Jista' l-Ministru jinfurmani bil-pożizzjoni tal-Bord tal-Pariri dwar liċenzja tal-Pulizija TL/V/18/98 u TL/V/18/98 u l-proġress li sar mis-27 ta' Diċembru l'hawn?
Peress li jirriżulta li l-inkonvenjent għar-residenti kompla żdied u sar insupportabli wara li żdiedu l-extractors wara l-jum ta' 12 ta' Lulju 2001, jista' l-Ministru jara li l-Pulizija tieħu l-passi meħtieġa.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Bord ta` Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija għadu għaddej bl-investigazzjoni ta` l-ilmenti mressqa lilu. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi qabel din il-Mistoqsija, il-Pulizija ma kellhiex rapporti dwar inkonvenjent li żdied bi twaħħil ta` extractors addizzjonali. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tagħmel l-istħarriġ issa li saret taf b`dan l-ilment u jittieħdu passi skond ma jirriżulta.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tar-residenti ta' Baħar ic-Cagħaq li l-indafa pubblika f'dawn l-inħawi naqset ferm?
Jista' jinfurmani kemm kien iħallas il-Kunsill Lokali tan-Naxxar għall-kuntratt ta' qabel u kemm qed iħallas issa għall-istess xogħlijiet ta' ndafa f'Baħar ic-Ċagħaq?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jinvestiga x'qed jikkawża n-nuqqas ta' ndafa pubblika fl-inħawi ta' Baħar ic-Ċagħlaq u jara li tiġi rimedjata s-sitwazzjoni sabiex ir-residenti jkollhom ambjent kif jixraq u ċioe jkun hemm indafa pubblika sodisfaċenti f'dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27242 (Seduta 576).
Jista' l-Ministru jinterveni sabiex jgħin li tinsab soluzzjoni bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u residenti ta' Triq il-Katakombi dwar l-iżviluppi li se jsiru f'din it-triq mill-kunsill tar-Rabat għaliex filwaqt li r-residenti jixtiequ li din it-triq issir bil-madum kif saru toroq oħra fil-lokal tar-Rabat, il-kunsill Rabti jri li ssir bit-tarmac? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-meżżi tagħhom.
Madankollu jiena għaddejt l-ilment lill-Kunsill Lokali konċernat .
Jista' l-Ministru jerġa jikkonsidra t-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 27010 peress li jiena stess għaddejtlu affidavit tal-bidwi konċernat u ritratti li jikkonfermaw li l-ġibja ilha mibnija għall-snin twal u li tikkonferma li r-raba mhux saqwi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-affidavit li qiegħed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Membru jikkonċerna porzjon ta` art magħrufa bħala Porzjon Numru 113c l-Aħrax tal-Madonna, reġistrat bħala tenement 52562. Dan it-tenement ġie tterminat permezz ta` dikjarazzjoni tal-President ta` Malta (numru 512) li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern fis-7 ta` Lulju 1998.
Din l-art kienet ġiet identifikata mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar bħala sit biex tiġi żviluppata bħala "Camping Site" u li issa ħareġ il-permess bin-numru 5508/98, sabiex din l-art tiġi żviluppata għal dan l-iskop.
L-applikazzjoni PA2893/01 li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27010 saret mill-Awtorita` tat-Turiżmu sabiex issir mogħdija minn fuq il-blat għal skopijiet ta` diving, biex jitwaqqfu żewġ siti u biex wieħed minn dawn is-siti jsir parking area. L-art fejn irid isir dan ix-xogħol mhijiex mikrija.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex l-għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjal bejn il-perijodu minn tliet xhur sa seba' xhur għola minn Lm140.00 għal Lm190.00 it-tunnellata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjonijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Kummerċ irriżulta li l-prezz tal-prodott imsemmi huwa fil-fatt Lm95.20 it-tunnellata. Dan il-prezz ilu hekk mill-1988.
Tajjeb jingħad li l-prezz ta' l-għalf għall-majjali ż-żgħar huwa dejjem għola minn dak għall-majjal akbar. Jidher li f'dan il-każ ġew ikkwotati prezzijiet ta' għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjali ta' bejn l-4 u t-12-il ġimgħa.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex l-għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjal bejn il-perijodu ta' 4 sa 12-il ġimgħa għola minn Lm95 għal Lm123 it-tunnellata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjonijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Kummerċ irriżulta li l-prezz tal-prodott imsemmi huwa fil-fatt Lm190 it-tunnellata. Dan il-prezz ilu hekk għal dawn l-aħħar ħames snin.
Tajjeb jingħad li l-prezz ta' l-għalf għall-majjali ż-żgħar huwa dejjem għola minn dak għall-majjal akbar. Jidher li f'dan il-każ ġew ikkwotati prezzijiet ta' għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjali ta' bejn it-3 u s-7 xhur.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex is-soyabean għoliet minn Lm115 it-tunnellata għal Lm133 matul dawn l-aħħar xhur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Kummerċ, jirriżulta li l-prezz internazzjonali tas-soyabean għola u għaldaqstant il-prezz ta' dan il-prodott f'pajjiżna matul dawn l-aħħar xhur huwa ta' Lm133 it-tunnellata.
Tajjeb jingħad li r-raġuni għal din iż-żieda fil-prezz minn barra hija direttament relatata ma' l-iżviluppi li kien hemm dwar il-marda tal-BSE, fejn fid-dinja kollha beda jintuża s-soyabean biss minflok soyabean bi preparamenti oħra.
Tajjeb jingħad ukoll li peress li s-soyabean hu prodott bażiku ta' materja prima u huwa wkoll is-sors prinċipali ta' proteina għall-għalf bilanċjat tal-majjal, il-prezz ivarja minn ġurnata għall-oħra.
Ta' min jinnota wkoll li f'dawn l-aħħar tnax-il xahar id-dollaru issaħħaħ fil-konfront tal-Lira Maltija u dan kellu effett fuq il-prezz ta' l-importazzjoni ta' dan il-prodott. Dawn il-fatturi wasslu biex kien hemm żieda ta' mdwar 41 dollaru Amerikan fit-tunnellata bħala riżultat tal-varjazzjoni fil-prezz internazzjonali u madwar ħames liri Maltin minħabba ċ-ċaqlieq fil-kambju.
Jista' l-Ministru jinformana kemm huwa kkalkolat għall-gvern li għolew l-ispejjeż tal-produtturi lokali tat-trobbija tal-majjal matul dawn l-aħħar xhur?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li fuq linji ġenerali l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi għandu interess f'kull materja li għandha x'taqsam ma' l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, il-qasam agrikolu, inkluż it-trobbija tal-majjal, jaqa' taħt ir-responsabbilta' diretta tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkunsidra li għall-budget li jmiss jgħolli s-ceiling ta' fuq l-allowance supplimentari ta' Lm3,770 għall-miżżewġa u Lm2770 għall-persuni waħedhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-fatt id-dħul massimu biex persuna tikkwalifika għall-Allowance Supplementari hu ta' Lm3,770 għal miżżewġgin u Lm3,270 għal persuna waħida, liema ammonti huma preżentement ikkunsidrati adekwati.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment tal-bdiewa li manifattur partikulari qed iġiegħel lil-bdiewa jħallsu Lm 1.75c għal kull kaxxa vojta li jużaw biex jimlew it-tadam fiha?
Min fil-fatt kien dan il-manifattur? X'arraġamenti u approvazzjoni kellu mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?
Liema għaqdiet tal-bdiewa ġew ikkonsultati dwar dan il-każ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Hija ħaġa naturali li kull min jagħmel użu ta' xi oġġett iħalli depożitu fuq dan l-oġġett sakemm itemm l-użu tiegħu. Sa llum ebda bidwi ma ġie jidentifika xi għassar partikolari li qed jitlob Lm1.75 għall-użu ta' kull kaxxa.
Jekk saru xi konsultazjonijiet bejn xi għassara u xi għaqdiet tal-bdiewa d-Dipartiment ma jkunx jaf bihom.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex ix-xogħlijiet tat-tarmac fit-Triq Prinċipali tal-Wardija saru biss fil-parti tat-triq tad-daħla ċioe dik minn naħa tal-Price Club?
Jista' l-Ministru jara li jitkomplew ix-xogħlijiet immedjatament ħalli r-residenti tal-Wardija jkollhom triq diċenti bħal bqija tar-residenti li jinsabu fil-parti t'isfel tat-Triq Prinċipali li ngħatat t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li sar s'issa f'din it-triq sar mill-Kunsill lokali peress li dan kien essenzjalment xogħol ta' resurfacing.
Il-Kunsill qiegħed f'diskussjonijiet mad-Dipartiment tat-toroq biex jiġi stabbilit kif il-kumplament tax-xogħol f'din it-triq jista' jsir mid-Dipartiment tat-Toroq peress li n-natura tax-xogħol tirrikjedi li t-triq tinbena mill-ġdid.
Fil-frattemp id-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu ħsieb biex ir-retaining walls tat-triq li jinsabu fi stat ħażin jiġu msewwija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol tat-tarmac li sar fil-parti żgħira tat-Triq Prinċipali tal-Wardija? Kemm huwa kkalkulat li jiswa x-xogħol ta' l-għoti tat-Tarmac li jonqos jsir f'din it-Triq? Meta se jitkompla x-xogħol fuq l-għoti tat-tarmac tat-Triq Prinċipali tal-Wardija
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' l-asfaltar imsemmi mill-Onor. Interpellant sar mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
Il-kumplament tax-xogħol li jrid isir inkluż il-bini tal-ħitan hu stmat li jkun jiswa 'l fuq minn Lm100,000.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk ix-xogħlijiet ta' bini ta' ħitan tas-sejjiegħ li qed isiru fil-parti ta' isfel f'Wied Qannotta l-Wardija humiex koperti bil-permess tal-PAPB?
Ix-xogħlijiet qed isiru mid-Dipartiment tal-Gvern jew mill-privat?
Jista' jinvestiga għaliex l-iskontri ta' l-ilma f'din il-parti ta' Wied Qannotta fejn qed isiru x-xogħlijiet ta' dan il-ħitan tas-sajjieħ tgħattew bir-radam?
Jista' l-Ministru jara li jinvestiga u jieħu passi neċessarji sabiex jitħammel immedjatament t-terrapien li tpoġġa sabiex inħbew l-iskontri ħalli jkun evitat li l-ilma tax-xita jiżbokka fit-triq flok fil-Wied imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
B`referenza għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 27325 jogħġbu l-Onorevoli Interpellant jinnota li saret spezzjoni mill-uffiċjal inkarigat fis-Sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar u ġie kkonfermat li qiegħed isir xogħol ta` bini ta` ħitan tas-sejjiegħ f`dan il-wied.
Dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mingħajr permess ta` l-Awtorita` u fejn diġa` hemm Avviż Biex Tieqaf u Tat-Twettieq b`referenza ECF 630/99 maħruġ fl-14 ta` Lulju 1999. Għaldaqstant ittieħdu passi immedjati biex jieqaf dan ix-xogħol u sar rapport fil-file relattiv għal referenza ulterjuri. Ta` min jinnota li hemm applikazzjoni pendenti b`referenza PA 2169/94 li qiegħda fi stadju ta` rikonsiderazzjoni.
Dawn ix-xogħlijiet qegħdin isiru mill-privat u f`każ eventwali li tittieħed azzjoni diretta is-sid irid jiġi konvertit għal istat oriġinali tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba d-dipartiment tas-sajd irċieva rapporti mingħand is-sajjieda u/jew il-koperattivi tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001 li f'pajjiżna kien hawn ajruplani privati matul ix-xhur ta' April, Mejju, Ġunju, Lulju u Awissu lesti sabiex jintużaw bħala għajnuna għat-tiftiex tat-tonn lis-sajjieda barranin, fosthom Taljani? X'passi ħa u x'kienu r-riżultati?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull sena jkun hemm xi rapport mingħand individwi jew il-koperattivi. Kull sena dawn jibdew fix-xahar ta' Mejju. F' Mejju l-ajruplani jistgħu jtiru iżda kull sena d-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili jagħmililhom iebsa ħafna biex dawn joperaw minn Malta.
Fl-ewwel ġranet ta' Ġunju ta' din is-sena baqa' jtir ajruplan wieħed biss fl-ewwel ġranet u dan kien Spanjol. Dan kien qed jitħalla jtir għaliex kien jagħmel `flight plan' li ma kienx ikollu x'jaqsam mat-tonn. Meta dan inkixef wara l-inċident li ġie irraportat fil-gazzetti dan ma tħalliex itir aktar u telaq. Jiena nfurmat illi l-ajruplani li kienu konnessi mal-flotta Taljana telqu fl-aħħar ta' Mejju iżda dan ikun jista' jikkonferma d-Dipartiment ta' Avjazzjoni Ċivili. F'Lulju u f'Awissu qatt ma jtiru ajruplani minn Malta għal skop ta' sajd għaliex f'dawn il-perjodi s-sajd bil-purseseiners fil-Meditteran ikun magħluq.
B'riferenza għat-talba tal-patrijiet Franġiskani, li tagħha qed nibgħat kopja separatament, jista' l-Ministru ġentilment jirrimedja għal bżonn ta' din is-soċjeta'? Jekk fl-afferrmattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-talba li qed issir riferenza għaliha qed tingħata l-attenzjoni xierqa.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-mediċina li jużaw il-produtturi tal-majjal sabiex ifejqu l-majjal mill-mard tal-pulmun għolew minn Lm8 fil-kilo għal Lm18 fil-kilo matul dawn l-aħħar sentejn?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant qed jiġi nvestigat.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex il-gibjuni ta' l-Imtarfa ma saritilhomx ebda manutenzjoni matul 1999, 2000 u din is-sena? Jista' l-Ministru jinterveni sabiex l-Awtoritajiet konċernati jieħdu ħsieb li jnaddfu u jużaw aħjar dawn il-gibjuni għall-ġid tal-komunita ta' l-Imtarfa? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li dawn il-ġibjuni huma riservi ta' l-ilma tax-xita (stormwater) u ma jagħmlux parti min-network ta' l-ilma li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tuża biex tipprovdi l-ilma lill-konsumatur. Tajjeb jingħad ukoll li qed jitħejja pjan sabiex l-użu ta' l-ilma ta' dawn il-ġibjuni jibda jifforma parti mill-kompetenza tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jara l-possibilita li tiġi stazzjonata phone box oħra fl-Imtarfa u post office box fl-inħawi ta' Dar il-Kaptan?
Peress li dan il-bżonn għar-residenti ta' l-Imtarfa ilu pendenti x-xhur minkejja t-talbiet tal-kunsill tal-lokal, jista' l-Ministru jirrimedja bla aktar dewmien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Rigward kaxxa ta' l-ittri fl-inħawi msemmija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Maltapost timxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Postali Universali li jkun hemm kaxxa ta' l-ittri għal kull tlitt elef resident. Il-lokalita' ta' l-Imtarfa diġa' hija fornuta bi tlitt kaxxi ta' l-ittri u għaldaqstant mhux possibbli li din it-talba tintlaqa'. Madanakollu l-Maltapost dejjem lesta tikkunsidra rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill Lokali għal ċaqlieq ta' waħda jew aktar mill-kaxxi eżistenti b'mod li s-servizz jitjieb.
Għal dak li jikkonċerna l-phone box, ninsab infurmat li fuq talba tal-Kunsill Lokali ta' l-Imtarfa, ser tiġi nstallata cardphone ġdida fi Triq Oswald ħdejn il-gymnasium. Il-Maltacom ma kellhiex talbiet oħra f'dan is-sens mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jaġġornana dwar l-iżvilupp tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa, peress li dalwaqt ikunu għaddew tliet snin minn din l-amministrazzjoni u l-ħofra fejn kellha ssir din id-dar fil-Mellieħa baqgħet ħofra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minħabba li l-art identifikata mill-Ministeru biex tkun żviluppata f'dar tal-Anzjani u persuni oħra bi bżonn ta' dan is-servizz fl-inħawi tal-Mellieħa tinsab barra ż-żona ta' żvilupp (Outside Development Zone), ma kienx rakkomandabbli li jibda l-proċess ta' l-iżvilupp ta' din l-art qabel ma jitlesta u jkun pubblikat l-abbozz tal-pjan lokali relevanti, liema abbozz issa tlesta' u kien pubblikat f'dawn il-ġranet.
Sakemm tlesta dan il-pjan lokali, il-Ministeru beda xogħol preliminari ta' pjanar u konsultazzjoni, bl-involviment tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.