Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-kumpaniji/agenziji/universitajiet eċċ barranin li użaw iċ-Ċentru Malti għat-taħriġ fix-Xjenzi tal-Ħut u tar-riċerka fir-reġjun tal-Mediterran matul dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-tagħrif mitlub hu dan:
1999
Il-kumpannija barranija Biomar.
Aquaculture Vaccines Ltd. (AVL)
SIPAM (Aġenzija tal-FAO)
COPEMED / FAO
Ghent University
2000
Aquaculture Vaccines Ltd. (AVL)
SIPAM (Aġenzija tal-FAO)
COPEMED / FAO
Le Geussant (Kumpannija)
University of Plymouth
Edexcel (Kumpannija)
2001
Aquaculture Vaccines Ltd. (AVL)
SIPAM (Aġenzija tal-FAO)
COPEMED / FAO
University of Plymouth
Edexcel
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-prodotti tal-Biedja li mistennija jsibu swieq ta' l-esportazzjoni fis-swieq ta' l-UE? X'preparazzjoni saret bejn id-dipartiment tal-Biedja u l-bdiewa u raħħala dwar dan l-għan matul dawn l-aħħar snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prodotti tal-biedja li jistgħu jiġu esportati kemm fi swieq ta' l-UE kif ukoll barra mill-UE, huma varji u jekk issirx esportazzjoni jew le, jiddependi ħafna minn fatturi kummerċjali fosthom prezzijiet, kemm fis-suq lokali kif ukoll fi swieq internazzjonali, iż-żmien ta' meta tilħaq il-produzzjoni, l-ispejjeż għat-trasport, għall-ippakkjar, reklamar, etċċ.
Ta' min jgħid li meta d-domanda lokali tkun tajba u għalhekk il-prezzijiet lokalment ikunu tajbin, il-bdiewa jippreferu jbiegħu l-prodotti tagħhom fis-suq lokali. Jeżistu iżda possibbiltajiet ta' esportazzjoni ta' prodotti agrikoli lokali bħal per eżempju patata, inbid Malti, etċċ. u l-Ministeru tiegħi lest li jagħti kull għajnuna, kemm teknika kif ukoll finanzjarja, lil dawk l-għaqdiet tal-bdiewa li jkunu lesti jesportaw il-prodotti agrikoli mkabbra lokalment dment li l-affarijiet isiru sew u l-interessi tal-bdiewa jkunu salvagwardati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa numru ta' ħaddiema li jiffurmaw u jmexxu l-Office of Review fi ħdan il-Ministeru tal-Biedja u Sajd? Kemm-il żjara għamlu barra l-pajjiż dawn il-membri u għal-liema għan?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Office of Review jikkonsisti mid-Direttur, Koordinatur dwar l-UE, Koordinatur għall-Customer Care, u Skrivana.
Saru żewġ żjarat barra minn Malta mid-Direttur. Waħda kienet żjara ta' studju fi Brussels, u l-oħra parteċipazzjoni f'laqgħa ta' OLAF.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-prodotti li ppruvaw jesportaw il-bdiewa sabiex isibu swieq ġodda? X'varjetajiet u x'kwantitajiet ġew esportati? Fiex fil-fatt intefqu l-Lm 10,000 li ingħataw lill-bdiewa għal dan il-għan u mill-liema vot ittieħdu dawn il-flus?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment tal-Biedja ma kellu l-ebda talba mingħand bdiewa għal xi forma ta' għajnuna biex jiġu esportati xi prodotti agrikoli lokali bl-eċċezzjoni ta' talba waħda għal għajnuna finanzjarja mingħand l-Malta Vines and Wines Association biex ikunu jistgħu jagħmlu kampanja promozzjonali għall-inbid prodott lokalment, u talba oħra għal għajnuna finanzjarja mingħand l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa biex tgħinhom fl-inizjattiva tagħhom biex jinstabu swieq għall-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli lokali. Ġiet approvata wkoll għajnuna finanzjarja lill-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa biex jinbena depot għall-prodott tal-bidwi ntiż jew għall-esportazzjoni jew għall-ipproċessar lokalment. Il-flus ittieħdu mill-voti ntiżi għal għajnuna lill-bdiewa.
B'referenza għall-urġenza tat-talba tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li tinsab quddiem l-PA, jista' l-Ministru jara l-possibilita' li tiġi approvata mmedjatament qabel isseħħ xi traġedja fir-residenza ta' din l-anzjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet l-applikazzjoni taħt Skema Z (Għajnuna għall-Xogħolijiet ta' Irranġar u Titjib f'Residenzi Privati) mingħand il-persuna ndikata fid-19 ta' Ottubru 2001. L-Awtorita' diġa' bagħtet il-perit biex jispezzjona l-post u l-persuna konċernata ser tiġi nfurmata liema xogħol ġie approvat.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar is-sitwazzjoni tal-bypass ta' l-Imtarfa u ċioe meta se jitkomplew ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq l-ewwel karreġjata issa tlesta' u mistenni li jibda x-xogħol għal bini ta' lqugħ tat-triq fuq in-naħa tal-wied biex ikun jista' jitkompla x-xogħol fuq it-tieni karreġjata.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li l-kontinwazzjoni tax-xogħlijiet fil-parti ta' Slampa f'Wied il-Qlejjqla qed jitkomplew issa meta xogħol kien inbeda qabel il-5 ta' Settembru 1998? Għaliex matul dan iż-żmien kolla ma tkomplewx ix-xogħolijiet? U għaliex qed isir fix-Xitwa meta setgħu saru fis-Sajf?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xogħol fuq il-ħajt li hemm fil-parti ta' Slampa f'Wied il-Qlejgħa kien inbeda f'Marzu 1998 u waqaf f'Ġunju 1998, minħabba li d-Dipartiment dakinhar ħass li l-periklu li kien hemm kien tneħħa u d-Dipartiment kellu prijoritajiet ferm importanti aktar mit-tkomplija ta' dan il-ħajt. Kien għalhekk li meta d-Dipartiment ra li dawn il-prijoritajiet kienu milħuqa ħa ħsieb biex jibda l-proċeduri ħalli tinħareġ tender biex ikun jista' jitkompla x-xogħol fuq dan il-ħajt. It-tender ingħatat fil-5 ta' Ottubru u x-xogħol beda fit-8 ta' Novembru, 2001.
Jista' l-Ministru jinvestiga x'inhi r-raġuni li studenti li rċevew l-istipendji s-sena l-oħra qed jiġu wkoll intaxxati mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Kemm fil-fatt kien in-numru ta' studenti li ġew intaxxati għaliex irċevew l-istipendji?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru mitlub jirreferi din id-domanda lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' l-Income Tax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tad-Dipartiment tas-Sajd sabiex jirranġa slipways f'Malta u Għawdex separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant li s'issa ntnefqu ma' l-Lm14,000 f'tiswijiet ta' slipways f'Malta u hemm allokata s-somma ta' Lm20,000 bħala tender, immarkata għat-tindif ta' l-Menqa ta' San Pawl il-Baħar. Tiswijiet ta' slipways f'Għawdex isiru mid-Dipartiment tal-Proġetti ta' Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda full-time separatament li din is-sena applikaw għas-sussidju ta' nofs il-bolla? Jista' jipprovdi l-aħħar 5 snin sena b'sena u preferibilment f'Malta u Għawdex separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dan il-Ministeru qatt ma żamm statistika separata ta' bdiewa, raħħala u sajjieda li jibbenefikaw mir-rifużjoni tal-kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali u ċ-ċifri tal-benefiċċjari dejjem kienu mogħtija b'mod globali. Fit-tabella jidher l-ammont ta' applikanti għal dawn l-aħħar ħames snin.
Sena Numru ta' applikanti
1996 1,181
1997 1,218
1998 1,109
1999 1,076
2000 1,184
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rapurtati lill-Pulizija din is-sena li seħħew f'Paceville? X'passi ittieħdu mill-pulizija? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' pulizija li jkunu stazzjonati matul il-ġimgħa u fil-weekends? Huwa possibli li l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija għall-aħħar 5 snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant bid-dettalji għal dawn l-aħħar ħames snin mhux disponibbli taħt forma ta` statistika.
Madankollu, matul din is-sena, ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-15 ta` Novembru 2001, il-Pulizija kellha 423 rapport ta` reati allegati li seħħew ġewwa Paċeville. Dawn kollha ġew investigati mill-Pulizija skond il-liġi u bħala riżultat ta` dawn l-investigazzjonijiet ġew solvuti 61 każ, inklużi dawk ta` żewġ hold ups u każ ieħor ta` feriti gravi segwiti b`mewt. Ninsab infurmat ukoll minbarra l-Pulizija li jkunu xogħol fl-Għassa ta` San Ġiljan, matul il-ġimgħa ikun hemm 2 pulizija patrol matul il-lejl ġewwa Paċeville, filwaqt li fil-weekends dan in-numru jitla` għal 12 jew aktar, jiddependi skond il-commitments li jkollha l-Pulizija.
Jista' l-Ministru jinfurmani hekk huwiex maħsub li fil-futur jiġi trasferit lura fil-faċilita ta' korrezzjoni f'Kordin iċ-ċentru ta' korrezzjoni li hemm fl-Imtaħleb ir-Rabat, Malta? Jekk iva, meta? Jekk le, għaliex?
Jista' l-Ministru jgħati breakdown ta' kemm huma n-numru ta' armi reġistrati mal-Pulizija f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-aħħar 10 snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23048. Ma` dan wieħed irid iżid ir-reġistrazzjoni ta` 1,356 oħra li saru minn dakinhar sal-lum.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta' applikazzjonijiet li ġew reġistrati ma' l-PA għall-iżvilupp tat-Tuna Pening matul dawn l-aħħar tlett snin sena b'sena u f'liema xhur u żmien tas-sena? Kemm minnhom ġew approvati, kemm jinsabu pendenti u kemm ġew rifjutati u/jew abbażi ta' reconsideration u/jew appell?
Response (BORG, TONIO)
F`dawn l-aħħar tlett snin ġew reġistrati 9 applikazzjonijiet għall-iżvilupp tat-tuna penning.
2 ġew reġistrati f`Diċembru 1998. Waħda ġiet approvata u l-oħra rtirata.
1 ġiet reġistrata f`Novembru 1999 u għadha pendenti.
1 ġiet reġistrata f`Marzu 2001 u ġiet approvata fl-istadju ta` rikonsiderazzjoni.
2 ġew reġistrati f`April 2001 u ġew approvati.
2 ġew reġistrati f`Mejju 2001 u ġew approvati.
1 ġiet reġistrata f`Ġunju 2001 u għadha pendenti.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-monitoring li qed isir fir-Rabat sabiex ikun analiżat l-impatt tas-sistema one way fi Triq G.Borg Olivier dwar r-Rabat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jaf li bis-sistema tal-one way il-ġdida ta` Triq Ġorg Borg Olivier ir-Rabat, żdied il-volum tat-traffiku fuq toroq oħra fiċ-ċentru tar-raħal.
Jidher iżda li ħafna mill-karozzi li qed jagħddu miċ-ċentru tar-raħal qed jagħmlu hekk bla bżonn meta jistgħu jużaw toroq oħra li għalkemm huma ftit itwal f`dik li hija distanza joffru alternattiva ta` rotta li hija iqsar fil-ħin.
Għaldaqstant il-Bord huwa tal-fehma li s-sistema l-ġdida għandha, għalissa, tibqa` kif inhi biex sewwieqa jidraw l-użu tat-toroq li jagħddu mill-periferiji ta` l-ibliet u l-irħula u mhux ta` dawk li jagħddu minn ġo nofshom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' ħaddiema fir-Rodent Section illum?
Kif inhuma mqassma u xi programm ta' kontroll jikkordinaw f'Malta u Għawdex separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista nhar it-28 ta' Ottubru 2001, fejn irriżulta li l-posizzjoni tal-Ministru tal-Biedja u Sajd tal-Gvern Nazzjonalista dwar il-qafas tal-Politika Laburista u l-protezzjoni tal-levies tal-biedja (li tirriżulta mill-istess qafas tal-politika laburista) hija differenti minn dik tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, jista' jispjega liema hija l-posizzjoni uffiċjali (cioe jekk hiex dik espressa mill-Partit fil-Gvern jew tal-Ministru?)
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni tal-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd hi kompatibbli ma' dik tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Tajjeb li jingħad ukoll li l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tkompli ġġib fix-xejn il-kritika distruttiva u tal-babaw ta' l-Oppożizzjoni Laburista.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru li se jiġu privatizzati? Kemm huwa numru ta' ħaddiema f'dawn id-dipartimenti u x'kundizzjonijiet qed jingħataw kemm il-darba dawn ikunu jridu jibqgħu jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?
Response (ZAMMIT, NINU)
M'hemm l-ebda ħsieb li xi dipartiment fil-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd ikun privatizzat. Madanakollu qed tkun kunsidrata l-possibbilta' ta' Public Private Partnership Agreement fir-rigward ta' inizjattivi ta' embellishment u landscaping.