Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-prodotti ta' l-ikel u tal-materja prima l-UE timponi tariff quota fuqhom meta jiġu mportati lejn il-pajjiżi membri ta' l-UE mill-New Zealand? X'kundizzjonijiet ta' kwoti u tariffi għandhom dawn il-prodotti, prodott prodott?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li tneħħa s-segretarju permanenti tal-ministeru u ddaħħal ieħor ġdid floku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-ħatriet ta’ Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi jsiru skond l-esiġenza tas-Servizz.
Peress li (a) is-Segretarju Permanenti ta’ l-Agrikoltura kien ilu tliet xhur ma jidħol għax-xogħol minħabba raġunijiet ta’ saħħa; (b) kien wasal biex jirtira fl-aħħar ta’ Marzu 2002, u (ċ) l-programm ta’ xogħol li hemm x’isir f’dan il-Ministeru huwa vast, inħatar Segretarju Permanenti ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid meta fil-fatt skond il-kuntratt eżiżtenti kellu jtemm il-kariga s-segretarju preċedenti tal-Ministeru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-kuntratt li kellu is-Segretarju Permanenti preċedenti fil-Ministeru ta’ l-Agrikoltura u s-Sajd kien jintemm meta l-uffiċjal jirtira fl-aħħar ta’ Marzu 2002.
Jista' l-Ministru jgħid minn fil-fatt approva t-tneħħija ta' l-Ex-segretarju permanenti tal-Ministeru u b'seħħ minn meta ġie nfurmat uffiċjalment l-persuna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Uffiċjal pubbliku jista’ jitneħħa mill-kariga ta’ Segretarju Permanenti skond il-provedimenti tal-paragrafu 92(3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
L-uffiċjal involut ġie infurmat uffiċjalment nhar it-Tnejn, 8 ta’ Ottubru 2001 mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kienu ser isiru arranġamenti għall-ħatra ta’ Segretarju Permanenti ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern se jneħħi l-protezzjoni għas-settur tal-biedja lokali bejn Malta u l-UE u l-UE le? Jista' jgħid għaliex l-UE se tkompli issostni l-protezzjoni tagħha għall-biedja tal-pajjiżi membri meta l-Gvern Malti se jneħħi l-protezzjoni tiegħu sabiex jakkomoda lill-istess UE u ċioe minħabba l-applikazzjoni tas-sħubija sħiħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li l-fatti m'humiex kif qed jinterpretahom. Il-protezzjoni li għandna għas-settur tal-biedja fil-kwadru tar-regoli tat-WTO se tibqa' kif inhi. L-unika bidla fil-mument hi li nħejju rwieħna, gradwalment, mingħajr skossi u bil-prudenza, għall-integrazzjoni fis-suq intern ta' l-Unjoni Ewropea meta nissieħbu ma' l-Unjoni Ewropea. Dan jieħu numru ta' snin u fl-istess waqt il-biedja tagħna se tibbenefika minn skemi kif tħabbar fil-Budget.
Issa li l-Gvern ħabbar fil-Budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li parti mill-flus ivvutati għal dan il-għan jmorru sabiex isir l-embellishment meħtieġ tal-qasam tad-djar ta' Pannellu l-Mellieħa? Fid-dawl li matul dawn l-aħħar 8 snin il-kunsill lokali tal-Mellieħa ħalla l-embelishment f'dawn l-inħawi abbandunat u hekk se jkompli jagħmel minħabba li għandu djun kbar, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza dawn ix-xogħolijiet ta' l-embellishment fil-Qasam tad-djar ta' ta' Pannellu l-Mellieħa immedjatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30042.
Jista' l-Ministru jgħid peress li triq li jużaw il-bdiewa fl-inħawi ta' ġebel inbark l-irdum tal-Qammiegħ fil-Mellieħa hija mudlama u qed tikkawża diffikultaijiet peress li issa qed jidlam kmieni, jista' jara li tiġi installata bozza ġdida ħalli jkun evitat kull perikolu għall-istess bdiewa? Jekk fl-affermattiv mela?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.
Peress li triq li jużaw il-bdiewa li tagħti għall-irdum il-qawwi fl-aħrax tal-Mellieħa tinsab fi stat ħażin u qed tikkawża inkonvenjent kbir għall-istess bdiewa, jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jippreżenta pjanta lit-Taqsima ta' l-Agrikoltura u Żvilupp Rurali biex jispeċifika liema triq jixtieq li tiġi rranġata biex tkun tista' tiġi kkunsidrata mal-lista ta' talbiet għat-tiswija ta' toroq tal-bdiewa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tilfu l-benefiċċji soċjali ta' l-SKA matul l-aħħar 5 snin sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' persuni li għal xi raġuni jew oħra twaqqfitilhom l-Għajnuna għall-Mard kien hekk:
a) 1997 - 930
b) 1998 - 1033
c) 1999 - 1068
d) 2000 - 1600
e) 2001 - 1205 (bejn Jannar u Ottubru)
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-familja residenti fl-indirizz li qed jintbgħat separatament qed tiġi infurmata li mhux possibli li tixtri l-appartament tagħha minħabba problemi fuq it-titolu ta' l-art, imbagħad fl-istess block hemm familja li xtrat l-appartment li d-dettalji qed jintbagħtu separatament b'arranġamenti ma l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qabel ma tbiegħ xi proprjeta' tal-Gvern lill-inkwilini rikonoxxuti, l-Awtorita' tad-Djar titlob il-permess meħtieġ mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Ninsab infurmat li fil-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fejn sar il-bejgħ, f'Diċembru 1992, l-imsemmi Dipartiment kien informa lill-Awtorita' li setgħet tmexxi bil-bejgħ ta' l-appartament. Sussegwentement ġie ppubblikat l-Avviż Legali li juri l l-appartament ġie trasferit lill-Awtorita".
Fil-każ l-ieħor fejn ma sarx il-bejgħ, id-Dipartiment ta' l-Artijiet informa lill-Awtorita' li l-appartament in kwistjoni kien mibni fuq art li tappartjenti lil fondazzjoni reliġjuża u għalhekk, sakemm jiġi stabbilit jekk il-Gvern hux is-sid jew hux biss amministratur ta' dik l-art, ma kienx rakkomandat li bini fuq dik l-art jinbiegħ. Għaldaqstant il-bejgħ ta' dan l-appartament ma setgħax isir.
Jista' l-Ministru jara li jkun hemm dawl adegwat fi Sqaq A/1 MRUZ Triq San Franġisk, ir-Rabat peress li fil-preżent hemm ħafna dlam li kien kaġun ta' diversi waqgħat ta' anzjana ta' 82 sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Issa li l-Gvern ħabbar fil-budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li mill-flus ivvutati jsir il-ġnien fil-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed ir-Rabat li l-Gvern preċedenti kien se jikkordina bejn id-Dipartiment tal-Urban and Rural Landscaping, Dipartiment tal-housing u l-kunsill lokali tar-Rabat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixxi l-Onor.Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri konċernati. Minn naħa tiegħi lest li nikkonsidra is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant, meta r-riżorsi meħtieġa jiġu ipprovduti u jkun hemm talba uffiċjali mill-Kunsil Lokali konċernat.
Fid-dawl li huwa nnotat b'sodisfazzjon li matul din is-sena il-Ministeru tiegħek wettaq ix-xogħolijiet mitluba f'mistoqsijiet li jiena kont ili nagħmel għal dawn l-aħħar tlett snin sabiex jiġu stallati l-arbli tad-dawl u l-bżonn fit-triq tal-Baħrija, issa li ġew approvati l-estimi tal-budget, jista' l-Ministru jara li xogħolijiet sabiex tinxtgħal fit-Triq tal-Baħrija kollha jsir matul is-sena d-dieħla?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Issa li l-Gvern ħabbar fil-Budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li parti mill-flus ivvutati għal dan il-għan jmorru sabiex isir l-embellishment meħtieġ tal-qasam tad-djar ta' Mlit il-Mosta? Fid-dawl li matul dawn l-aħħar 8 snin il-kunsill lokali tal-Mosta ħalla l-embelishment f'dawn l-inħawi abbandunat u hekk se jkompli jagħmel minħabba li għandu djun kbar, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza dawn ix-xogħolijiet ta' l-embellishment fil-Qasam tad-djar ta' Mlit il-Mosta immedjatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Issa li l-Gvern ħabbar fil-Budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li parti mill-flus ivvutati għal dan il-għan jmorru sabiex isir l-embellishment meħtieġ tal-qasam tad-djar ta' Zokkrija il-Mosta? Fid-dawl li matul dawn l-aħħar 8 snin il-kunsill lokali tal-Mosta ħalla l-embelishment f'dawn l-inħawi abbandunat u hekk se jkompli jagħmel minħabba li għandu djun kbar, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza dawn ix-xogħolijiet ta' l-embellishment fil-Qasam tad-djar ta' Zokkrija il-Mosta immedjatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30042.
Fid-dawl li huwa nnotat b'sodisfazzjon li saru xogħolijiet fil-parti mudlama ta' bejn Għajn Qajjed u d-daħla ta' l-Imtarfa sabiex tinxtel din il-parti tat-triq, jista' l-Ministru ġentilment japprova wkoll it-talba pendenti tiegħu sabiex ma jibqgħax mudlama l-By pass ta' l-Imtarfa, Vjal il-Ħaddiem ir-Rabat u Dingli road?
Jista' l-Ministru jara li fi Vjal il-Ħaddiem li hija triq residenzjali jitpoġġew fanali jew xi forma ta' dawl li jkun kompatibbli ma l-embellishment ta' l-street lighting f'din it-triq residenzjali u llum traffikuża ħafna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-talbiet biex jiddawwlu t-toroq imsemmija qed jiġu kkunsidrati flimkien ma' talbiet simili oħra.
Issa li l-Gvern ħabbar fil-Budget li se jsir landscaping aħjar tal-paesaġġ, jista' l-Ministru jara li parti mill-flus ivvutati għal dan il-għan jmorru sabiex isir l-embellishment meħtieġ tal-qasam tad-djar ta' Santa Margherita il-Mosta? Fid-dawl li matul dawn l-aħħar 8 snin il-kunsill lokali tal-Mosta ħalla l-embelishment f'dawn l-inħawi abbandunat u hekk se jkompli jagħmel minħabba li għandu djun kbar, jista' l-Ministru ġentilment jawtorizza dawn ix-xogħolijiet ta' l-embellishment fil-Qasam tad-djar ta' Santa Margherita il-Mosta immedjatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30042.
Jista' l-Ministru jgħid bir-regoli l-ġodda tas-sajd maħruġa skond l-Att 2/2001, f'każ li l-persuna li f'isimha toħroġ il-liċenzja ma tkunx ċittadini Malti għalkemm din tkun residenti f'Malta, din il-liċenzja tingħata xorta lis-sajjieda barranin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ir-regoli l-ġodda li jirriżultaw minn Kapitlu 425 għadhom qed jiġu diskussi mal-partijiet interessati fi ħdan il-Fisheries Board u għalhekk huwa prematur li nagħti xi kummenti.