Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' studenti mill-pajjiżi Għarab u Afrikani li tħarrġu fiċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Agrikultura Lokali matul dawn l-aħħar tliet snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jispeċifika għal liema "Ċentru Nazzjonali ta' l-Agrikoltura Lokali" qiegħed jirriferi, biex inkun f' pożizzjoni aħjar li nagħti t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jinfurmani matul dawn l-aħħar 3 snin kemm għamel żjarat il-Ministeru sabiex ikompli d-diskussjonijiet għall-iżviluppi li kienu ppjanati fil-protokoll ta' kooperazzjoni bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tal-Biedja u s-Sajd li kien sar f'Ġunju tal-1997?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li żar il-Libja uffiċjal għoli mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura bħala parti mill-Kummissjoni Mħallta Maltija - Libjana.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-applikanti li għandhom talba quddiem id-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali li qed jgħixu f'bini kkundannat, ġew mogħtija akkomodazzjoni alternattiva matul din is-sena?
Kemm fil-fatt huma numru tat-talbiet pendenti f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi hemm 301 applikazzjoni pendenti fuq bini kkundannat u li minn Jannar 2001, 17 minnhom ġew allokati.
UE — Special Safeguard Provision for Agriculture Products
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 29635 u cioe jista' l-Ministru jinfurmani x'inhuma l-539 special safeguard provision for agriculture products li l-UE għandha reġistrati mad-WTO sabiex tiproċedi l-Biedja tal-popli tal-pajjiżi membri?
Ma jħossx li fid-dawl ta' dan, ma jagħmilx sens li pajjiżna jneħħi l-ftit protezzjoni li għandu sabiex jiproteġġi s-settur tal-Biedja tal-gzejjer tagħna?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ewwel parti tal-mistoqsija tirreferi għal aspetti tekniċi li jappartjenu speċifikament għal qasam ta' l-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea u li tagħrif dwarhom huwa aċċessibbli permezz tal-web-site uffiċċjali ta' l-istess Unjoni Ewropea.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nixtieq nirreferi lil Onorevoli Interpellant għad-diversi dikjarazzjonijiet li għamel il-Gvern fejn diġa spjega kif is-sistema attwali ta' levies fuq prodotti agrikoli ser tiġi liberalizzata fuq medda ta' snin filwaqt li ser tiġi introdotta minflokha sistema ta' għajnuna finanzjarja speċifikament għas-settur tal-biedja. Dan sabiex tikber il-produttivita' u l-effiċjenza f'dan l-istess settur.
Dan tħabbar ukoll fid-diskors tal-budget filwaqt li ingħata bidu għal sensiela ta' laqgħat mal-partijiet konċernati sabiex is-sistema proposta tiġi żviluppata fid-dettal meħtieġ.
Il-ħtieġa għal dan it-tip ta' tibdil, jiġifieri it-transizzjoni minn sistema statika ta' protezzjoni ibbażata fuq levies projbittivi għal waħda dinamika iffukata fuq għajnuna għar-ristrutturazzjoni, toħroġ ukoll mid-deliberazzjonijiet l-aktar riċenti tal-World Trade Organisation. Id-dikjarazzjoni maqbula mill-pajjiżi kollha membri ta' din l-Organizzazzjoni, maħruġa fl-aħħar tal-konferenza li saret dan l-aħħar fil-Qatar, tistabbilixxi b'mod l-aktar ċar li anke s-settur ta' l-agrikoltura irid jiġi liberalizzat. Minn dan l-aspett, hija għal kollox insostenibbli il-pożizzjoni li s-sistema preżenti ta' levies għolja fuq bosta prodotti agrikoli tista' tibqa titħaddem anke fil-futur.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-domanda parlamentari nru. 29637 u cioe jista' l-Ministru jinfurmani x'inhuma l-87 Tariff Quotas li l-UE għandha reġistrati mad-WTO sabiex tipproteġġi prodotti partikulari li jipproduċu l-bdiewa u raħħala tal-pajjiżi membri?
Ma jħossx il-Ministru li fid-dawl ta' dawn is-sistemi ma jagħmilx sens li l-Gvern Malti jċedi l-protezzjoni żgħira li għandu sabiex jipproteġġi s-settur tal-Biedja tal-gżejjer tagħna u dan meta l-biedja hija l-garanzija tal-provista ta' l-ikel frisk tal-poplu tagħna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija ta' qabel.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 29634 u cioe jista' l-Ministru jgħid min kien ir-rappreżentant ta' pajjiżna fil-Qatar WTO Trade meeting li sar f'Novembru ta' din is-sena?
X'Kienu t-talbiet li għamel il-gvern Malti lill-WTO sabiex jiproteġġi l-interessi tal-poplu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Id-delegazzjoni Maltija għall-konferenza ministerjali riċenti tal-World Trade Organisation li nżammet fil-Qatar kienet immexxija minni bħala Ministru responsabbli mill-kummerċ u kienet tinkludi lis-Sur Paul Zahra bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Servizzi Ekonimiċi, lis-Sur Pierre Clive Agius bħala uffiċjal mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fil-missjoni permanenti ta' Malta f'Ginevra u lis-Sur Ray Cachia Zammit bħala Assistent Personali tiegħi.
Il-pożizzjoni adottata minn Malta f'din il-konferenza kienet waħda li tisħaq fuq l-importanza ewlenija tal-kummerċ internazzjonali għall-iżvilupp ta' pajjiżna u għalhekk tirrikonoxxi l-validita' ta' provvedimenti li jwasslu għal aktar liberalizazzjoni fil-kummerċ internazzjonali. Dan iżda, filwaqt li Malta tagħraf ukoll il-ħtieġa li fil-qasam agrikolu tingħata kunsiderazzjoni partikulari u xierqa għall-importanza li dan il-qasam għandu f'kuntest iktar wiesgħa minn dak purament ekonomiku. L-andament tas-settur agrikolu għandu mportanza kbira għal dak li għandu x'jaqsam mal-bżonnijiet speċifiċi tal-komunitajiet rurali u għal ħarsien ta' l-ambjent f'dawn l-istess żoni. Għal dawn ir-raġunijiet jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikulari lis-settur agrikolu, inkluż il-kunsiderazzjoni ta' forom ta' assistenza fejn dan huwa meħtieġ.
Effettivament, id-dikjarazzjoni finali maqbula bejn il-pajjiżi kollha membri tal-World Trade Organisation, irrikonoxxiet il-validita' ta' dawn id-dikjarazzjonijiet. Taħt l-isem ta' "non-trade concerns", qed jiġi stabbilit li tista' tiġi kkunsidrata għajnuna lis-settur agrikolu, kemm għal raġunijiet soċjali u kulturali, kif ukoll dawk ambjentali. Din il-pożizzjoni ser tifforma parti integrali min-negozjati multilaterali li mistennija jinfetħu fil-futur qrib mill-World Trade Organisation bil-għan li jitfassal pjan dettaljat għal-liberalizazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fil-qasam tal-prodotti agrikoli.
Jista' l-Ministru b'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 29838 peress li l-By pass ta' San Pawl il-Baħar qed tiddeterjora minħabba li matul dawn l-aħħar tliet snin ma saret ebda manutenzjoni, jinvestiga s-sitwazzjoni u jara li jsir pjan immedjat sabiex jibdew ix-xogħolijiet?
Jekk fl-affermatttiv meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pjan diġa' sar u ġie ppubblikat fil-Master Plan għar-restawr tat-toroq arterjali.
Xogħol ta' manutenzjoni fit-triq isir minn żmien għal żmien sabiex kemm jista' jkun it-triq tinżamm operabbli mal grado il-ħsarat li jiżviluppaw fiha minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru b'referenza għall-PQ 29831 jikkunsidra li jżid in-numru ta' pulizija sabiex ikun hemm aktar kontroll partikolarment fil-ħinijiet li qed ikun qed jiffrekwentaw żgħażagħ u studenti taħt it-18 il-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa` qed tieħu ħsieb, sabiex ikun hemm preżenza ta` Pulizija fl-inħawi ta` Paċeville, anki l-Ħadd wara nofsinhar.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk kienx hemm diskussjonijiet ta' kooperazzjoni fl-oqsma ta' l-Agrikoltura bejn Malta u New Zealand matul dawn l-aħħar tlett snin?
Jekk iva x'kienu u fliema stadju waslu?
Jekk le jista' jikkunsidra li jibdew?
Jekk fl-affermattiv meta?
Response (BORG, JOE)
Peress li d-diskussjonijiet li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Membru jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd, nitlob li l-Mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset levy fuq l-importazzjoni tal-laħam abjad sena b'sena matul dawn l-aħħar 5 snin? Liema varjeta ta' laħam abjad fil-fatt tħallset il-levy?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 29757 u cioe jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' ħaddiema fir-Rodent Section illum?
Kif inhuma mqassma u xi programm ta' kontroll jikkordinaw f'Malta u Għawdex separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed nirrispondi l-Mistoqsija Parlamentari Numru 29757 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-ambjent u ġiet riferuta lili. Ninsab infurmat li s-Sezzjoni tal-Pest Control ġewwa Malta, tħaddan fiha 28 impjegat mqassma kif indikat hawn taħt:
Team 'A'
Team 'B'
Team 'Ċ
'
1 Supervisor
1 Supervisor
1 General Hand
4 General Hand
5 General Hand
1 Operative
2 Operative
1 Handyman
1 Operational Support Worker
1 Operative
Il-programm attwat minn dawn it-tlitt timijiet bħalissa huwa kif ġej:
Team 'A' u 'B' jagħmlu xogħol ta` tqegħid ta` velenu regolari fis-sistema tad-drenaġġ u f'postijiet fil-miftuħ (għelieqi), fl-irħula li jinsabu fin-naħa ċentrali w n-naħa t'isfel ta` Malta, kif indikat lilhom mis-Supervisor.
Team 'Ċ' jagħmel l-istess xogħol fin-naħa ta` fuq ta` Malta. Fir-rigward tal-Mellieħa w l-madwar, dan jintlaħaq mit-tlitt timijiet kollha f'daqqa.
Jeżisti team ieħor responsabbli mit-taħlit u t-tqassim ta` velenu, stazzjonati Ħal-Luqa. Minn hawnhekk ukoll joħorġu ħaddiema biex jattendu għall-ilmenti rrapurtati mill-pubbliku 'n ġenerali. Dan it-team huwa mqassam hekk:
1 Supervisor
4 General Hand
1 Messenger
2 Labourer (impressed)
Dan kollu jiġi kkordinat minn Envionmental Officer u l-ajjutant tieghu.
Ġewwa Għawdex, is-sezzjoni tal-Pest Control, tħaddan fiha 8 ħaddiema illi huma:
1 Supervisor
3 General Hands
3 HealthAttendants 'B'
1 Tradesman
Peress li tali sezzjoni taqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Customer Services Department tal-Ministeru għal Għawdex nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija dwar xi proċess li qiegħed jiġi kkordinat, tiġi rreferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħa sa issa d-Dipartiment tas-Sajd sabiex jiddefendi d-diffikultajiet u l-iżvantaġġi li qed ikunuu suġġetti għalihom is-sajjieda Maltin u Għawdxin li jistadu għat-tonn u l-pixxispad?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirriferi għax-xogħol lid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura kien beda fl-aħħar laqgħa tal-GFCM f'Ischia fejn ġiet proposta żona fil-lbiċ ta' Malta għal sajd tat-tonn bil-knuz. Din il-proposta kienet ġiet amalgamata ma' proposta oħra mressqa mill-Ġappun u mgħoddija lill-grupp GFCM / ICCAT working group biex tkun studjata, x'aktarx f'April li ġej waqt laqgħa li għandha ssir f'Malta.
>
> Il-problema l-kbira dwar il-pixxispad hi l-kwantita' ta' pixxispad żgħir li qiegħed jinqabad. Internazzjonalment, huwa kkunsidrat li kull pixxispad taħt 125 ċentimetru tul jew 19 -il kilo piż hu żgħir. S'issa għadha ma nstabitx is-sistema teknika biex jitnaqqas il-qbid tal-pixxispad taħt dan id-daqs (125ċm). Dan il-qbid qed jipperikola s-sostennibbilta ta' dan is-sajd.
Jista' l-Ministru jaggornani dwar l-iżvilupp li kelli d-Dipartiment tas-Sajd ma' l-Awtoritajiet Tuneżini dwar il-kwistjoni tas-sajd fl-istaġun tal-lampuki? Ma' min qed isiru l-laqgħa u x'konsultazzjonijiet saru mill-G.F.C.M. dwar il-każ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li minn meta saru l-komunikazzjonijiet diplomatici u wara l-mawra tal-Prim Ministru Dr Eddie Fenech Adami fit-Tunisia l-każi ta' l-inċidenti fuq il-kannizzati tal-lampuki naqsu u ma kien hemm l-ebda rapport ieħor minn naħa tas-sajjieda Għawdxin/Maltin. Il-kuntatti li kien hemm dwar il-possibbilta' ta' skambju tekniku biex forsi tiġi evitata l-problema fil-futur kienu bejn l-MCFS (Malta Centre for Fisheries Sciences) u l-INSTM (Institut National des Sciences et Technologies de la Mer). Id-Direttur tas-Sajd u Akwakultura wkoll iltaqgħa ma' Dr Amor El Abed li huwa d-Direttur ta' l-INSTM. Fil-preżent jeżisti proġett tekniku xjentifiku taħt il-kappa tal-COPEMED dwar is-sajd tal-lampuki li jinvolvi lil Malta, lil Tuneż, lil Sqallija u lil Baleari.
Il-GFCM tinvolvi ruħha f'suġġerimenti għal sistemi ta' immaniġġjar tas-sajd fil-Mediterran. Ma tidħolx fi problemi bilaterali bejn pajjiżi, speċjalment meta l-problema tkun qed tiġi diskussa bejn dawn iż-żewġ pajjiżi f'livell diplomatiku.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-proġett tal-venda ġdida għall-Qawra, Buġibba u San Pawl il-Baħar matul dawn l-aħħar tliet snin? X'inhija s-sitwazzjoni illum? Jista' jara li l-proġett jinbeda s-sena li ġejja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ewwel applikazzjoni lill-Planning Authority saret fil-21 ta` Marzu 1997. Minn din id-data kien hemm korrispondenza kontinwa għaddejja bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku u l-Planning Authority.
B'ittra mill-Planning Authority datata 17 ta` Jannar ta` din is-sena, l-Awtorita` ġiet infurmata li b'deċiżjoni meħuda mid-Development Control Board ta' l-istess Planning Authority li l-applikazzjoni ġiet sospiża waqt li fl-istess ħin l-Awtorita' intalbet tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha. Dawn is-sottomissjonijiet saru b'ittra datata 23 ta' Frar ta' din is-sena.
B'ittra li rċevit l-Awtorita` u li ġġib id-data ta' 2 ta` Awissu, ta' din is-sena hija ġiet infurmata li l-applikazzjoni ġiet irrifjutata u ngħatata lura parti mis-somma li tħallset ma' l-applikazzjoni oriġinali.
Madanakollu l-Public Transport Authority ser tkompli tinsisti li f'Buġibba tinbena venda ġdida.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien n-numru ta' tilwimiet industrijali li ġew reġistrati mit-trade unions bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena? Kemm minnhom għadhom pendenti u liema huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena, d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg ġie notifikat b' 87-il tilwima ndistrijali.
9 minn dawn għadhom pendenti. Dawn huma:
Enemalta Corporation vs Enemalta Professional Officers Union
Seifart MTM Systems (M) Ltd. vs GWU
Corinthia Caterers vs GWU
Union Gradwati maltacom vs Maltacom plc
Malta International Airport vs UĦM
Public Transport Authority vs UĦM
Sedqa vs UĦM
SWDP vs UĦM
Enemalta Corporation vs UĦM
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trabi li twieldu f'Malta u Għawdex separatament bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena? Matul l-istess perijodu kemm kien in-numru ta' tfal li ntbgħatu barra minn Malta għall-kura?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni li għandha d-Diviżjoni tas-Saħħa hija kif ġej:-
Xhur
Tinkludi
Twelid
Jannar-Lulju 2001
Sptarijiet kollha pubbliċi u privati f'Malta
2107
Jannar-Lulju 2001
Sptar Ġenerali t'Għawdex
187
Awwissu-Ottubru 2001
Sptar San Luqa
836
Awwissu-Ottubru 2001
Sptar Ġenerali t'Għawdex
72
Jannar-Ottubru 2001
Total sa issa
3202
Id-Diviżjoni tas-Saħħa ma jkollhiex informazzjoni dwar twelid fid-djar u għaldaqstant il-figura tar-Reġistru Pubbliku tista` tkun differenti.
Bejn Jannar u Ottubru 2001, intbagħtu 106 tfal (mit-twelid sa 14-il sena) għal kura barra minn Malta.