Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment konċernati jwettqu xogħlijiet ta' manutenzjoni fil-bandli li hem fl-inħawi ta' Santa Margherita l-Mosta sabiex ma jkunx hemm perikolu għat-tfal?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment konċernat jagħmel il-manutenzjoni li jeħtieġu l-bankini u toroq ta' Santa Margherita l-Mosta qabel tibda x-xitwa? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' l-Ministru jikkonsidra li fl-inħawi ta' Santa Margherita l-Mosta, ir-residenti jkollhom playing field akbar sabiex huma u t-tfal tagħhom jkollhom post fejn jirrikkrejaw ruħhom aħjar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-profit li għamlet il-Kordin Grain Terminal kull sena dawn l-aħħar seba' snin sa' Settembru 2001? Kemm kien l-profit tal-kumpanija Medigrain Ltd kull sena dawn l-aħħar seba' snin sa' l-aħħar ta' Settembru 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-profitt li sar matul dawn l-aħħar seba snin, sena b'sena, mill-kumpaniji Kordin Grain Terminal u Medigrain kien kif ġej:
SENA KORDI GRAIN TERMINAL* MEDIGRAIN
1994 - Lm 593,130
1995 Lm346,886 Lm 631,895
1996 Lm376,821 Lm 701,492
1997 Lm181,486 Lm 798,305
1998 Lm289,829 Lm 903,184
1999 Lm262,889 Lm1,003,277
2000 Lm171,722 LM 859,660
2001 Lm545,172 -
* is-sena finanzjarja tal-Kumpanija tagħlaq fit-30 ta' Ġunju.
B'referenza għar-risposta għal-mistoqsija parlamentari nru. 25527, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet ta' natura amministrattiva li wasslu għal ħatriet li saru u li f'għoxrin sena kemm ilu imwaqqfa l-Medigrain Ltd qatt ma kien hemm ħtieġa tagħhom?
Jaf l-Ministru li ftit żmien qabel ma' saru dawn il-ħatriet, s-segretarju tal-board tal-Medigrain, f'isem il-bord, kien kiteb liċ-chairman tal-MIMCOL li ma' kien hemm l-ebda ħtieġa ta' tibdil fl-amministrazzjoni tal-Medigrain billi l-kumpanija kienet moqdija tajjeb ħafna? Dan ifisser li min ta' l-approvazzjoni għall-imsemmija ħatriet u għas-salarji kbar marbuta magħhom kien laxk ħafna u forsi ma amministrax flus il-poplu bil-mod li jixraq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-kariga ta' General Manager ilha teżisti sa mill-1990. F'Awissu ta' l-1998, ic-Chairman preċedenti kien kiteb lic-Chairman tal-MIMCOL fejn talab biex minflok General Manager jiġi mpjegat Personal Assistant bl-iskop li dan ta' l-aħħar jgħin lic-Chairman u jassumi wkoll ir-responsabbiltajiet ta' Manager. Għaldaqstant ma naħsibx li f'dan il-każ il-post ta' Manager huwa superflu.
B'riferenza għar-risposta għal-mistoqsija parlamentari nru. 26995, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-perċentaġġ ta' kuntratti għall-provista ta' qamħ li rebħet il-kumpanija Finagrit matul is-sena 1997 u 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-kumpanija Finagrit ma rebħet ebda kuntratt matul is-sena 1997/98.
B'riferenza għar-risposta għal-mistoqsija parlamentari nru. 26790, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kumpaniji li matul l-aħħar sentejn ma komplewx jagħmlu offerta għall-formiment ta' grains lill-Medigrain kif kien jagħmlu qabel?
Jaf l-Ministru li dawn il-kumpaniji esprimew dubbji serji dwar kif l-offerta tagħhom ġiet magħluba bi ftit ċenteżmi minn offerti rivali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li sa fejn hu magħruf, ma kien hemm ebda kumpanija li ma baqgħetx tagħmel l-offerti minħabba xi dubju fis-sistema. Għall-kuntrarju, minn żmien għal żmien, il-Medigrain tirċievi talbiet mingħand kumpaniji barranin akkreditati biex jiġu nklużi fil-lista ta' l-offerenti.
B'riferenza għar-risposti għal-mistoqsijiet parlamentari nri. 25524 u 25535, jista' l-Ministru jgħid kif matul sena li ma saritx ħażna ta' qamħ fl-imħażen tal-kumpaniji Medigrain fix-xatt ta' Pinto u l-qamħ u qamħerrun kollu importat kienu maħżuna fit-Terminal ta' Kordin fejn hemm amministrazzjoni sħiħa oħra, inħasset il-ħtieġa li jinħatar General Manager b'salarju ta' Lm 13,000 u Deputy Chairman b' Lm 7,000 oħra ma dak ta' executive chairman? Jidirlux l-Ministru li għandu jindaga u jispjega?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant jaf li l-operat tal-Medigrain ma jikkonsistix biss fil-ħażna tal-qmugħ fis-silo li hemm fix-Xatt ta' Pinto. Għaldaqstant ma nistax nifhem il-konnessjoni fil-mistoqsija bejn il-ħatriet ta' Deputat Chairman u General Manager u l-ħażna tal-qmugħ.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsijiet parlamentari nru. 16156 u 25529, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li għamlu il-konsulenti mqabbda apposta dwar il-bżonn ta' manutenzjoni tal-bini u l-makkinerja tal-kumpanija Medigrain?
Jaf l-Ministru li matul is-snin 1997 u 1998 saru rapporti dwar dawn l-istess imħażen min konsulenti lokali u barranin, saret il-manutenzjoni u bdil tal-makkinarja li kien hemm bżonn u kien ċertifikat bħala l-aħjar imħażen li għandna Malta? Jidirlux li b'nefqa ta' Lm 3,000 żebgħa (ref: risposta 25529) biex ġie miżbuħ l-impjant ma inbidel xejn u is-silos setgħu faċilment komplew jiġu imħaddma tul is-sena kollha u mhux xejn? Jidirlux li hu perikoluż li l-ħażna kollha tal-pajjiż tkun f'lokal wieħed?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ma narax raġuni għaliex ir-rapport konnessjonat mal-Medigrain li qed issir riferenza għalih għandu jsir pubbliku meta wieħed jiftakar li dan fih ċertu dettalji li ma jkunx fl-interess kummerċjali tal-kumpanija li dan ikun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku in ġenerali.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fis-silos tal-Marsa ma sarx biss xogħol ta' żebgħa, iżda sar ukoll xogħol estensiv addizzjonali ma' dak tar-rapport li ma kienx jippermetti li l-makkinarju jitħaddem. Fl-aħħarnett ta' min jgħid li dan ix-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tal-Medigrain.
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex parti minn Vjal il-Ħaddiema, Rabat, issir one way billi t-traffiku li jkun niżel minn dik it-triq jiġi devjat għal Triq Għajn Qajjed u jkun evitat il-periklu li nħoloq għat-tfal u r-residenti tal-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed, wara li Triq G.B. Olivier saret one way?
Fid-dawl li dawn l-miżuri proposti huma ntiżi sabiex jiġi evitat kull skomdu u periklu fis-sistema tat-traffiku tar-Rabat, jista' l-Ministru jara li l-awtoritajiet konċernati jispezzjonaw inħawi oħra fir-Rabat li jistgħu jkun suġġett ta' l-istess problemi? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li s-sistema ta' one way fi Triq Borġ Olivier daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru, 2001 huwa kmieni wisq li wieħed jieħu deċiżjonijiet ulterjuri ta' immaniġjar ta' traffiku qabel ma jkun hemm assessment dettaljat tas-sistema u l-miżuri li jridu jittieħdu f'toroq oħra. Madanakollu, mhux eskluż li jkun hemm bżonn jittieħdu miżuri bħal dawk li msemmija mill-Onor. Interpellant.
B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 28221, jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li matul l-1997 il-frieħ tan-naħal naqsu b'90, u fl-1998 naqsu b'142 meta pparagunati mas-sena 1997?
Jista' jgħid ukoll kif imbagħad il-frieħ żdiedu b'40 fis-sena ta' wara u b'50 oħra fis-sena ta' wara?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema fis-sezzjoni sena b'sena bejn 1997 u 2001?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fl-1997, l-uffiċjal li kien jieħu ħsieb in-naħal kien ħareġ bis-sick leave. Effettivament wara ftit żmien kellu jidħol ukoll l-isptar fit-tul biex jiġi operat.
F'Ottubru 1998 ġie Malta Xjentist Amerikan taħt l-awspijaċi tal-F.A.O. flimkien ma' ieħor Ġermaniż. Reġa' kien impjegat konsulent li hu espert f'dan ix-xogħol. Tfassal programm ta' tliet snin fejn kien deċiż li għandha ssir selezzjoni ta' naħal Malti biex jitrawwem, u jitfaqqsu rġejjen bl-iskop li jingħataw:
a) b'xejn lil dawk li jiġi verifikat li mitilhom in-naħal bil-mard li jittieħed; u
b) b'bejgħ lil dawk li jridu jżidu jew jibdew irabbu n-naħal, bi prezz baxx.
L-impjegati f'din it-taqsima kienu hekk:
1997: 5 ħaddiema , fosthom xufier.
1998: 3 fil-bidu tas-sena u 4 fl-aħħar xahar tas-sena.
1999: 5
2000: 3
2001: 4 minn Awissu 'l hawn.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 26790, jista' l-Ministru jiċċekka l-faxes originali ta' l-offerti li rċeviet il-Medigrain kull meta ħarġet talba għall-offerti għal xirt ta' qamħ u jinvestiga jekk hux minnu li l-kumpanija li tefgħet l-offerta , kull meta rebħet l-offerta, kiene dejjem hi l-aħħar li tefgħet l-offerta qabel għalaq il-ħin?
Jekk jirriżulta li hu hekk, jista' jieħu l-passi meħtieġa sabiex pajjiżna ma jkomplix jingħata isem ħażin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-ipproċessar ta' l-offerti li jinħarġu mill-Medigrain isir dejjem fil-preżenza tal-Bord tad-Diretturi tal-Kumpanija, ta' rappreżentant ta' l-Uffiċċju ta' l-Awditur Ġenerali u ta' rappreżentant tat-Taqsima tal-Kuntratti tad-Dipartiment tat-Teżor.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-salarji taċ-chairman, id-deputy chairman u iċ-Chief Executive fil-Kordin Grain Terminal sal-aħħar tas-sena 1998? Kemm huma s-salarji din is-sena? Jista' jgħid kemm kienu s-salarji tac-chairman, deputy chairman u l-manager fil-Medigrain sa l-aħħar tas-sena 1998? Kemm huma dawn l-istess salarji din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' tunnellaġġ ta' qmuħ li ġew maħżuna fil-Kordin Grain Terminal mill-1 ta' Jannar 2000 sal-lum min kumpaniji barranin sabiex jintbgħat f'destinazzjoni oħra? Lil kemm-il kumpanija kien jappartjini?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Jannar tas-sena l-oħra u l-10 ta' Ottubru ta' din is-sena, 81,066,953 tunnellata ta' qmuħ inħattu u ġew maħżuna fil-Kordin Grain Terminal minn tnax-il klijenti barranin.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex fl-isteress ta' l-iżvilupp rurali tal-gzejjer tagħna li jitkompla l-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejjgħa li jinsab fil-gzejjer Maltin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għadha kif ingħatat tender biex jitkompla x-xogħol ta' tqegħid ta' box gabion f'Wied il-Qlejgħa. Ix-xogħol għandu jitlesta fi żmien sitt ġimgħat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li s-sena l-oħra huwa stess indaħal f' kuntrat purament kummerċjali sabiex eżenta l-levy fuq 250 tunnellata u stqarr li huwa għamel hekk minħabba l-bżonn li kien jeħtieġ it-tenderer li jissuplixxi l-ordni tal-patata fl-isptarijiet, din is-sena ma' approvax l-istess talba li saret għall-istess skop mit-tenderer li llum għandu fir-responsabilta tiegħu l-istess obbligi ta' dan il-kuntratt għall-isptarijiet u dan meta l-istess Ministru ħabbar li minn Jannar tas-sena d-dieħla se jibda jneħħi l-levy ta' protezzjoni għas-settur tal-Biedja?
Response (ZAMMIT, NINU)
Eżenzjoni tal-levy fuq patata importata biex tintuża fl-isptarijiet u istituzzjonijiet oħra tal-Gvern l-aħħar li ngħatat kien għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2000. Minn dak iż-żmien ’l hawn saru tliet talbiet oħra għal eżenzjoni mil-levy. Ebda wahda ma ntlaqgħet. Dawn kienu għall-perjodu minn Lulju sa Diċembru 2000, min Jannar sa Ġunju 2001 u minn Lulju sa Diċembru 2001.
Infakkar lill-Onor Interpellant fil-kritika qawwija li kien għamel kemm fil-Parlament kif ukoll fil-gazzetti kontra l-eżenzjoni tal-levies fuq il-patata. Ma nafx allura għaliex issa l-Onor Interpellant qed jikkritika l-fatt li ma ngħatatx l-eżenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid xi provi fuq produzzjoni agrikola organika saru fil-Farm esperimentali matul dawn l-aħħar tlett snin sena b' sena? X' riżutati inkisbu u x' rikomandazzjonijiet saru lill-bdiewa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma saru l-ebda provi fuq tkabbir ta' prodotti organċi fil-farm sperimentali ta' l-Għammieri, la f'dawn l-aħħar tliet snin u lanqas qabel.
Jista' l-Ministru jgħid x' ikkawża il-fawran tas-sistema tad-drenaġġ fil-Farm Esperimentali tal-Għammieri fl-1 ta' Ottubru 2001 u meta ġew rimedjati l-ħsarat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 28474.
Ninsab infurmat li wara li saret CCTV survey fil-main imsemmi, ġiet stabbilita fejn hi l-ħsara. Qegħdin isiru d-dokumenti neċessarji biex tkun tista' tinħareġ tender urġenti għal dan ix-xogħol.