Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #30991 Sitting 713 2002-03-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Raba fil-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi trattata l-problema u ċ-ċirkustanza tal-persuna li d-dettalji tal-file tagħha qed jintbagħat separatament sabiex ikun jista' jkompli jaħdem ir-raba fil-Mellieħa li hija frott ta' l-antenati tal-familja tiegfħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant saret fis-16 ta` Jannar 2002 u tirrigwardja biċċa art li tifforma parti minn art akbar li hija mogħtija b`ċens temporanju lil terzi persuni. Għalhekk it-talba tal-applikant ma tistax tiġi ikkunsidrata.
Leg 9 PQ #30912 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' konsulenti li għandu l-Ministeru u D-Dipartimenti tas-Sajd, Biedja u Akwakultura għall-matul din is-sena? X'qasam jirrapreżentaw u xi rwol ta' konsulenza għandhom f'kull dipartiment separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fil-preżent il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd kif ukoll id-Dipartimenti li jaqgħu taħtu għandhom tmien konsulenti. Tnejn minn dawn għad irid jiġġeddilhom il-kuntratt. Konsulenza tingħata fil-qasam tal-biedja, apikultura, sajd u akwakultura.

Landscaping

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija s-somma ivvutata għall-proġetti tal-landscaping imħabbra fl-estimi tal-budget għas-sena 2002?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż għal-'landscaping' jitħallsu mid-diversi voti tal-proġett relattiv.
Leg 9 PQ #30920 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-ristrutturar li jridu jwettqu il-bejjiegħa tal-ħaxix matul t-2002 u t-2008? Kemm jiswa f'ċifra ta' flus? Kemm se jkun f'ċifra ta' flus l-għajnuna li l-UE se tagħti għal dan ir-ristrutturar?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirriferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 30522, liema mistoqsija ġiet imwieġba fis-seduta numru 675 fid-19 ta' Diċembru 2001, daqs xahar ilu!
Leg 9 PQ #30921 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Progress Report

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl li f'paġna 43 tal-progress report dwar Malta l-UE iddikjarat li l-Gvern Malti fejn jidħol l-iżvilupp rurali la għandu strateġija u lanqas kapaċita amministrattiva, jista' l-Ministru jikkunsidra li jwaqqaf Kumitat Nazzjonali għar-rijabilitazzjoni tal-kampanja?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha strateġija dikjarata, trasparenti, ċara u dettaljata dwar l-iżvilupp rurali permezz tal-Pjan ta' Struttura li jindika żoni għal żvilupp rurali fejn hemm gwidi stretti.
Leg 9 PQ #30923 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari nru. 30571 u l-progress li sar dwar il-ħsarat rapurtati fi Flat 5 blk 2, Għeriexem HE, Rabat

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-mistoqsija tirriferi għall-ħsarat fi Flat 5 Blk 2, Għeriexem H.E., Rabat. Din ma għandha x'taqsam xejn mas-settur tal-Biedja. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant għandu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #30931 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE — Special Safeguards

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30525, jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-UE għandiex reġistrati mad-WTO 539 special safeguards? Jekk iva, fiex jikkonsistu dawn l-special safeguards u liema prodotti tal-Biedja u ta' l-ikel jikkonċernaw?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Unjoni Ewropea għandha 539 special safeguards reġistrati ma' l-Organizzazzjoni Dinija tal-Kummerċ (WTO). Kif diġa' kelli okkażjoni nispjega fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 30525 l-ispecial safeguards huma mekkaniżmu supplimentari għas-sistema ta' tariff quotas u huma intiżi bħala miżura ta' kontingenza biex jintużaw biss f'ċirkostanzi speċjali. Fil-prattika, dawn il-miżuri, ftit li xejn intużaw, la mill-Unjoni Ewropea u lanqas minn pajjiżi oħra. Informazzjoni dettaljata dwar il-materja ta' l-ispecial safeguards hija aċċessibbli permezz tal-web site uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #30873 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Prezz Medju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju ta' kilo tadam, pastard, kaboċċi, basal, ġdur, karrotti u patata fil-pitkalija għax-xaħar ta' Novembru u Diċembru 2001 separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-prezz medju għall-prodotti mitluba mill-Onor Interpellant hu kif jidher hawn taħt: Novembru 2001 Decembru 2001 Tadam 15c25 27c64 Pastard 20c8 13c06 Kaboċċi 20c9 22c53 Basal 31c11 34c1 Karrotti 34c08 43c83 Patata 18c49 20c53 Ġdur 13c29 14c74
Leg 9 PQ #30883 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Marsa Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ħsarat kawżati fil-Power Station tal-Marsa matul is-sena li għaddiet? Kemm minn dawn l-ispejjes tħallsu u kemm għandhom pendeti? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall aħħar snin sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni għal din il-mistoqsija hija inkluża fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 30830 waqt is-Seduta numru 704.
Leg 9 PQ #30906 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Sussidji fuq l-Biedja

Question

B'referenza għall-diskors tal-Ministru tal-Biedja Spanjol Miguel Arias Canese, ċioe li l-membri l-ġodda ta' l-UE ma għandhomx ikollhom aċċess immedjat għas-sussidji tal-Biedja wara li jsiru membri, jista' l-Ministru jinfurmani x'inhija l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar din il-fehma tal-Gvern Spanjol li għandu l-presidenza ta' l-UE fil-mument?

Response (BORG, JOE)

Id-diskors tal-Ministru tal-Biedja Spanjol Miguel Arias Canese għandu jittieħed fil-kuntest sew tal-proposti reċenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iffinanzjar tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, u wkoll fl-isfond tar-riformi fil-politika agrikola komuni tal-Unjoni Ewropea li għad iridu jseħħu. Għalhekk, għadu prematur li wieħed jesprimi ruħu dwar il-fehma tal-Gvern Spanjol jew ta' kwalunkwe Gvern ieħor fuq din il-materja. Fir-rigward tal-agrikoltura l-Gvern Malti qiegħed jiffinaliżża l-pożizzjoni tiegħu għan-negozjati mal-Unjoni Ewropea dwar l-agrikoltura bil-għan li jinnegozja l-aħjar pakkett possibbli sabiex bi sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, l-agrikoltura Maltija mhux biss tiġi salvagwardjata iżda jiġu mħarsa wkoll l-interessi tal-bdiewa u r-raħħala Maltin.

Sewwieqa tal-Mini Buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija ż-żieda li qed jitolbu s-sewwieqa tal-mini buses fil-mument? Meta ingħatat l-aħħar żieda u kemm kienet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għat-talbiet li saru dan l-aħħar dwar vjaġġi għat-tfal ta' l-iskola, nitolbu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Mini Buses

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għolew il-liċenzji, permessi, l-obbligazzjonijiet eċċ, tal-VRT li jirrikjedu s-sewwieqa tal-mini buses matul dawn l-aħħar 10 snin sena b'sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-sidien tal-minibuses ma jħallsux permessi u obligazzjonijiet fid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ħlief għall-liċenzja tal-vettura li matul dawn l-aħħar 10 snin dejjem kienet Lm58. Barra minn hekk, minn Ottubru 1999 il-minibuses qegħdin ikunu ttestjati u ċċertifikati li huma tajbin għat-triq darba fis-sena. Is-sidien iridu jippreżentaw ċertifikat tal-VRT qabel iġeddu l-liċenzja tal-vettura. Id-dritt li jitħallas sabiex isir l-VRT huwa kif ġej: Lm11 fil-każ ta' minibuses b'piż gross taħt 3,500kg Lm13 fil-każ ta' minibuses b'piż gross ta' aktar minn 3,500kg.
Leg 9 PQ #30909 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' konsulenti li kellu l-Ministeru u d-Dipartimenti tas-Sajd, Biedja u Akwakultura matul is-sena li għaddiet u s-snin 2000 u 1999? Kemm kienet l-ispiża totali għall-dawn il-konsulenti s-sena li għaddiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fis-sena 2001 b’kollox kien hemm hdax-il-konsulent fil-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu. Min dawn kien hemm numru li ħadmu biss għal parti mis-sena waqt li oħrajn fuq bażi part-time. Fl-1999 kien hemm tliet konsulenti u fl-2000 kien hemm sitta. L-ammont li tħallas lill-konsulenti f’salarji u benefiċċji fis-sena 2001 kien ta' Lm40,927.50.
Leg 9 PQ #30866 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Konsumatur — Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju ta' kilo tadam, pastard, kaboċċi, basal, ġidra, karrotti u patata għall-konsumatur matul ix-xahar ta' Novembru u Diċembru l-għadda?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: PRODOTT Novembru 2001 Diċembru 2001 Tadam 43 ċenteżmu 54 ċenteżmu Pastard 44 ċenteżmu 39 ċenteżmu Kaboċċi 34 ċenteżmu 37 ċenteżmu Basal Niexef lira u 43 ċenteżmu lira u 67 ċenteżmu Ġidra 22 ċenteżmu 29 ċenteżmu Karrotti 61 ċenteżmu 67 ċenteżmu Patata (wiżna) lira u 22 ċenteżmu lira u 17-il ċenteżmu

Trasport Pubbliku — Żieda fin-Noll

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm ogħla n-noll tat-trasport pubbliku matul l-1999, 2000 u 2001 f'Malta u Għawdex rotta, rotta, separatament? Kemm hija t-talba għaż-żieda fin-noll li qed tintalab fil-mument?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-nolijiet f'Malta għolew b'effett mill-1 ta' Settembru 1999 skond l-Avviż Legali Nru. 148 ta' l-1999.

Gozo Channel — Żieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt għola n-noll ta' vjaġġi tal-Gozo Channel matul l-1999, 2000, u 2001 separatament? Kemm hija t-talba għaż-żieda fin-noll li qed tintalab fil-mument mill-Gozo Channel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li matul l-1999, 2000 u 2001 l-ebda nol ta' vjaġġi magħmula mill-Gozo Channel ma għola. Jien infurmat ukoll li kuntrarju għal dak li ġara fit-3 ta' Frar 1997 permezz ta' Avviż Legali Nru. 13 ta' l-1997, b'seħħ mill-1 ta' Jannar 1999 (Avviż Legali Nru. 277 ta' l-1998) diversi nolijiet ġew imraħħsa bħal ma huma n-nol għall-Għawdxin li minn 75c niżel għal 30c, it-tariffa għal karozzi flimkien man-nol għal xufier residenti Għawdex li niżlet minn Lm4.75c għal Lm2.30c, waqt li t-tariffa għal mutur flimkien man-nol għal xufier residenti Għawdex niżlet minn Lm2 għal Lm1.30c. Ma dawn ġew introdotti wkoll nolijiet ġodda għal passiġġieri li jużaw il-vapur wara t-8:00p.m. li huma ta' Lm1.50c għal passiġġieri (tnaqqis ta' 25c minn dak normali) waqt li t-tariffa għal karozzi flimkien man-nol għax-xufier hi Lm4.50c (tnaqqis ta' Lm1.25 minn dak normali). Inżid ukoll li ma hemm l-ebda talba għal żieda fin-nol fil-mument.
Leg 9 PQ #30869 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li l-bozza ta' farmhouse il-Kunċizzjoni limiti tar-Rabat ta' anzjan li ismu qed jintbagħat separatament qed tinxtel mal-jum flok mal-lejl, jista' d-Dipartiment konċernat jara li tiġi rimedjata immedjatament il-ħsara?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Leg 9 PQ #30871 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Qtugħ ta' Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ikkawża l-qtugħ tal-provista tad-dawl ta' l-elettriku nhar is-Sibt, 12 ta' Jannar 2002 filgħaxija? Liema bliet u rħula kienu affettwati u għall kemm-il siegħa dawn tħallew bla dawl separatament? Kemm tammonta fi spejjeż l-ispiża tal-ħsarat li kkawżaw il-qtugħ inkwistjoni? Jista' jikkunsidra li peress li ħafna stabbilimenti kummerċjali tilfu l-kummerċ tas-Sibt filgħaxija li jkun ilhom jistennew il-ġimgħa kollha, bħal fil-kas tal-ħwienet tax-xorb u restoranti fir-Rabat eċċ, jagħti skont fuq il-kont tad-dawl lil dawn il-familji u nies ta' negozju jridu jħallsu fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-kawża tal-qtugħ fil-provvista tad-dawl kienet dovuta għat-tripping ta' l-Interbus Transformer numru 1 fil-power station ta' Delimara. B'riżultat ta' dan, kien hemm ħsara fit-Tap Charger tat-transformer. Peress li dan it-transformer jagħti l-provvista ta' l-elettriku lill-impjant awżiljarju tal-power station, din intfiet kollha u per konsegwenza waqaf il-kuntatt mal-power station tal-Marsa. Din ta' l-aħħar ma setgħetx tagħti provvista lis-sistema ta' l-elettriku kollha u għalhekk kellu jsir 'load shedding'. Il-qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku sar għall-ħabta ta' l-9.40p.m. u kienu effettwati diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex. Il-ħin li dawn il-lokalitajiet damu bla provvista jvarja minn post għal ieħor. Kien hemm postijiet fejn il-provvista ħadet żmien mhux ftit biex ġiet kompletament għan-normal u kien hemm oħrajn fejn damu mingħajr provvista għal ħin relattivament qasir. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Membru li l-liġi ta' l-1977 dwar l-Enemalta tistipula li l-Korporazzjoni ma tkunx responsabbli f'dawn iċ-ċirkustanzi u għaldaqstant ir-risposta hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #30872 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Wied Inċita — Nursery

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bl-arranġamenti li saru bejn il-Gvern u l-kumpaniji privati dwar il-nursery ta' Wied Inċita? Jista' jinfurmani bis-sitwazzjoni u l-pożizzjoni tal-ħaddiema ta' Wied Inċita? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proposti tal-Ministeru u jgħid meta ġew ippublikati u ċirkolati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma saru ebda arranġamenti bejn il-Gvern u kumpaniji privati dwar in-nursery ta' Wied Incita. Il-Public Private Partnerships Unit tal-Management and Personnel Office tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppublikat sejħa sabiex kull min hu interessat li jidħol bi sħab mal-Gvern fit-tmexxija tax-xogħol tal-fergħat tal-Urban and Rural Landscaping Unit tad-Diviżjoni ta' l-Agrikoltura jagħmel il-proposti tiegħu. Il-proposti sejrin jiġu analizzati u aktar informazzjoni tingħata hekk kif u jekk tiġi finalizzata xi ħaġa.
Leg 9 PQ #30859 Sitting 709 2002-03-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Levies

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet l-importazzjoni tal-laring, tuffiegħ, għeneb tal-mejda, kiwi u banana li daħħlet s-sena li għaddiet bl-eżenzjoni tal-levy u jew bil-ħlas tal-levy? Jista' l-Ministru jwieġeb bl-istess informazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant għandu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.