Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27847 Sitting 597 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Protezzjoni fuq il-Levies

Question

Jista' l-Ministru jinformana liema huma l-industriji ta' l-ikel u l-biedja li huma favur it-tneħħija tal-protezzjoni tal-levy tal-biedja mis-sena d-dieħla? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn id-dikjarazzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Filwaqt li l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi kellu diversi laqgħat ma l-operaturi fis-settur agro-industrijali, kemm individwalment kif ukoll bħala imsieħba fil-Korpi Kostitwiti, qatt ma talab lilhom jagħmlu l-ebda forma ta' dikjarazzjoni. Il-Gvern dejjem sostna li 'l-levies bilfors iridu jispiċċaw tant li dan kien ukol previst li jiġri anki taħt l-opzjoni tal-Free Trade Area proposta minn Gvern Laburista. Għalhekk il-kwistjoni mhux jekk il-levies humiex ser jispiċċaw, u lanqas daqstant minn meta ser jitneħħew, iżda fuq liema perjodu ta' żmien ser jitneħħew u dwar liema miżuri oħra ser jieħu il-Gvern sabiex jgħin lis-setturi effettwati, fir-ristrutturar tal-operazjoni tagħhom. Kontra dak li deher fil-ħarġa tal-gurnal 'Il-Kullhadd' tad-29 ta' Lulju 2001, il-Gvern għadu għaddej bil-kuntatti ma' l-operaturi konċernati sabiex jiġi ifformulat pjan għat-tneħħija tal-levies, liema pjan għadu, fil-preżent, qed jitfassal. Kif diġa kelli l-opportunita nwieġeb f'mistoqsijiet parlamentari preċedenti, il-materja tal-levies fuq il-prodotti agro-industrijali taqa' taħt il-kapitlu tal-Agrikoltura, fuq liema kapitlu lanqas għadhom ma infetħu n-negozjati mal-Unjoni Ewropeja u fuq liema suġġett il-Gvern għadu f'diskussjonijiet mal-partijiet konċernati. Għalhekk għadu prematur li wieħed jagħti iktar dettalji.
Leg 9 PQ #27848 Sitting 597 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja — Protezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinformana liema huma l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u produtturi li huma favur it-tneħħija tal-protezzjoni tal-biedja mis-sena d-dieħla? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn id-dikjarazzjonijiet tal-bdiewa, raħħala u produtturi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba tingħata wara li jiġi diskuss il-pakkett speċjali ta' għajnuna lill-bdiewa, raħħala u produtturi. It-tnaqqis tal-levies ser isir b'mod gradwali fuq perjodu ta' żmien u jkun marbut b'kumpens adekwat. B'kuntrast ma dan, il-politika tal-oppożizzjoni kif iddikkjarata tlett snin ilu tispeċifika tneħħija ta' levies mingħajr kumpens.
Leg 9 PQ #27849 Sitting 597 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Industrija ta' l-Ikel u l-Biedja — Levy

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-industriji ta' l-ikel u l-biedja li matul is-sena 2002 se titneħħilhom il-levy gradwalment? Jista' jgħid meta saru l-konsultazzjonijiet ma' dawn l-industriji matul l-1999, 2000 u l-2001 u x'kienet il-pożizzjoni ta' dawn l-industriji?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għadha ma ġietx stabbilita skeda definittiva għat-tneħħija tal-levies fuq il-prodotti agro-industrijali. Fil-fatt, bħalissa għadhom għaddejjin il-kuntatti ma' l-operaturi fis-settur konċernati sabiex jiġi mfassal pakkett li jorbot it-tneħħija gradwali ta' dawn il-levies ma' provvedimenti oħra intiżi biex jagħtu għajnuna lis-settur agrikolu f'pajjizna sabiex jimmodernizza l-operat tiegħu.
Leg 9 PQ #27850 Sitting 597 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prodotti ta' l-ikel — Dazji

Question

Kif jispjega l-fatt il-Ministru li filwaqt li l-gvern se jneħħi l-protezzjoni tal-biedja lokali sabiex skond huwa jbaxxi l-prezzijiet tal-prodotti ta' l-ikel, fl-istess waqt beda jgħolli d-dazji fuq l-ikel importat mill-pajjiżi non EU members meta lanqas nipproduċu fl-industrija lokali ta' l-ikel tagħna dawn il-prodotti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li kull proċess ta' bidla għandu implikazzjonijiet diversi li jistgħu anke jkunu konfliġġenti. L-importanti huwa l-effett globali ta' dawn l-implikazzjoni. Ma hemmx dubju li t-tneħħija tal-levies ser iġġib magħha roħs sostanzjali għall-konsumatur Malti minkejja xi aġġustamenti li jistgħu jiġu attwati fl-istess żmien fuq id-dazju applikat fuq xi prodotti oħra.
Leg 9 PQ #27851 Sitting 597 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

WTO — Special Safeguards Provisions

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-fatt għaliex meta 38 pajjiż membru tad-WTO għandhom bejniethom 6,072 special safeguards provisions sabiex jipproteġu l-agrikoltura ta' pajjiżhom, u dan inkluż pajjiżi kbar u sinjuri bħall-Amerika, Svizzera, Norveġja, eċċ., Malta ma talbietx l-istess bħala membru tad-WTO sabiex tipproteġi l-biedja fil-gżejjer tagħna?

Response (BORG, JOE)

Minħabba li din id-domanda hija ta` natura teknika li tikkonċerna is-settur tal-agrikoltura, nissuġerixxi lil-Onorevoli Interpellant jagħmel d-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-agrikoltura.
Leg 9 PQ #27868 Sitting 597 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Esportazzjoni ta' Basal

Question

Peress li dak li qed jallega l-Ministru f'mistoqsija parlamentari nru 27637 ma rriżultax meta tkellimt ma' l-Agent inkwistjoni għaliex qalli li huwa qatt ma għamel l-allegazjonijiet li semma l-Ministru fil-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħmel laqgħa pubblika ma dan l-esportatur sabiex tkun iċċarat l-allegazzjoni li għamel?

Response (ZAMMIT, NINU)

Naħseb li l-Onor. Interpellant nesa jew ma jridx jiftakkar. Nissuġerilu li jerġa' jkellem lill-esportatur.
Leg 9 PQ #27841 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Qtugħ fid-Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża l-qtugħ tad-dawl fil-lejl tat-23 ta' Lulju u fil-jiem ta' l-24 u l-25 ta' Lulju fit-toroq tar-Rabat bħal Triq S Katerina, Triq Inguanez, Triq Sant Roża, Triq San Mikiel, Triq San Bastjan, Triq Santa Marija, Triq ir-Rgħajja, Pjazza Torok u l-madwar? Għaliex kien hemm dan id-dewmien sabiex ġiet mgħotija lura lir-residenti l-provvista' tad-dawl? Meta fil-fatt se tingħata lura?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal qtugħ fid-dawl (street lighting) li kien hemm fit-toroq imsemmija. Ninsab infurmat li l-qtugħ kien ġie rrappurtat fil-25 ta' Lulju li għadda. Minn investigazzjoni li saret mill-Korporazzjoni Enemalta irriżulta li l-wiring tat-time switch kien difettuż. Il-manutenzjoni meħtieġa saret dakinhar stess li kienet irrapurtata l-ħsara.
Leg 9 PQ #27842 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Refund

Question

Peress li r-refunds dovuti tat-taxxi lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jista' l-Ministru jara l-possibbilta' li d-dipartiment tat-taxxi interni jħallas il-pagamenti dovuti? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li għandi nagħti nformazzjoni kunfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista' jmur sat-Taxpayer Service u jkun jista' jinqeda minn hemmhekk.

Għajnuna Soċjali — Children Allowance

Question

B'riferenza għall-pagamenti tal-benefiċċji tat-tfal li tħallas lill-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid għaliex kien hemm tnaqqis ta' Lm50 meta pparagunat mal-pagament preċedenti ta' dan il-benefiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna li għandha n-numru tal-karta ta' l-identita' ndikat fil-Mistoqsija m'għandiex talba għall-Allowance tat-Tfal.
Leg 9 PQ #27844 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Gvern Malti — FAO

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kontinwazzjoni saret matul l-1999, 2000 u 2001 sabiex jiġi implimentat il-pjan bejn il-Gvern Malti u l-FAO għall-qasam tal-biedja li sar taħt gvern preċedenti Laburista? Xi progress ġie reġistrat u x'inhuwa previst għall-futur bejn il-Gvern Malti u l-FAO?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal liema pjan bejn il-Gvern Malti u l-FAO qiegħed jirriferi fil-mistoqsija tiegħu.

MAM — Transfers tad-Dgħajjes

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li mill-1 ta' Ġunju ta' din is-sena l-ħlas tat-transfers tal-makni tad-dgħajjes u transfers oħra anċillari għolew minn Lm1.00 għal Lm5.00 mil-awtorita' marittima?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onorevoli nterpellant għall-Avviż Legali Nru 129/2001.
Leg 9 PQ #27846 Sitting 596 2001-09-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NPAA — CAP - Levies

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li meta l-NPAA jgħid li bir-regoli tal-CAP il-biedja mhijiex settur ekonomikament viabbli, matul l-1999, 2000 u din is-sena huwa kompla jdaħħal is-sistema tal-CAP tant li se jibda jneħħi l-levies ta' protezzjoni tal-biedja mis-sena d-dieħla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika f'liema parti tal-NPAA hemm dak li qiegħed jallega fil-mistoqsija tiegħu.
Leg 9 PQ #27750 Sitting 595 2001-07-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam tar-riżorsi ta' l-art u l-baħar sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-rapporti annwali tad-Dipartiment għal dak li huwa taħriġ li pparteċipaw fih uffiċjali tad-Dipartiment barra minn Malta. Nfakkru li minn Ottubru 2000 inbeda kors fi ħdan id-Dipartiment li jipparteċipaw fih 8 studenti bit-titlu Higher National Diploma in Fisheries Studies bil-għan li meta jispiċċaw is-sena d-dieħla jkunu jistgħu jiġu impjegati bħala fisheries officers.
Leg 9 PQ #27751 Sitting 595 2001-07-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam ta l-mikropropogazzjoni sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam ta' l-mikropropogazzjoni sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom kien hemm erbgħa fl-1999, ħamsa fl-2000 u tlieta fl-2001. Dawn l-uffiċjali/tekniċi/ħaddiema ġew mħarġa fl-Italja. Tip ta' taħriġ barra minn Malta: -Tkattir ta' pjanti bit-teknika ta' "In vitro". -Kultura diversa ta' "In vitro" fuq diversi pjanti. -Akklimatazjoni ta' pjanti fis-serer. -Kultura ta' pjanti fis-serer. -Disinn ta' laboratorju. -Apparat meħtieġ għall-laboratorju. -Riżorsi ġenetiċi tal-pjanti. -Dijagnożi ta' mard virali fuq il-pjanti.
Leg 9 PQ #27813 Sitting 595 2001-07-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam ta agro-industrija fil-gzejjer zgħar sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 27740.
Leg 9 PQ #27814 Sitting 595 2001-07-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam zootekniku fil-gzejjer zgħar sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 27740.
Leg 9 PQ #27815 Sitting 595 2001-07-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam tat-tkabbir tas-siġar tal-frott fil-gzejjer zgħar sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #27816 Sitting 595 2001-07-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam tat-tkabbir tal-ħxejjex b'metodi sostenibli sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 27740.
Leg 9 PQ #27744 Sitting 594 2001-07-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam ta l-Agrituriżmu sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda uffiċjal/tekniċu/ħaddiem li tħarreġ speċifikament fil-qasam ta' l-Agrituriżmu matul l-1999, 2000 u 2001.
Leg 9 PQ #27745 Sitting 594 2001-07-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali/tekniċi u ħaddiema li tħarġu fil-qasam ta l-Afforestazzjoni sabiex itejbu l-kapaċita u kwalitajiet tagħhom matul l-1999, 2000 u 2001? Fejn tħarġu u x'tip ta' taħriġ ingħataw? Kemm minn dan it-taħriġ kien barra minn xtutna u fejn?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda uffiċjal/tekniku/ħaddiem li tħarreġ fil-qasam ta' l-Afforestazzjoni matul l-1999, 2000 u 2001.