenti qed tinħass mhux biss fit-triq indikata mill-Onor. Interpellant, iżda f`ħafna postijiet oħra. Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qed jistenna l-ħruġ ta` rapport ta` l-Steering Committee for the Creation of Residents and Commercial Parking Schemes qabel japprova talbiet għall-parkeġġ riservat għar-residenti.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex it-tadam li jitniżżel għand il-Pitkala fil-kaxxi żgħar li jesgħu 16 il-kilo qed jitniżżel bħala kwantita ta' 10 kilo sabiex ikun konformi mal-prezz stabbilit mid-Dipartiment tal-Agrikoltura ta' 6c 8m il-kilo għall-bidwi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Biegħa sal-lum tidħol fil-Pitkalija mhux miżuna. Tintiżen biss meta tinbiegħ. Il-Bidwi jkun jaf kemm fija piż il-kaxxa, u l-Pitkal wara li jbiegħha.
Il-Bidwi jingħata voucher bil-piżijiet kollha li jkun ġab.
Inżid li sal-lum ebda bidwi ma ġie jgħidilna li tħallas ta' piż inqas milli fil-fatt ġab il-Pitkalija.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kienet il-qabda fi kwantita (kilos) tal-pixxispad għas-snin 1998, 99-00 u 2001? Jista' wkoll jgħid kemm kien il-prezz medju kull sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12694 u 2497 u nżid li fis-sena 2000 u 2001 il-qabda ta' pixxispad kienet 140,155 kilo u 31,788 kilo (sal-aħħar ta' Ġunju). Il-valur kien ta' Lm319,358 u Lm84,638 (sal-aħħar ta' Ġunju) u l-prezz medju kien Lm2.03 fl-1999, Lm2.28 fl-2000 u Lm2.66 fl-2001.
Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien il-prezz medju tat-tonn għas-sajjieda għas-snin 1996,1997, 1998, 1999, 2000 u 2001? Jista' l-Ministru jgħid wkoll kemm kienet il-kwantita f'kilos tal-qabda tat-tonn għas-snin 1996, 1997 u 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8131 u nżid li l-prezz medju tat-tonn fl-1999 kien Lm1.39, fis-sena 2000 kien Lm1.86 u fis-sena 2001 kien Lm2.59 sal-aħħar ta' Ġunju.
Il-qabda tat-tonn kienet kif isegwi: Sena Kilo
1996 239,867
1997 236,272
1998 246,314
1999 268,990
2000 324,163
Jista' l-Ministru jinfurmani x'ġara mill-kordinament li kien beda jsir bejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u tat-taqsima tal-ġonna tal-housing department sabiex flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat jiżviluppa ġnien u l-upgrading meħtieġ fil-qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat, Malta?
Xi progress sar matul l-1999, 2000 u din is-sena? Kemm saru laqgħat bejn il-partijiet konċernati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti preliminari u dawk finali tal-proġett?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li ma kienx possibli sa issa li jsir ix-xogħol msemmi minn naħa ta' l-Agrikoltura u cioe' xogħol ta' embellishment peress li l-ġnien għadu mhux mibni. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, u cioe' lill-Ministru responsabbli mill-Housing.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 26805, jekk il-kooperattivi tas-sajjieda ġew ikkonsultati? Jekk iva, x'kienu l-pożizzjonijiet tagħhom? Jekk le, għaliex, meta dan jista' jaffettwa l-kompetitivita tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt tal-lanċa msemmija hija kwistjoni privata u ma sarx bl-intervent tad-Dipartiment. Għaldaqstant il-Koperattivi ma ġewx ikkonsultati u sakemm din il-lanċa, li hija membru ta' Koperattiva tas-Sajd, tistad, tista' tressaq il-ħut li taqbad il-pixkerija ghall-bejgħ. F'dan l-istaġun ftit huma d-dgħajjes li joħorgu għall-pistin u d-dottijiet jew ċeren u dnieċi bħal ma ppresentat din il-lanċa li jkunu mistennija bil-ħerqa.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26767?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf li hemm pressjoni sabiex jingħata mandat għal reviżjoni tal-Ftehim ta' l-Agrikoltura tal-Uruguay Round sabiex ikun hemm liberalizazzjoni sħieħa fil-qasam agrikolu. Naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-Gvern Malti jagħmel dak kollu possibli li jkun ta' ġid għall-Agrikoltura Maltija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-każ ta' sajd illegali bil-partit f'zoni ristretti kienu irrapurtati lill-pulizija f'dawn l-aħħar sentejn?
Liema kienu dawn iz-zoni ristretti u x'passi ttieħdu bil-liġi f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena l-oħra u din is-sena sat-30 ta` Ġunju 2001 kien hemm 4 każi ta` sajd illegali bil-parit f`żoni ristretti rapportati lil pulizija fejn tressqu 6 persuni l-Qorti.
Dawn kienu kif ġej: -
Distrett tal-Pulizija
Rapporti ta` sajd illegali bil-parit
Żoni ristretti
Riżultat tal-każ
Dist. 8
1
Baħar iċ-Ċagħaq
Sub Judice
Dist. 9
2
3 mili mill-Aħrax tal-Mellieħa
Plieri fl-inħawi tal-Marfa
Sub Judice
Sub Judice
Prot/Serv (A.L.E.)
1
M`Xlokk Harbour
M`Xlokk Harbour
M`Xlokk Harbour
Sub Judice
Sub Judice
Sub Judice
TOTAL
4
Jista' l-Ministru jinfurmani bil-progress dwar il-linja ta' gwida li kellhom jiġi stabbiliti bejn il-Ministeru u l-Ambaxxata ta' l-Eġittu u l-Libja f'Malta dwar proċeduri li japplikaw bħala kundizzjoni għall-ċittadini rispettivi meta jidħlu fil-gżejjer Maltin?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċeduri w ir-regolamenti sabiex ċittadini barranin jidħlu f'pajjiżna huma regolati mill-Att dwar l-Immigrazzjoni. Fix-xhur li għaddew saru diversi taħdidiet, kemm mal-Eġittu u wkoll mal-Libja, bil-ħsieb li titkattar il-ko-operazzjoni fil-qasam tal-immigrazzzjoni. Kien hemm qbil ġenerali biex Malta u l-Eġittu, u Malta u l-Libja jaħdmu mill-qrib ma xulxin sabiex jingħelbu d-diffikultajiet relatati ma abbużi mir-regolamenti dwar l-immigrazzjoni, partikolarment minn immigranti illegali.