B'referenza għat-tweġiba parlamentari nru 29209 dwar il-problema tas-sajjieda Għawdxin, jista' l-Ministru jinfurmani min informa lis-sajjieda Għawdxin bl-iżviluppi li seħħew min naħa tal-Gvern Malti?
Jista' l-Ministru jinfurmani meta saru il-laqgħat ta' kontinwazzjoni mal-kooperattivi tas-sajjieda u sajjieda Għawdxin dwar din is-sitwazzjoni?
Response (BORG, JOE)
Il-Ministeru tiegħi ma kellux kuntatt dirett mas-sajjieda Maltin jew Għawdxin dwar il-kwistjoni mis-sajjieda Tuneżini. Madanakollu, il-Ministru tiegħi bagħat ittra lill-Kooperattiva Nazzjonali tas-Sajd Limited, bi tweġiba għall-ittra li l-Kooperattiva bagħtitli dadata 26 ta` Ottubru 2001.
Dwar kuntatti li setgħu saru u rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nissuggerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob l-informazzjoni li jeħtieġ mingħand il-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk il-prezzijiet taż-żrieragħ u l-bexx għolewx b'mod ġustifikat matul dawn l-aħħar tliet snin? Jista' jispjega kif 1000 zerriegħa tal-bżar minn Lm 18.70 fl-1998 għoliet għall Lm 60.00 fil-2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha d-Diviżjoni għall-Kummerċ ma jirriżultax li saru ilmenti dwar il-preżżijiet taż-żrieragħ u l-bexx matul dawn l-aħħar tlitt snin.
Tajjeb jingħad li l-prezz taż-żerriegħa tal-bżar ivarja skond jekk tkunx żerriegħa li tinżera' fl-għelieqi jew jekk tinżergħax fis-serra, li f'dan il-każ hija ħafna aktar speċjalizzata.
Difatti dik li tinżera' fl-għelieqi bħalissa tiswa madwar Lm15 kull elf, skond il-kwalita', filwaqt li dik tas-serra tvarja bejn Lm46.40 u Lm75 kull elf, dejjem skond il-kwalita' tagħha. Minn dan għalhekk jidher li l-prezzijiet taż-żrieragħ tal-bżar jiddependi ħafna mit-tip ta' żerriegħa partikulari.
Jidher ukoll li minn informazzjoni li kisbet id-Diviżjoni għall-Kummerċ ma kienx hemm żidiet f'dawn il-prezzijiet matul l-aħħar sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqabdu jieħdu d-droga jew bil-pussess tagħha u rriżulta li kienu fil- jew mill-Mosta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel għaxar xhur ta` din is-sena, kien hemm 12-il persuna mill-Mosta li nqabdu mill-Pulizija b`konnessjoni mad-droga barra l-Mosta, filwaqt li kien hemm 5 persuni oħra li nqabdu fil-Mosta stess.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-allegazzjonijiet b'referenza għat-tieni ittra pubblika li kitbet il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fil ġurnal l-Orizzont nhar it-Tnejn 5 ta' Novembru 2001, u l-indikazzjoni dwar is-sitwazzjoni li qed isseħħ fil-każin nazjonalista tal-Mosta?
Jista' l-Ministru jinfurmani x'investigazzjonijiet saru mill-Pulizija fuq l-ewwel ittra ta' l-istess persuna kuraġġuża u li jixirqilha kull appoġġ fis-sehem sħiħ tagħha fil-ġlieda kontra droga fil-lokal tal-Mosta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Iskwadra ta` Kontra d-Droga tal-Pulizija kienet u ser tibqa` tagħti l-attenzjoni tagħha lil din il-lokalita`.
B'referenza għat-tweġiba parlamentari nru. 29175 u oħrajn simili u l-fatt li d-Dipartiment tal-Housing jagħmel xogħlijiet simili, jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra l-bżonn tar-residenti Mostin f'Ta Mliet u jikkunsidra mill-ġdid it-talba tiegħi f'isimhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 29175 f'Seduta Numru 632.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi dwar it-WTO, jista' l-Ministru jinfurmani bid-differenza fit-tariff quotas u special safeguard provistions for agriculture products? Dawn il-provedimenti ġodda fi ħdan il-WTO, daħlu flok il-kunċett tal-levy li kien hemm qabel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Onorevoli Ministru ta' l-Agrikoltura u Sajd għall-mistoqsija numru 27913.
Il-mekkaniżmu ta' Special Safeguard Measures ma japplikax fil-każ ta' Malta fejn is-settur agrikolu għadu suġġett għal-levies sinifikattivi imposti fuq il-prodotti agrikoli importati. Is-sistema ta' Special Safeguard Measures titħaddem appuntu fejn it-tariffi fuq l-importazzjoni jitniżżlu għal livell baxx ħafna, fil-waqt li minflokhom titħaddem kwota li tillimita l-importazzjoni.
B'referenza għat-tweġiba tal-Ministru fil-mistoqsija parlamentari 29200, jista' l-Ministru jgħid x'se tkun jinvolvi l-bdiewa is-sistema tal-producers organisation?
Jista' allura jikkunsidra mill-ġdid it-tweġiba tiegħu u dan fid-dawl li l-UE stess, filwaqt li tinkuragixxi l-producers organisation timponi wkoll kwoti, tariffi, dazji u taħt is-sistema tat-TARIC
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li s-sistema tal-Producers' Organisation (POs) hi mekkanizmu fl-interess ta' produtturi zgħar biex fl-interess tal-mestjier tagħhom, jibbenefikaw minn stabbilta' fil-prezzijiet, kwalita aħjar, u sostenibbilta fis-swieq tal-prodott tagħhom. Barra minnhekk, permezz tal-Producers Organisation il-produttur individwali jsaħħah u jtejjeb il-vuċi tiegħu.
M' hemm l-ebda rabta bejn il-POs u dak li l-Onor. Interpellant jiddeskrivi bhala kwoti, tariffi, dazji, eċċ.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew rapurtati lill-pulizija bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena? Kemm minnhom ġew solvuti u kemm tresqu persuni l-Qorti akkużati?
Response (BORG, TONIO)
Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fl-ewwel parti tal-Mistoqsija, għall-perijodu minn Jannar sa Settembru 2001; nirreferih għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 28142 u Nru. 28597.
Rigward in-numru u t-tipi ta` każi ta` serq irrapurtati lill-Pulizija matul Ottubru 2001, ninsab infurmat illi t-tagħrif hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi minn Jannar sa Ottubru 2001 in-numru ta` każi ta` serq solvuti kien ta` 235, filwaqt illi n-numru ta` persuni li tressqu l-Qorti fil-perijodu imsemmi kien ta` 147.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw permessi mill-Pulizija sabiex jgħixu fil-gżejjer tagħna? X'nazzjonalita għandhom u kemm minnhom huma taħt il-35 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-2001, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates ħareġ 149 permess ta` residenza (permanenti) sabiex barranin ikunu jistgħu joqogħdu hawn Malta. Dawn il-permessi jkopru 290 persuna li 70 minnhom huma taħt il-35 sena (44 minnhom fil-fatt huma tfal dipendenti taħt il-21 sena).
In-nazzjonalita` tagħhom hija kif jidher hawn taħt:
NAZZJONALITA`
NUMRU TA`
PERSUNI
Arġentina (Ċittadin mill-)
1
Awstraljana
3
Awstrijaka
7
Belġjana
3
Bulgara
1
Ċeka (Repubblika)
1
Ċiniża
25
Daniża
8
Eġizzjana
1
Filippina
1
Franċiża
7
Ġappuniża
1
Ġermaniża
11
Ġjorġja (Ċittadin mill-)
7
Ġordaniża
1
Ingliża
82
Jugoslava
3
Kanadiża
7
Libjana
1
Norveġiża
3
Olandiża
29
Pollakka
1
Portugiża
1
Russa
24
Stati Uniti ta` l-Amerika (Ċittadin ta`)
11
Slovakka
1
Svediża
7
Svizzera
15
Taljana
19
Ukrajna
7
Ungeriża
1
TOTAL
290
Jista' l-Ministru jinfurmani x'ikkawża l-għoli fil-prezz taż-żerriegħa tal-bżar ikkulurit li minn Lm 18.70 fl-1998 għola għal Lm 60.00 għall-istess kwalita' u kwantita ta' żerriegħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għalkemm din hi kwistjoni purament kummerċjali li tiddependi ħafna mill-kwalita', tip, oriġini u marġini ta' profitt għall-importatur u/jew bejjiegħ, u li fuqhom il-Ministeru tiegħi m'għandu l-ebda kontroll, minn investigazzjoni preliminari li għamlu uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ma jirriżultax li fil-fatt kien hemm din iż-żieda fil-prezz taż-żerriegħa msemmija.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu informazzjoni aktar dettaljata nitolbu jgħaddihieli biex inkun f'pozizzjoni li ninvestiga l-każ.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'ikkawża l-għoli fil-prezz taż-żerriegħa tal-pastard għall-Lm 42.00, u oħrajn minn Lm 16.50 għal Lm 20.00 u minn LM 9.05 għall-Lm 11.0? Kemm fil-fatt jirriżulta li kienu l-prezzijiet ta' dawn il-varjetajiet msemmija matul l-1999, l-2000 u l-2001?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija numru 29502.
Jista' l-Ministru jinvestiga kif qed jaffettwaw lill-bdiewa l-prezzijiet għoljin taż-żrieragħ u l-bexx? Kemm fil-fatt huwa kalkulat li għolew dawn il-prodotti matul dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura qatt ma żamm statistika dwar il-prezzijiet taż-żerriegħa jew tal-bexx li jvarjaw skond il-kwalita', tip, orġini u marġini ta' profitt ta' l-importatur u/jew bejjiegħ, kif ukoll fuq il-prezzijiet internazzjonali għall-istess prodotti.
Jista' l-Ministru b' referenza għas-sitwazzjoni li rriżultat matul dawn l-aħħar tlett snin cioe li ma ġie mplimentat ebda pjan bejn id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u tal-Edukazzjoni ta' prova fuq produzzjoni agrikola organika għall-istudenti tal-kulleġġ tal-biedja, jara li fl-estimi tas-sena ddieħla jkunu ivvutati flus sabiex jitwettaq pjan għat-taħriġ dwar dan il-għan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm il-ħsieb li titwaqqaf serra fejn l-istudenti se jitħarrġu fuq il-prattika ta' tkabbir tal-ħxejjex u fjuri b'sistema organika li tikkonforma mal-prinċipji u normi tal-'Malta Organic Agricultural Movement'.
Il-faċilitajiet tal-Kulleġġ ser jinfetħu għall-membri tal-'Malta Organic Agricultural Movement' sabiex il-pubbliku jista' jara dimostrazzjoni ta' kif jitmexxew sistemi organiċi fil-biedja.
Informat li t-tagħlim fuq biedja organika ġie ntrodott fis-'syllabus' għas-sena 2001-2002.
Jista' l-Ministru jgħid x' kienu raġunijiet taż-żidiet fis-salarji taċ-Chairman, Chief Executive, Deputy Chairman, General Manager li saru fil-Medigrain u l-Grain Terminal?
Kemm fil-fatt kien in-numru ta' ħaddiema fil-Grain Terminal u l-Medigrain qabel ma ngħataw dawn iż-żdied u issa wara li ngħataw dawn iż-żidied?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ż-żieda fis-salarji taċ-Chairman, Deputat Chairman u General Manager tal-kumpanija Medigrain ingħatat sabiex dawn jiġu in-line mal-kumplament ta' l-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt il-MIMCOL.
In-numru ta' ħaddiema fil-kumpanija msemmija, qabel ma' ingħatat din iż-żieda, kien ta' wieħed u għoxrin u llum dan in-numru naqas b'wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex persuni b'diżabilita li kienu jattendu l-iskola speċjali tal-Wardija u għalqu l-20 sena mhux jiġu aċċettati fiċ-Ċentri oħra bħal fil-każ ta' Targa Gap jew l-Imtarfa? Kemm fil-fatt huma numra ta' persuni/studenti b'diżabilita li jattendu fl-iskola tal-Wardija?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi d-domanda lill-Ministeru għall-Politika Soċjali responsabbli miċ-Ċentri ta' Taħriġ għall-Adulti b'Diżabilita`.
Informat li bħalissa hemm 53 student jattendu l-Iskola tal-Wardija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma n-numru ta' persuni b'diżabilita li jattendu ċ-ċentri f'Tarġa Gap, l-Imtarfa u oħrajn f'Malta u Għawdex separatament fil-mument?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi m'għandux Ċentru f'Tarġa Gap. Iċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi għandhom dan in-numru ta' persuni b'diżabilita' jattendu fihom:
ĊENTRU NUMRU TA' PERSUNI B'DIŻABILITA'
Mtarfa 83
Marsascala 74
Ħal Far 88
Santa Venera 33
Fleur de Lys 91
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li persuni b'diżabilita mentali qed jintbagħtu jirreġistraw għax-xogħol wara li jkunu spiċċaw mill-iskola tal-Wardija għaliex ikunu għalqu l-20 sena? X'inhija r-raġuni li dawn il-persuni qed jinqagħtalhom il-benefiċji ta' diżabilita meta kawża tad-diżabilita' mentali u fiżika mhux prattiku għalihom li jsiebu impjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskola tal-Wardija ma taqax taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-ewwel parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna tista' tirreġistra għax-xogħol jekk tkun laħqet l-eta' tax-xogħol u tkun disponibbli għall-impjieg. Għalhekk mhemm xejn li jipprekludi persuni b'diżabilita' li jirreġistraw għax-xogħol. Fl-istess waqt, il-pensjoni għad-diżabilita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali mhiex marbuta mar-reġistrar għax-xogħol. Għalhekk mhux ċar għaliex l-Onor. Interpellant qed jidher jorbot ir-reġistrar għax-xogħol mal-ħlas ta' din il-pensjoni.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-applikazzjonijiet tal-bdiewa, raħħala eċċ sabiex jiġu rikonoxxuti mid-Dipartiment ta' l-Artijiet għar-raba li jokkupaw? Meta se jiġu finaliżżati u meta se joħorġu skemi simili?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant l-Iskema għal Art Agrikola tal-Gvern, li għalqet fi Frar ta` din is-sena, kienet tipprovdi li jkun hemm proċess ta` 'public screening' ta` xahrejn għal kull lokalita`, li fih kull applikazzjoni li tkun saret taħt l-Iskema titqiegħed għall-iskrutinju tal-pubbliku permezz ta` pjanti u listi apposta li jitqiegħdu għall-wiri f`kull Kunsill Lokali. Dan biex min ikollu raġuni valida biex iressaq oġġezzjoni lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern, jkun jista` jagħmel dan fuq formoli apposta.
Minħabba n-numru kbir ta` applikazzjonijiet li saru taħt l-Iskema, it-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ħasbet biex il-proċess ta` public screening jitwettaq f`numru ta` stadji, fi gruppi ta` lokalitajiet, skond skeda maħruġa apposta u kopja ta` liema qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-fatt il-proċess ta` public screening għall-ewwel żewġ gruppi ta` lokalitajiet diġa` nfetaħ skond l-iskeda u, jekk ma jkunx hemm intoppi, it-tielet grupp mistenni jinfetaħ f`Diċembru li ġej.
Il-ħsieb tat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern huwa li, wara li jintemm il-proċess ta` public screening, ikun jista` jibda l-istadju, li fih kull applikazzjoni tiġi mistħarrġa sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux isir jew le kuntratt ta` kirja skond il-kundizzjonijiet stipulati fl-Iskema. Huwa f`dan l-istadju li jkunu jistgħu jibdew isiru l-kuntratti tal-kirja u l-ismijiet ta` l-applikanti jidħlu għand ir-Reġistru tal-Artijiet skond kif imħabbar fl-Iskema. Fil-fatt bħalissa qed tinbena t-tieni fażi ta` sistema kkompjuterizzata apposta li ser tgħin lit-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern fil-kuntratti ta` kirja.
Peress li dan il-proċess jinkludi l-ħtieġa ta` spezzjoni għal kull applikazzjoni li tkun saret mhux possibli għalissa li wieħed jagħti data ta` meta dawn ser ikunu iffinalizzati.
Kif kien imħabbar mal-ħruġ ta` din l-Iskema, m`hemm l-ebda ħsieb li jinħarġu skemi oħra simili.
Jista' l-Ministru jgħid min approva l-gradi ġodda u ż-żidiet fis-salarji tal-chairman u chief executive fil-Grain Terminal u l-Medigrain? X'kien r-raġunijiet? Kemm fil-fatt kienu ż-żidied tal-pagi/salarji tal-ħaddiema fl-istess perjodu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ħatriet ta' Chairman u General Manager fil-kumpanija Medigrain saru fuq deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi ta' l-istess kumpanija. Iż-żidiet fis-salarji u l-pagi tal-ħaddiema, matul l-istess perjodu, saru skond il-Ftehim Kollettiv u biex jikkumpensa xi żieda fil-għoli tal-ħajja.