Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibli li tiġi milqugħa mill-aktar fis possibli t-talba li qed nibgħat separatament peress li dawn jinsabu fil-pik tax-xogħol tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba għal servizz ġdid ta' l-elettriku qiegħda tiġi pproċessata skond il-proċeduri normali.
Jista' l-Ministru jinformana bil-pożizzjoni tal-ministeru dwar l-aħħar statement tal-Poultry Processors Association (PPA) fejn fl-24 ta' Lulju l-PPA iddikjaraw uffiċjalment li huma mhux se jaċċettaw l-istrateġija proposta mill-Gvern dwar is-settur tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Poultry Processors Association (PPA) taw opinjoni meta kienu għaddejin diskussjonijiet biex tinstab soluzzjoni bil-għan li l-istess settur jibqa' sostenibbli. Il-pożizzjoni tal-Ministeru hi li jkompli jiddiskuti ma' kull min hu konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid xi progress sar dwar l-ilmenti tar-residenti tal-Baħrija dwar it-trasport pubbliku? X'tibdil sar sabiex dawn iċ-ċittadini jinqdew aħjar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat mill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku li dan l-aħħar ma kien hemm l-ebda żviluppi ġodda f'dan il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid xi progress sar dwar l-ilmenti tar-residenti ta' l-Imtarfa u tal-kunsill ta' l-Imtarfa dwar nuqqasijiet fis-sistema tat-trasport pubbliku? X'tibdil sar sabiex dawn l-ilmenti jiġu rimedjati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ilmenti tar-residenti ta` l-Imtarfa u tal-Kunsill ta` l-Imtarfa, ġew innotati b`ittra li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku irċeviet bid-data tat-23 ta` Lulju ta` din is-sena.
Dawn l-ilmenti ġew iċċekkjati u sorveljati mill-Enforcement Officers ta` l-Awtorita`. Il-Kunsill ġie mitlub ukoll li f`każi simili, għandhom jgħaddu l-ilment fl-uffiċju ta` l-Awtorita` f` City Gate li huwa kuljum miftuħ mill-05:30a.m. sal-11:00 p.m.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-pjan ta' l-estensjoni tas-sistema tad-drenaġġ fil-Baħrija? Meta se jsiru x-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li m'hemmx ħsieb li fil-futur qarib issir xi forma ta' komunikazzjoni tad-Drenaġġ mas-sistema eżistenti tar-Rabat.
Fil-fatt, illum il-Baħrija teżisti sistema tad-drenaġġ fejn il-mains tad-drenaġġ imorru ġo fossa komuni kbira li titbattal mill-Gvern stess.
Qiegħda tiġi studjata possibbilta' ta' impjant żgħir ta' trattament għal dan il-lokal.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-pjan ta' prova li kellu jsir sabiex Triq Borg Olivier, Rabat, issir one-way għal ftit xhur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ta struzzjonijiet lil Kunsill Lokali u lid-Dipartiment tat-Toroq biex parti minn Triq Ġorg Borġ Olivier issir one way mill-1 ta` Ottubru 2001.
Jista' l-Ministru jirrimedja għall-ilment li qed nibgħat separatament, peress li l-persuna qed tiġi mitluba tħallas flus għas-servizz ġdid ta' l-ilma meta kienet applikat qabel l-iskema li indroduċiet il-W.S.C.
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma investigat il-każ imsemmi u rriżulta li l-kont inħareġ skond l-Avviż Legali numru 58 ta' l-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rapportati lill-pulizija matul l-ewwel sitt xhur tas-sena? Kemm minnhom kienu fatali u kemm weġġgħu persuni kawża ta' dawn l-inċidenti tat-traffiku?
Jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 1997, 1998, 1999 u s-sena 2000?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi t-tagħrif għas-sena 1997 mhux disponibbli bix-xahar.
B'riferenza għat-tneħħija tal-levies ta' protezzjoni għall-biedja li se jneħħi l-gvern minħabba s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jinformana jekk il-levies humiex se jitneħħew fuq l-importazzjoni mill-pajjiżi tad-dinja kollha, dejjem jekk dawn ikunu skond l-istandards tal-Codex Alimentarius tal-FAO, tad-WTO u tad-WHO?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 27644 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ttieħdu sabiex ikun magħruf x'ikkawża it-tkissir u l-qerda ta' siġar tal-Prinjol li hemm f'Valletta Road, Rabat, fejn qed isiru xogħlijiet estensivi fuq xi trinek?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ħsara saret peress li sar tħaffir ta' trinek mill-kuntrattur f'sit mhux awtorizzat mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Intalbet spjegazzjoni mingħand id-Direttur tat-Toroq, id-Direttur għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u c-Chairman ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għall-għajnuna li l-bdiewa, sajjieda u raħħala ressqu matul l-1999, 2000 u l-ewwel sitt xhur tas-sena 2001? Kemm hija ċ-ċifra globali ta' flus li jirrikjedu dawn it-talbiet sabiex il-ministeru jkun jista' japprovahom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul dawn l-aħħar sentejn u nofs, id-Dipartiment kellu dan in-numru ta' talbiet għal għajnuna finanzjarja bħala self issussidjat:
1999 37
2000 12
2001 12 (sa Ġunju)
Dawn l-applikazzjonijiet diġa' ġew ipproċessati u bdew igawdu minn għajnuna bħala sussidju ta' 4.5% fuq l-interessi fuq self sa Lm 10,000 li jirrigwardjaw proġetti agrikoli jew tas-sajd.
Jista' l-Ministru jinformana liema huma dawk il-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-biedja lokali li se jibdew jitneħħew gradwalment minn Jannar li ġej, skond kif jirriżultalu mill-istudju li għamel matul l-aħħar tliet snin dwar din il-bidla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din l-informazzjoni tingħata meta jiġu konklużi d-diskussjonijiet li qegħdin isiru mal-għaqdiet tal-bdiewa dwar dan is-suġġett bħala parti mill-N.P.P. dwar il-Kapitlu tal-Biedja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi ġodda li ġew reġistrati matul April, Mejju u Ġunju ta' din is-sena xahar b'xahar? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-snin 1997, 1998, 1999 u s-sena 2000?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta` karozzi ġodda li ġew reġistrati matul April, Mejju u Ġunju għas-snin 1997,1998,1999, 2000 u 2001 huwa kif ġej:
April Mejju Ġunju
1997 1,188 1,441 1,341
1998 1,445 1,147 1,200
1999 1,392 1,730 1,435
2000 1,431 1,696 1,345
2001 974 1,249 1,152
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sabiex jiġi kontrollat il-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi ta' ġnien il-Marġa l-Baħrija L/O Rabat?
Jista' jara li s-sitwazzjoni tiġi għan-normal u ċioe li jiżdiedu l-bowsers tal-fossa tad-drenaġġ f'dawn l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn nhar it-Tnejn 16 ta' Lulju beda jsir tbattil tal-fossa tal-Baħrija minn kuntrattur ġdid peress illi l-kuntratt l-antik spiċċa. Il-problema ta' fawran tal-fossa tal-Baħrija għaldaqstant għandha tispiċċa.
X'kontroll qed isir fl-għalf tat-tonn li qed jitkabbar fil-pennings? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regoli li jikkontrollaw dan l-għalf? Jista' jassigura lill-Kamra li dawn il-kontrolli huma biżżejjed biex ma jixterdux viruses, mard gdid fil-ħut li jinstab madwar il-qoxra tal-baħar tal-ġżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għalf li jintuża għat-tkabbir tat-tonn huwa ħut maqbud iffriżat u dan jiġi impurtat bl-istess kondizzjonijiet li jiġi impurtat ħut ieħor għal konsum uman. Fil-fatt dan il-ħut ikollu ċertifikat li hu tajjeb għal konsum uman. Dan huwa l-istess tip ta' għalf li ilu għal żmien twil u għadu jintuża bħala liska.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa ta' l-okkażjoni tal-Jum Dinji ta' l-Ikel li ġiet organizzata mill-Ministeru tal-Biedja u Sajd għas-sena 1999 u 2000?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li n-nefqa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta' l-Ikel kienet tammonta għal Lm1,270 fl-1999 u għal Lm1,327 fis-sena 2000.
Dawn ma jinkludux il-prodotti agrikoli, tiġieġ u fniek, li jitrabbew fl-Għammieri u li, f'din l-okkażjoni, jitqassmu b'xejn lill-Istituti tal-Karita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk huwiex possibbli li fiċ-ċirkostanzi tal-problemi li rriżultaw fil-każ HOS81/93 jiġi estiż il-perijodu sakemm il-koppja tirrimedja l-problemi tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, wara talba mill-benefiċjarju, iż-żmien biex dan jokkupa l-plot ġie estiż mill-Awtorita' tad-Djar sa l-aħħar ta' Settembru 2001.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt għaliex meta 37 pajjiż membru tad-WTO għandhom 1.371 tariffa u kwota sabiex jipproteġu l-biedja ta' pajjiżhom, inkluż pajjiżi sinjuri bħal Amerika, Svizzera, Norveġja u pajjiżi applikanti għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea bħal Polonja, Malta ma għandhiex l-istess trattament sabiex tipproteġi l-biedja u dan skond il-parametri ta' l-istess WTO?
Response (BORG, JOE)
Minħabba li din id-domanda hija ta' natura teknika u tikkonċerna il-WTO u in partikolari s-settur ta' l-agrikoltura, nissuggerixxi li l-Onorevoli Interpellant iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinformana kif is-sistemi tat-TARIC se jaffettwaw is-soċjeta' tagħna meta minkejja li importaw 8% ta' dak li ikkonsmaw u meta skond l-NPAA il-biedja bir-regoli tal-CAP mhux se tkun ekonomikament viabbli, il-Gvern Malti se jdaħħal dawn is-sistemi ta' dazji, kwoti u kontrolli fuq l-importazzjoni ta' l-ikel minn non EU members? Xi studji saru dwar dan l-impatt matul l-1999 u s-sena 2000? Jista' l-Ministru jpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.