Jista' l-Ministru jgħid peress li fil-qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed qed jgħaddi t-traffiku li soltu kien jgħaddi minn Triq G.B. Olivier r-Rabat, Malta jista' l-Ministru jara li ssir pelican lights jew zebra crossing bejn id-djar numru 7 u 13 ta' l-entratura tal-H.E. min naħa ta' Triq Għajn Qajjed?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex flimkien mat-Traffic Control Board u l-Kunsill tar-Rabat jaraw x`jista' jsir dwar is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar tlett snin kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru bejn l-awtoritajiet tal-Gvern Malti u dawk Libjani sabiex tkun kontrollata aħjar il-problema tat-traffikar tad-droga li teżisti? Xi żviluppi saru?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li tiddawwal aħjar Triq M. Depiro r-Rabat, Malta. Jekk fl-affermattiv meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Naturalment dwar data wieħed irid jikkunsidra l-fatt li l-Korporazzjoni għandha diversi talbiet simili pendenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 28137?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-bejgħ ta' fuels f'litri bejn l-1 ta' Jannar 1997 u t-30 ta' Ġunju 2001 kien kif ġej:
SENA PETROL PETROL DIESEL PITROLJU
NORMALI BLA ĊOMB
1997 37,825,096 11,937,680 43,358,378 12,381,040
1998 34,828,030 13,698,770 46,717,532 2,504,370
1999 33,619,234 15,451,902 47,859,990 6,859,840
2000 30,132,827 17,378,425 48,988,308 7,450,930
2001 27,643,032 18,367,523 54,511,007 7,126,070
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar tlett snin kemm kienu n-numru ta' laqgħat li saru bejn l-awtoritajiet tal-Gvern Malti u dawk Libjani sabiex tkun kontrollata aħjar il-problema tat-traffikar tad-droga li teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi? Xi żviluppi saru? Meta se jkomplu dawn il-laqgħat?
Response (BORG, TONIO)
L-aħħar tliet snin kien hemm żewġ laqgħat uffiċjali bejn l-awtoritajiet Libjani u Maltin fuq ko-operazzjoni f`każijiet ta` traffikar ta` drogi u reati oħra. Kuntatti mhux uffiċjali bejn aġenzija tat-twettieq tal-liġi saru wkoll.
Saret laqgħa fi Tripoli bejn l-14 u l-15 ta` Lulju 2001 li għaliha attendejt jiena stess, flimkien mall-Kummissarju tal-Pulizija u l-A.C. A. Seychell u l-A.C. M. Cassar; bejn il-11 u s-17 ta` Settembru delegazzjoni Libjana ġiet Malta għall-istess skop.
Laqgħa oħra ta` livell għoli, din id-darba f`Malta, hi prevista għall-bidu tas-sena li ġejja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa numru ta' persuni li fil-preżent qed jiskontaw sentenza ta' priġunerija, kemm minnhom huma ta' nazzjonalita' barranija u minn fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li fil-preżent qed jiskontaw sentenza ta` priġunerija fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin huwa ta` 183. Minn dawn 41 (22%) huma ta` nazzjonalita` barranija.
Dawn ġejjin mill-pajjiżi kif turi t-tabella.
Maltin
142
Libjani
26
Alġerini
1
Awstraljani
1
Renju Unit
1
Olandiżi
3
Eġizzjani
2
Taljani
1
Jugoslavi
1
Palestinjani
1
Tuneżini
4
TOTAL
183
Jista' l-Ministru jgħid billi fic-CCF jirriżulta li hemm numru ta' priġunieri Għarab, jista' l-Ministeru jikkunsidra li jibdew jingħataw lezzjonijiet tal-Lingwa Għarbija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li kienet saret talba minn resident Malti f`isem diversi residenti fil-Faċilta` Korrettiva ta` Kordin biex jibdew isiru lezzjonijiet ta` l-Għarbi, kienu saru kuntatti informali ma` l-awtoritajiet Libjani f`Malta dwar il-possibilita` li jipprovdu għalliema fil-lingwa Għarbija.
Mhux eskluż li jingħataw lezzjonijiet fil-lingwa Għarbija jekk jirriżulta illi l-priġunieri għandhom interess ġenwin li jitgħallmu dan is-suġġett u jinstab għalliem għal dan l-iskop.
Jista' l-Ministru jinfurmani x' kienet ir-raġuni li naqsu bi 33% it-talbiet li l-bdiewa għamlu għaż-żriegħ ta' l-esportazzjoni tal-patata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nagħraf l-Onor. Interpellant li din is-sena nkitbu madwar 320 tunnellata patata taż-żriegħ Alpha aktar minn dak li jippermettu ż-żewġ kuntratti eżistenti, jiġifieri dak li jirregola l-importazzjoni taż-żerriegħa Alpha u dak ta' l-esportazzjoni tal-patata ta' Malta.
Għaldaqstant biex tkun evitata diskriminazjoni ma' dawk li jkabbru dan il-prodott għas-safar, b'rakkomandazzjoni ta' l-Agricultural Export Marketing Board, id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura kellu jnaqqas perċentaġġ mill-kitbiet kollha li saru għal din il-varjeta'.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li ġew ikkonsultati dwar id-deċiżjoni tal-Ministeru li l-produzzjoni tal-patata għall-esportazzjoni se tkun ikkontrollata u bil-kwota? Meta saret din il-konsultazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 28472.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-Ministeru beda jikkontrolla l-produzzjoni tal-bdiewa mill-uċuħ tar-raba tagħhom meta għadhom lanqas twaqqfu l-producers organisations?
Response (ZAMMIT, NINU)
Hija ħrafa li jingħad, kif qed jallega l-Onor. Interpellant, li hemm il-ħsieb ta' xi kontrolli fuq il-produzzjoni ta' uċuħ tar-raba. Anzi l-mira ta' dan il-Ministeru minn dejjem kienet u għadha għal kollox bil-maqlub. Infatti, il-bdiewa huma nkoraġġiti biex bil-għaqal tagħhom u bl-għajnuna tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jippjanaw għall-ġejjieni biex kemm għall-benefiċċju tagħhom u dak tal-konsumatur iżda l-produzzjoni ta' kwalita' u aktar varjeta' ta' prodotti skond il-bżonnijiet tas-suq.
Jekk l-Onor. Interpellant, fil-mistoqsija tiegħu għandu f'moħħu l-importazzjoni tal-patata taż-żriegħ, infakkru li peress li din hija eżentata mill-levy, bħas-soltu din tkun suġġetta għall-liċenzja tal-importazzjoni. Din is-sena,
r-rikjesta totali għal dan il-prodott laħqet 4,835 tunnellata, jiġifieri aktar mid-doppju li kienu impurtati s-sena li għaddiet. Għaldaqstant wara li kien ikkunsidrat il-kuraġġ tal-bdiewa fuq is-suċċess li kisbu din is-sena, inħass li
apparti dawk intiżi għas-safar, għall-raġunijiet ovvji, ikunu awtorizzati parti mit-talba tal-varjetajiet l-oħra.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt wara dak li qal publikament matul dawn l-aħħar tlett snin cioe li bis-sħubija ta' Malta fl-UE il-bdiewa se jkollhom opportunitajiet ta' swieq kbar fejn jesportaw il-prodotti tagħhom, issa beda jikkontrolla l-kwantita ta' l-esportazzjoni tal-patata tant li din naqset bi 33% meta pparagunata mas-snin ta' Gvernijiet preċedenti Laburisti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Huwa ovvju li sakemm Malta ma tiffurmax parti mill-Unjoni Ewropew, il-bdiewa lokali ma jkunux jistgħu jgawdu mill-opportunitajiet li għamel riferenza għalihom l-Onor. Interpellant.
Rigward l-esportazzjoni tal-patata, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-ftehim li kien sar mill-Onor. Interpellant meta kien responsabbli mill-Agrikoltura. Jien żgur li dan jgħinu jiftakar sew li kien proprju hu li għamel ftehim biex in-negozju tal-patata ta' Malta bejn l-1999 u l-2001 jikkonċerna prinċipalment 5,000 tunnellata Alpha u nbagħad surplus ta' 1,000 tunnellata oħra offruti bi prezzijiet inferjuri.
Barra minn dan, biex żgur li l-produzzjoni ta' l-Alpha ma teċċedix dik miftehma fil-kuntratt huwa għoġbu għall-ewwel darba jdaħħal kontroll fuq l-importazzjoni tal-patata għaż-żriegħ. Kienet biss ir-reviżjoni ta' dan il-ftehim li saret taħt l-amministrazzjoni preżenti li matul l-aħħar tliet snin ippermettiet esportazzjoni ta' 7,079, 6,539 u 6,067 tunnellata ta' patata rispettivament u fuq kollox bi prezzijiet aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti li l-bdiewa se jkollhom l-opportunita li jibdew jesportaw lejn is-swieq tal-pajjiżi ta' l-UE mis-sena d-dieħla? Xi preparazzjonijiet saru bejn il-bdiewa u d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għal dan il-għan matul dawn l-aħħar tlett snin u x' riżultati ntlaħqu?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf lid-dazji tal-UE fuq prodotti agrikoli Maltin jitneħħew jew meta Malta issir membru ta' l-UE jew meta jiġi negozjat ftehim apposta. Fi żmien il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien intlaħaq ftehim biex jispiċċaw d-dazji fuq numru ta' prodotti bħal ma huma d-dulliegħ u l-bettieħ, iżda dan il-ftehim spiċċa hekk kif il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista iffriża l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-UE.
Jista' l-Ministru jgħid x' ikkawża il-fawran tas-sistema tad-drenaġġ fil-Farm Esperimentali tal-Għammieri fl-1 ta' Ottubru 2001? X' miżuri ttieħdu sabiex ikun ikkontrolat il-mard li jista jikkawża dan il-fawran tad-drenaġġ fl-attivita' li tissokta fil-farm esperimentali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-drenaġġ li far fil-Farm Sperimentali fl-1 ta' Ottubru huwa d-drenaġġ li għaddej mis-sistema prinċipali pubblika li għaddejja minn ġol-Farm. Is-sadd kien dovut għal xi ġebel immermer fl-istruttura tal-'manhole' li waqgħu fil-kanal u mblukkaw il-passaġġ tad-drenaġġ. Dan ġara fil-parti l-qadima tas-sistema. Ittieħdet azzjoni mmedjata biex il-ħsara tkun irranġata fl-anqas ħin possibbli.
Id-Dipartiment ilu għaddej b'diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Ambjent dwar il-problema u fil-fatt parti sostanzjali tas-sistema diġa' nbidlet biex tlaħħaq mal-volum ta' drenaġġ li qed jgħaddi. Il-parti li fadal qiegħda wkoll fil-proċess li tinbidel biex il-problema tkun solvuta.
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt kif il-kumpanija Vodaphone filwaqt li żidiet il-profitti naqset il-kummissjonijiet tal-bejgħ tal-vodaphone cards minn 10% għall 7% mill-ewwel ta' Ottubru ta' din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li jitħaffef il-proċess ta' l-applikazzjonijiet il-ġodda tal-kaċċaturi u nassaba minħabba li jeżistu każijiet fejn kaċċaturi u nassaba qed jispiċċaw jistennew madwar sena sabiex tinħarġilhom il-liċenzja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ma joħroġx liċenzji għall-kaċċa u għall-insib. Dan id-Dipartiment jagħmel biss testijiet lil dawk kollha li japplikaw lill-Kummissarju tal-Pulizija għal-liċenzja. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex qed ikun hemm dewmien esaġerat sabiex il-kaċċaturi u nassaba jingħataw il-liċenzja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-liċenzji għall-kaċċa u għall-insib jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija skond Avviż Legali 145 ta' l-1993 para 2(1), u 146 ta' l-1993 para 7(2). Għalhekk nitlob lill Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru pendenti ta' talbiet għal liċenzji tal-kaċċaturi u nassaba li għandu d-Dipartiment kkonċernat fil-mument?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant qieħed jibbaża l-mistoqsija tiegħu fuq il-fatt żbaljat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent joħroġ il-liċenzji tal-kaċċa u ta' l-insib, li kif kelli l-opportunita' nispjega dan mhux il-fatt għaliex dawn jinħarġu minn Ministeru ieħor. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jagħmel biss testijiet li jgħinu lil wieħed parzjalment biex ikun jista' jakkwista dawn il-liċenzji, li iżda ma jinħarġux mill-Ministeru għall-Ambjent.
Li nista' ngħid lill-Onorevoli Interpellant huwa li minn mindu persuna ta' minn 18-il sena 'l fuq issa tista' toħroġ għall-kaċċa, n-numru ta' dawk li jridu jagħmlu t-test żdied.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-talba għal-liċenzja tan-nassaba u kaċċaturi ġiet approvata bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena? Kemm kienu t-talbiet approvati għall-istess perjodu għas-snin 2000 u 1999 separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq nerġa' ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarisen ta' l-Ambjent ma joħroġx liċenzji la għall-kaċċa u lanqas għall-insib, u għalhekk ma kellu l-ebda talba biex joħroġ dawn il-liċenzji. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, iżda jagħmel testijiet li r-riżultati tagħhom jiġu mgħoddija lill-Kummissarju tal-Pulizija. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq ikun jaf kemm saru testijiet bħal dawn, inkun nista' ngħaddilu din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' liċenzji ġodda tal-kaċċa u l-insib li ħarġu bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena u tul is-snin 2000 u 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif kelli l-opportunita' ninforma lill-Onorevoli Interpellant drabi oħra, l-liċenzji tal-kaċċa u ta' l-insib ma jinħarġux mill-Ministeru għall-Ambjent. Għalhekk jiddispjaċini li mhinix f'pożizzjoni li nirrispondi għad-domandi li staqsa l-Onorevoli Interpellant.
Veru li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jagħmel testijiet dwar il-liġi biex dawn jittieħdu in konsiderazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji meta jiġu mgħoddija lill-Kummissarju tal-Pulizija, iżda din hija parti biss mill-ħtiġijiet għall-ħruġ ta' liċenzja għaliex ma' din wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni l-kondotta u l-polza ta' assigurazzjoni, li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ma għandu x'jaqsam xejn magħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru mid-Dipartiment tas-Saħħa u l-bejjiegħa tal-laħam lokali dwar l-Abozz tal-Liġi numru 82? L-ilmenti tqajmu u x' osservazzjonijiet saru mill-bejjiegħa verbalment u uffiċjalment?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixi lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.